Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1287 tat-2 ta’ Awwissu 2021 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-indoksakarb għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/1287@2021-08-02/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
(1) Is-sustanza attiva indoksakarb iddaħħlet fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tintuża fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18, u b’hekk skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 hija meqjusa li hi approvata skont dak ir-Regolament soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.
(2) Fis-26 ta’ Ġunju 2018, ġiet sottomessa applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-indoksakarb għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18.
(3) Fit-12 ta’ Novembru 2018, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni ta’ Franza infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni kienet meħtieġa. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa għandha twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.
(4) Billi l-awtorità kompetenti qed twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, (l-Aġenzija) għandha tħejji u tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva fi żmien 270 jum minn meta tirċievi r-rakkomandazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.
(5) Skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1030, id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-indoksakarb għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 ġiet posposta għat-30 ta’ Ġunju 2022 sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjoni. Madankollu, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għadha ma ffinalizzatx l-eżami u għadha ma ssottomettietx ir-rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tagħha lill-Aġenzija.
(6) Fid-29 ta’ Ottubru 2020, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, talbet lill-applikant biex jissottometti informazzjoni addizzjonali biex l-evalwazzjoni titwettaq f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u stabbiliet it-30 ta’ Settembru 2022 bħala d-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ din l-informazzjoni.
(7) Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni tal-indoksakarb għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 x’aktarx li se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-indoksakarb għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 għal perjodu ta’ żmien twil biżżejjed biex l-eżami tal-applikazzjoni jkun jista’ jitlesta.
(8) Meta wieħed iqis iż-żmien meħtieġ għat-tlestija tal-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa u għat-tħejjija u għas-sottomissjoni tal-opinjoni mill-Aġenzija, jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni għat-30 ta’ Ġunju 2024.
(9) Minbarra d-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni, l-indoksakarb għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 tibqa’ approvata soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-indoksakarb għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18 hija posposta għat-30 ta' Ġunju 2024.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Awwissu 2021. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen