Gelex

Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1270 tal-21 ta’ April 2021 li temenda d-Direttiva 2010/43/UE fir-rigward tar-riskji għas-sostenibbiltà u l-fatturi ta’ sostenibbiltà li għandhom jitqiesu għall-Impriżi ta’ Investiment Kollettiv f’Titoli Trasferibbli (UCITS) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2021-04-21from 2021-08-22
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/1270@2021-04-21/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Emendi għad-Direttiva 2010/43/UE
  3. (1)
  4. (3)
  5. (4)
  6. Artikolu 5a Obbligu għall-kumpaniji ta’ investiment li jintegraw ir-riskji għas-sostenibbiltà fl-immaniġġjar tal-UCITS
  7. (5)
  8. (6)
  9. (7)
  10. Artikolu 2 Traspożizzjoni
  11. Artikolu 3 Id-dħul fis-seħħ
  12. Artikolu 4 Destinatarji

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 14(2), u l-Artikolu 51(4) tagħha,

Billi:

(1) It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Fl-2016, l-Unjoni kkonkludiet il-Ftehim ta’ Pariġi. L-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi l-objettiv li jissaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima, fost affarijiet oħra billi l-flussi ta’ finanzjament isiru konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

(2) Huwa minħabba r-rikonoxximent ta’ dik l-isfida li f’Diċembru 2019 il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Patt Ekoloġiku jirrappreżenta strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-2050 ’il quddiem u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Dak l-objettiv jirrikjedi li l-investituri jingħataw sinjali ċari fir-rigward tal-investimenti tagħhom biex jevitaw assi mhux rekuperabbli u jippromwovu l-finanzjament sostenibbli.

(3) F’Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli, li jistabbilixxi strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzjament sostenibbli. Wieħed mill-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni huwa li tingħata direzzjoni ġdida lill-flussi tal-kapital lejn investimenti sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-valutazzjoni tal-impatt li tirfed l-inizjattivi leġiżlattivi sussegwenti ppubblikati f’Mejju 2018 uriet il-ħtieġa li jiġi ċċarat li l-fatturi ta’ sostenibbiltà għandhom jitqiesu minn kumpaniji maniġerjali bħala parti mid-dmirijiet tagħhom lejn l-investituri. Il-kumpaniji maniġerjali għandhom għalhekk jivvalutaw mhux biss ir-riskji finanzjarji rilevanti kollha fuq bażi kontinwa, iżda wkoll ir-riskji għas-sostenibbiltà kollha rilevanti kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li, fejn iseħħu, jistgħu jikkawżaw impatt negattiv materjali reali jew potenzjali fuq il-valur ta’ investiment. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/43/UE ma jirreferix b’mod espliċitu għar-riskji għas-sostenibbiltà. Għal din ir-raġuni u biex ikun żgurat li l-proċeduri interni u l-arranġamenti organizzattivi jiġu implimentati u osservati kif xieraq, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-proċessi, is-sistemi u l-kontrolli interni tal-kumpaniji maniġerjali jirriflettu r-riskji għas-sostenibbiltà, u li l-kapaċità teknika u l-għarfien huma meħtieġa biex jiġu analizzati dawk ir-riskji.

(4) Sabiex jiġu evitati kundizzjonijiet mhux ekwi għall-kumpaniji maniġerjali, u għall-kumpaniji tal-investiment li ma jkunux ħatru kumpanija maniġerjali, u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni, l-inkonsistenza u l-imprevedibbiltà relatati mal-funzjonament tas-suq intern, ir-regoli dwar l-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà għandhom japplikaw ukoll għall-kumpaniji tal-investiment, filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità.

(5) Sabiex jinżamm standard għoli ta’ protezzjoni tal-investitur, il-kumpaniji ta’ ġestjoni għandhom, meta jidentifikaw it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li l-eżistenza tagħhom tista’ tagħmel ħsara lill-interessi ta’ UCITS, jinkludu kunflitti ta’ interess li jistgħu jinħolqu bħala riżultat tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-proċessi, is-sistemi u l-kontrolli interni tagħhom. Dawk il-konflitti jistgħu jinkludu kunflitti li jirriżultaw minn remunerazzjoni jew minn tranżazzjonijiet personali tal-persunal rilevanti, kunflitti ta’ interess li jistgħu jwasslu għal greenwashing, bejgħ inadatt jew rappreżentazzjoni ħażina ta’ strateġiji ta’ investiment u kunflitti ta’ interess bejn UCITS differenti ġestiti mill-istess kumpaniji maniġerjali.

(6) Skont ir-Regolament (UE) 2019/2088 kumpaniji maniġerjali jew ta’ investiment li huma obbligati jikkunsidraw l-impatti negattivi prinċipali ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà, jew li jqisu dawk l-impatti negattivi prinċipali b’mod volontarju, huma obbligati jiżvelaw kif il-politiki ta’ diliġenza dovuta tagħhom iqisu dawk l-impatti negattivi prinċipali. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-Regolament (UE) 2019/2088 u d-Direttiva 2010/43/UE, dak l-obbligu għandu jkun rifless fid-Direttiva 2010/43/UE.

(7) Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2010/43/UE tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Emendi għad-Direttiva 2010/43/UE

Id-Direttiva 2010/43/UE hija emendata kif ġej:

(1) fl-Artikolu 3, jiżdiedu l-punti 11 u 12 li ġejjin:

(1)

11. riskju għas-sostenibbiltà strument finanzjarju li l-objettiv tiegħu huma investimenti sostenibbli kif definiti fl-Artikolu 2(22) tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

12. fatturi ta’ sostenibbiltà tfisser fatturi ta’ sostenibbiltà kif definiti fl-Artikolu 2(24) tar-Regolament (UE) 2019/2088.

(2) fl-Artikolu 4(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej: L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija maniġerjali jqisu r-riskji għas-sostenibbiltà meta jkunu qed jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.;

(3) fl-Artikolu 5, għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

(3)

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3, il-kumpaniji maniġerjali jżommu r-riżorsi u l-kompetenza meħtieġa għall-integrazzjoni effettiva tar-riskji għas-sostenibbiltà.;

(4) għandu jiddaħħal l-Artikolu 5 a li ġej:

(4)

Artikolu 5a Obbligu għall-kumpaniji ta’ investiment li jintegraw ir-riskji għas-sostenibbiltà fl-immaniġġjar tal-UCITS

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ta’ investiment jintegraw ir-riskji għas-sostenibbiltà fl-immaniġġjar tal-UCITS, filwaqt li jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpaniji ta’ investiment.;

(5) fl-Artikolu 9(2), jiżdied il-punt (g) li ġej:

(5)

(g) huwa responsabbli għall-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fl-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (f)..

(6) fl-Artikolu 17, għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

(6)

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-kumpaniji maniġerjali jidentifikaw it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess, li l-eżistenza tagħhom tista’ tagħmel ħsara lill-interessi ta’ UCITS, dawn għandhom jinkludu dawk it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li jistgħu jinħolqu bħala riżultat tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-proċessi, is-sistemi u l-kontrolli interni tagħhom.;

(7) fl-Artikolu 23, jiżdiedu l-paragrafi 5 u 6 li ġejjin:

(7)

5. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-kumpaniji maniġerjali jqisu r-riskji għas-sostenibbiltà meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4.

6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-kumpaniji maniġerjali, jew, fejn applikabbli, il-kumpaniji ta’ investiment iqisu dawn l-impatti prinċipali avversi tad-deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà kif deskritt fl-Artikolu 4(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2019/2088, jew kif meħtieġ mill-paragrafi 3 jew 4 tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament, dawk il-kumpaniji maniġerjali jew il-kumpaniji ta’ investiment għandhom iqisu l-impatti negattivi prinċipali bħal dawn meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu.;

(8) fl-Artikolu 38(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: Il-politika tal-immaniġġjar tar-riskji għandha tinkludi dawn il-proċeduri meħtieġa biex il-kumpanija maniġerjali tkun tista’ tivvaluta l-iskopertura ta’ kull UCITS li timmaniġġja għar-riskji tas-suq, il-likwidità, is-sostenibbiltà u l-kontraparti, u l-iskopertura tal-UCITS għar-riskji l-oħra kollha, inklużi riskji operazzjonali, li jistgħu jaffettwaw kull waħda mill-UCITS li timmaniġġja..

Artikolu 2 Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta Lulju 2022 u mhux iktar tard, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih. Dawn għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Awwissu 2022. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3 Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2021. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen

Versions

  1. 2021-04-21