Gelex

Deċiżjoni (UE) 2021/1274 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Lulju 2021 dwar is-sottodelega tas-setgħat li jittieħdu ċerti deċiżjonijiet relatati mal-akkreditazzjoni ta’ manifattur u ta’ ċerti setgħat fir-rigward tal-proċeduri ta’ akkreditazzjoni għall-manifatturi akkreditati u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/1975 (BĊE/2021/32)

In forceVersion 2021-07-27from 2021-07-28
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/1274@2021-07-27/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Sottodelega ta’ setgħat biex tingħata akkreditazzjoni lill-manifatturi u l-għoti ta’ kunsens bil-miktub minn qabel mill-BĊE
  3. Artikolu 2 Sottodelega tas-setgħa biex jittieħdu deċiżjonijiet relatati ma’ waqfien immedjat ta’ attività relatata ma’ element ta’ sigurtà tal-euro
  4. Artikolu 3 Obbligu ta’ rapportar
  5. Artikolu 4 Revoka
  6. Artikolu 5 Dħul fis-seħħ
  7. Artikolu 6 Destinatarji

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra id-Deċiżjoni (UE) 2020/637 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ April 2020 dwar proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ elementi ta’ sigurtà tal-euro u elementi tal-euro (BĊE/2020/24), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 (2) u (3) tagħha,

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/637 (BĊE/2020/24), il-Bord Eżekuttiv huwa kompetenti biex jieħu d-deċiżjonijiet kollha relatati mal-akkreditazzjoni ta’ manifattur skont l-Artikolu 6(1), (3) u (7), l-Artikoli 7 u 10, l-Artikolu 14(1) u (4) u l-Artikoli 16 sa 19 ta’ dik id-Deċiżjoni. L-Artikolu 20(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/637 (BĊE/2020/24) jippermetti lill-Bord Eżekuttiv jissottodelega setgħat speċifiċi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet biex jittieħdu ċerti deċiżjonijiet relatati mal-akkreditazzjoni ta’ manifattur lil wieħed mill-membri tiegħu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/637 (BĊE/2020/24), il-Bord Eżekuttiv jista’ wkoll jissottodelega setgħat speċifiċi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għal-livell operazzjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

(2) Sabiex jiġu ssimplifikati aktar il-proċeduri ta’ akkreditazzjoni, is-setgħat li jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha relatati mal-akkreditazzjoni ta’ manifattur skont l-Artikolu 6(1), (3) u (7) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/637 (BĊE/2020/24) għandhom jiġu sottodelegati lill-membru tal-Bord Eżekuttiv li lilu jirrapporta d-Direttorat tal-Karti tal-Flus. Barra minn hekk, il-proċeduri fir-rigward tal-attivitajiet tal-manifatturi akkreditati, li għalihom huwa meħtieġ il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-BĊE skont l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/637 (BĊE/2020/24), għandhom jiġu ssimplifikati billi tiġi sottodelegata s-setgħa li jingħata tali kunsens bil-miktub minn qabel għal-livell operazzjonali tad-Direttorat tal-Karti tal-Flus.

(3) Każijiet maġġuri ta’ nuqqas ta’ konformità li jiġu identifikati waqt spezzjonijiet ta’ manifatturi akkreditati jistgħu jeħtieġu waqfien tal-attività rilevanti relatata ma’ element ta’ sigurtà tal-euro b’effett immedjat. Sabiex tiġi ffaċilitata reazzjoni rapida mill-BĊE, id-deċiżjonijiet dwar tali waqfiet għandhom jiġu sottodelegati għal-livell operazzjonali tad-Direttorat tal-Karti tal-Flus.

(4) Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1975 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/39) tirreferi għall-kompetenzi tal-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2013/54 tal-Bank Ċentrali Ewropew. Id-Deċiżjoni BĊE/2013/54 tħassret bid-Deċiżjoni (UE) 2020/637 (BĊE/2020/24). Fl-interessi taċ-ċarezza, id-Deċiżjoni BĊE/2016/1975 (BĊE/2016/39) għandha titħassar ukoll.

(5) Sabiex tiġi salvagwardjata r-responsabbiltà kollettiva tal-Bord Eżekuttiv, kull deċiżjoni meħuda jew mill-membru tal-Bord Eżekuttiv li lilu tingħata s-sottodelega jew fil-livell operazzjonali tad-Direttorat tal-Karti tal-Flus skont is-sottodelega għandha tiġi rrappurtata kull sena lill-Bord Eżekuttiv,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Sottodelega ta’ setgħat biex tingħata akkreditazzjoni lill-manifatturi u l-għoti ta’ kunsens bil-miktub minn qabel mill-BĊE

1. Il-Bord Eżekuttiv jissottodelega lill-membru tal-Bord Eżekuttiv li lilu d-Direttorat tal-Karti tal-Flus jirrapporta s-setgħa li jieħu d-deċiżjonijiet kollha relatati mal-akkreditazzjoni ta’ manifattur skont l-Artikolu 6(1), (3) u (7) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/637 (BĊE/2020/24).

2. Il-Bord Eżekuttiv jissottodelega lid-Direttur tal-Karti tal-Flus u lill-Kap tad-Diviżjoni tal-Ġestjoni tal-Munita tad-Direttorat tal-Karti tal-Flus is-setgħa li jagħti l-kunsens bil-miktub minn qabel tal-BĊE skont l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/637 (BĊE/2020/24) f’każijiet fejn manifattur akkreditat ikun ikkonforma mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni rilevanti kollha skont l-Artikoli 3 u 4 ta’ dik id-Deċiżjoni u l-obbligi rilevanti kollha skont l-Artikolu 9 tal-istess Deċiżjoni.

Artikolu 2 Sottodelega tas-setgħa biex jittieħdu deċiżjonijiet relatati ma’ waqfien immedjat ta’ attività relatata ma’ element ta’ sigurtà tal-euro

Il-Bord Eżekuttiv jissottodelega s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet biex jeħtieġ lil manifattur akkreditat iwaqqaf l-attività rilevanti relatata ma’ element ta’ sigurtà tal-euro b’effett immedjat f’konformità mal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/637 (BĊE/2020/24) lil żewġ membri tal-persunal tad-Direttorat tal-Karti tal-Flus, awtorizzati li jwettqu spezzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 11 ta’ dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 3 Obbligu ta’ rapportar

1. Il-membru tal-Bord Eżekuttiv li lilu jirrapporta d-Direttorat tal-Karti tal-Flus għandu jippreżenta rapport annwali lill-Bord Eżekuttiv dwar id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 1(1) matul is-sena kalendarja preċedenti, sakemm ma jkunux ittieħdu deċiżjonijiet bħal dawn.

2. Id-Direttorat tal-Karti tal-Flus għandu jippreżenta rapport annwali lill-Bord Eżekuttiv dwar id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 1(2) u 2 matul is-sena kalendarja preċedenti, sakemm ma jkunux ittieħdu deċiżjonijiet bħal dawn.

Artikolu 4 Revoka

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1975 (BĊE/2016/39) hija b’dan imħassra:

Artikolu 5 Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.

Artikolu 6 Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-manifatturi u lill-manifatturi akkreditati ta’ elementi ta’ sigurtà tal-euro u ta’ elementi tal-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta’ Lulju 2021. Il-President tal-BĊE Christine Lagarde

Versions

  1. 2021-07-27