Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1365 tal-11 ta’ Awwissu 2021 dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Ministeru tas-Saħħa tal-Kroazja li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2021) 5929) (It-test bil-Kroat biss huwa awtentiku)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/1365@2021-08-11/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,
Billi:
(1) Fil-31 ta’ Awwissu 2020, il-Ministeru tas-Saħħa tal-Kroazja (l-awtorità kompetenti) adotta deċiżjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu, sat-28 ta’ Frar 2021, tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru (l-azzjoni). F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni tagħha.
(2) Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti, l-azzjoni kienet meħtieġa biex titħares is-saħħa pubblika. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għal funzjonament ħażin tal-magni tal-inġenji tal-ajru, u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tagħhom, u b’hekk tipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Il-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet li saru fuq it-titjiriet minħabba fiha wasslu biex bosta inġenji tal-ajru jkollhom jibqgħu pparkjati temporanjament. L-immobbiltà tal-inġenji tal-ajru hi fattur aggravanti għall-kontaminazzjoni mikrobijoloġika.
(3) Il-prodott Biobor JF fih 2,2’-(1-metiltrimetilenediossi)bis-(4-metil-1,3,2-dioksaborinan) (bin-numru tal-CAS 2665-13-6) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-dioksaborinan) (bin-numru tal-CAS 14697-50-8), li huma sustanzi attivi għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip tal-prodotti Nru 6 bħala preservattivi tal-prodotti waqt il-ħażna, kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Billi dawk is-sustanzi attivi mhumiex elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014, mhumiex inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li jkun hemm fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għaldaqstant, l-Artikolu 89 ta’ dak ir-Regolament ma japplikax għalihom u jeħtieġu valutazzjoni u approvazzjoni qabel ma jiġu awtorizzati l-prodotti bijoċidali li jkun fihom dawk is-sustanzi attivi, anki fil-livell nazzjonali.
(4) Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti biex testendi l-azzjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret minħabba tħassib li anki wara t-28 ta’ Frar 2021, it-trasport bl-ajru jista’ jibqa’ pperikolat minħabba xi kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-arju u sar l-argument li Biobor JF huwa essenzjali biex tiġi kkontrollata din il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika.
(5) Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti, l-uniku prodott bijoċidali alternattiv rakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika (il-Kathon™ FP 1.5) ġie rtirat mis-suq f’Marzu tal-2020 minħabba inċidenti relatati mas-sikurezza li ġew osservati wara t-trattament b’dak il-prodott.
(6) Skont l-awtorità kompetenti, it-trattament mekkaniku tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru mhux dejjem ikun possibbli u l-proċeduri rrakkomandati mill-manifatturi tal-magni tal-inġenji tal-ajru jeħtieġu t-trattament bi prodott bijoċidali anki meta jkun possibbli t-tindif mekkaniku. Barra minn hekk, it-trattament mekkaniku jesponi lill-ħaddiema għal gassijiet tossiċi u għalhekk jenħtieġ ikun evitat.
(7) Skont l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, il-manifattur ta’ Biobor JF ħa passi biex jikseb l-awtorizzazzjoni regolari tal-prodott, u huwa mistenni li f’nofs l-2022 titressaq applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni sussegwenti tal-prodott bijoċidali jkunu jikkostitwixxu soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda dawk il-proċeduri jeħtieġu ammont sinifikanti ta’ żmien biex jitlestew.
(8) In-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, u dak il-periklu ma jistax jitrażżan biżżejjed bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għaldaqstant jixraq li l-awtorità kompetenti titħalla testendi l-azzjoni.
(9) Billi l-azzjoni skadiet fit-28 ta’ Frar 2021, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni jkollha effett retroattiv.
(10) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-Ministeru tas-Saħħa Kroat jista’ jestendi l-azzjoni sat-2 ta’ Settembru 2022 biex ikunu jistgħu jsiru t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru mill-utenti professjonali.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ministeru tas-Saħħa tal-Kroazja. Għandha tapplika mill-1 ta’ Marzu 2021.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2021. Għall-Kummissjoni Stella Kyriakides Membru tal-Kummissjoni