Deċiżjoni (UE) 2021/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2021 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju — EGF/2020/005 BE/Swissport
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/1020@2021-06-08/mt
Contents
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet b’riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b’riżultat ta’ kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b’riżultat ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u biex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2) Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 186 miljun (prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093.
(3) Fit-22 ta’ Diċembru 2020, il-Belġju ppreżenta applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta’ sensji fi Swissport fil-Belġju. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali mogħtija f’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(4) Għalhekk, jenħtieġ li l-FEG jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 3719224 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Belġju.
(5) Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 3719224 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija għandha tapplika mit-8 ta’ Ġunju 2021.
Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta’ Ġunju 2021. Għall-Parlament Ewropew Il-President D. M. Sassoli Għall-Kunsill Il-President A. P. Zacarias