Gelex

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1400 tal-24 ta’ Awwissu 2021 li jiffissa r-rati tal-imgħax li jridu jintużaw biex jiġu kkalkulati l-kostijiet għall-finanzjament tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet għas-sena fiskali 2022 tal-FAEG

In forceVersion 2021-08-24from 2021-08-28
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/1400@2021-08-24/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) u (4) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1) L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 jistipula li n-nefqa relatata mal-kostijiet ta’ finanzjament imġarrba mill-Istati Membri sabiex jimmobilizzaw fondi biex jixtru l-prodotti trid tiġi ddeterminata f’konformità mal-metodi stabbiliti fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

(2) Il-punt I.1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 jipprevedi li l-kostijiet ta’ finanzjament ikkonċernati jridu jiġu kkalkulati abbażi ta’ rata tal-imgħax uniformi għall-Unjoni ffissata mill-Kummissjoni fil-bidu ta’ kull sena fiskali. Din ir-rata tal-imgħax tikkorrispondi għall-medja tar-rati bil-quddiem tal-Euribor għal terminu ta’ tliet xhur u ta’ 12-il xahar, irreġistrati matul il-perjodu ta’ referenza ta’ sitt xhur li jrid jiġi ddeterminat mill-Kummissjoni, qabel in-notifika mingħand l-Istati Membri prevista fl-ewwel paragrafu tal-punt I.2 ta’ dak l-Anness, b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ terz u ta’ żewġ terzi rispettivament.

(3) Biex jiġu ddeterminati r-rati tal-imgħax applikabbli għal sena fiskali partikolari, l-ewwel paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 jipprevedi li l-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni, meta titlob dan, bir-rata tal-imgħax medja mġarrba minnhom realment matul il-perjodu ta’ referenza msemmi fil-punt I.1 ta’ dak l-Anness, sa mhux iktar tard mid-data ta’ skadenza msemmija f’dik it-talba.

(4) Barra minn hekk, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014, jekk Stat Membru ma jibgħat l-ebda notifika, fil-forma u sad-data ta’ skadenza msemmijin fl-ewwel paragrafu ta’ dak il-punt, ir-rata tal-imgħax imġarrba minn dak l-Istat Membru għandha titqies bħala 0 %. Jekk Stat Membru jiddikjara li ma ġarrab l-ebda kost tal-imgħax għax ma kellux prodotti agrikoli fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta’ referenza, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi dik ir-rata tal-imgħax f’konformità mat-tielet paragrafu ta’ dak il-punt.

(5) Minħabba l-fatt li ma kien hemm l-ebda prodott agrikolu fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta’ referenza ta’ sitt xhur li huwa stabbilit għax-xhur ta’ Novembru 2020 sa April 2021, l-Istati Membri ma ntalbux jagħmlu notifiki skont l-ewwel paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014. Għalhekk, il-Kummissjoni ffissat rata ta’ imgħax ta’ referenza skont it-tielet paragrafu ta’ dak il-punt.

(6) F’konformità mal-punt I.3 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014, ir-rata tal-imgħax stabbilita abbażi tal-punt I.2 ta’ dak l-Anness trid titqabbel mar-rata tal-imgħax uniformi ffissata abbażi tal-punt I.1 ta’ dak l-Anness. Ir-rata tal-imgħax applikabbli għal kull Stat Membru trid tkun l-aktar waħda baxxa minn dawn iż-żewġ rati tal-imgħax. Madankollu, għall-fini tar-rimborż tan-nefqa tal-Istati Membri, ir-rati tal-imgħax negattivi ma jistgħux jiġu kkunsidrati.

(7) Ir-rati tal-imgħax applikabbli għas-sena fiskali tal-2022 tal-FAEG għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu dawk il-fatturi differenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Għan-nefqa marbuta mal-kostijiet ta’ finanzjament imġarrba mill-Istati Membri biex jimmobilizzaw il-fondi għax-xiri sfurzat ta’ prodotti li għandhom jitħallsu mis-sena fiskali 2022 tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), ir-rati tal-imgħax previsti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 f’konformità mal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu ffissati għal 0 %.

Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Awwissu 2021. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen

Versions

  1. 2021-08-24