Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/106 tat-28 ta’ Jannar 2021 dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Ministeru Franċiż għat-Tranżizzjoni Ekoloġika, li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti diżinfettanti li fihom il-propan-2-ol f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2021) 380) (It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/106@2021-01-28/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,
Billi:
(1) Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Ministeru Franċiż għat-Tranżizzjoni Ekoloġika (l-awtorità kompetenti) adotta, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, deċiżjoni (sussegwentement emendata fid-29 ta’ Ġunju 2020) li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti diżinfettanti li fihom il-propan-2-ol għall-iġjene tal-bniedem (tip ta’ prodott 1 kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012), għal perjodu li jdum sal-31 ta’ Diċembru 2020 (l-azzjoni). L-awtorità kompetenti għarrfet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra dwar l-azzjoni u l-ġustifikazzjoni għaliha, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament.
(2) Skont it-tagħrif mogħti mill-awtorità kompetenti, l-azzjoni kienet meħtieġa sabiex titħares is-saħħa pubblika. Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ddikjarat pandemija tal-marda tal-coronavirus (COVID-19). Fit-22 ta’ Marzu 2020, il-Parlament Franċiż adotta liġi li tiddikjara emerġenza tas-saħħa pubblika. L-użu ta’ diżinfettanti tal-idejn b’bażi ta’ alkoħol huwa rrakkomandat mid-WHO u mill-Ministeru Franċiż għas-Saħħa bħala miżura preventiva kontra t-tixrid tal-COVID-19, bħala alternattiva għall-ħasil tal-idejn bis-sapun u bl-ilma. Il-formulazzjoni tal-prodott koperta mill-azzjoni hija konformi mal-formulazzjoni bbażata fuq il-propan-2-ol irrakkomandata mid-WHO.
(3) Il-formulazzjoni bbażata fuq il-propan-2-ol irrakkomandata mid-WHO fiha l-propan-2-ol bħala sustanza attiva. Il-propan-2-ol huwa approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 1 (iġjene tal-bniedem) kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.
(4) Mindu t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, id-diżinfettanti tal-idejn kienu f’domanda estremament għolja fi Franza u dan wassal għal nuqqas ta’ provvista mingħajr preċedent ta’ dawn il-prodotti. Qabel l-azzjoni, kien hemm biss sitt diżinfettanti tal-idejn awtorizzati fi Franza skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Il-COVID-19 tirrappreżenta theddida serja għas-saħħa pubblika fi Franza u l-prodotti diżinfettanti addizzjonali kienu kruċjali għall-kontroll tat-tixrid tagħha, peress li l-ħasil tal-idejn bis-sapun u bl-ilma mhux dejjem ikun possibbli.
(5) Fl-10 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti biex tiġi estiża l-azzjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba saret abbażi ta’ tħassib li s-saħħa pubblika tista’ tiġi pperikolata mill-COVID-19 lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020 u b’kont meħud tal-fatt li l-permess ta’ prodotti diżinfettanti addizzjonali fis-suq huwa kruċjali sabiex jitrażżan il-periklu kkawżat mill-COVID-19, li ma jistax jitrażżan b’mezzi oħra.
(6) Skont l-awtorità kompetenti, hija mistennija żieda ulterjuri fid-domanda ta’ prodotti diżinfettanti. Minkejja l-eżistenza ta’ alternattivi bbażati fuq l-etanol, l-awtorità kompetenti tqis li huwa meħtieġ li tinżamm offerta diversifikata ta’ prodotti diżinfettanti fis-suq, sabiex jiġi minimizzat ir-riskju li jirriżulta minn skarsezzi potenzjali ta’ materja prima.
(7) L-awtorità kompetenti ħeġġet lill-operaturi li bbenefikaw mill-azzjoni biex jiksbu awtorizzazzjoni regolari tal-prodott malajr kemm jista’ jkun. Operatur minnhom ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li japplika għal awtorizzazzjoni regolari għad-diżinfettant tiegħu bbażat fuq il-propan-2-ol.
(8) Peress li l-COVID-19 għadha ta’ periklu għas-saħħa pubblika u peress li fin-nuqqas ta’ prodotti diżinfettanti addizzjonali permessi fis-suq dan il-periklu ma jistax jitrażżan b’mod adegwat fi Franza, huwa xieraq li l-awtorità kompetenti titħalla testendi l-azzjoni għal perjodu li ma jaqbiżx il-550 jum li jibda mill-jum wara dak tal-iskadenza tal-perjodu inizjali ta’ 180 jum mid-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tat-13 ta’ Marzu 2020.
(9) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-Ministeru Franċiż għat-Tranżizzjoni Ekoloġika jista’ jestendi l-azzjoni, biex jippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti diżinfettanti li fihom il-propan-2-ol għall-iġjene tal-bniedem, sat-13 ta’ Marzu 2022.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ministeru Franċiż għat-Tranżizzjoni Ekoloġika.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2021. Għall-Kummissjoni Stella Kyriakides Membru tal-Kummissjoni