Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1434 tat-2 ta’ Settembru 2021 li jtemm rieżami tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 443/2011 u (UE) Nru 444/2011 li jestendu d-dazju kompensatorju u anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/1434@2021-09-02/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu, u r-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1266 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1267 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037,
Billi: PROĊEDURA
(1) Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet talba għal eżenzjoni mill-miżuri anti-dumping u kumpensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada kif ukoll jekk le, sa fejn hija kkonċernata l-kumpanija Verbio Diesel Canada Corporation (l-applikant). It-talba saret skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) 2016/1037 u tressqet fit-13 ta’ Lulju 2020.
(2) Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza disponibbli fit-talba, u kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) 2016/1037 għall-għan li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li l-applikant jingħata eżenzjoni mill-miżuri estiżi.
(3) Fis-16 ta’ Diċembru 2020, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2020/2098, il-Kummissjoni tat bidu għar-rieżami tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 443/2011 u (UE) Nru 444/2011. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2098 ħassar id-dazji anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1518 fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-applikant u ordna lill-awtoritajiet doganali jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw dawn l-importazzjonijiet. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni.
(4) Il-partijiet interessati kollha kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni, mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali jew it-tnejn li huma sal-limitu ta’ żmien stipulat fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2098. Ma wasal l-ebda kumment jew talba għal seduta ta’ smigħ.
IRTIRAR TAT-TALBA U TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT
(5) Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Lulju 2021, l-applikant irtira formalment it-talba li daħħal fit-13 ta’ Lulju 2020.
(6) F’konformità l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2016/1037, il-proċedimenti jistgħu jintemmu meta t-talba tiġi rtirata, sakemm tali terminazzjoni ma tkunx kontra l-interess tal-Unjoni. L-investigazzjoni ma kienet żvelat ebda konsiderazzjoni li turi li huwa fl-interess tal-Unjoni li jitkompla l-każ.
(7) Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-investigazzjoni ta’ rieżami għandha tintemm. Konsegwentement, ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-applikant jenħtieġ li tieqaf u jenħtieġ li d-dazju anti-dumping applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1518 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2021/1266 (EUR 172,2/tunnellata) jiġi impost retroattivament fuq dawn l-importazzjonijiet mid-data tal-bidu tal-investigazzjoni ta’ rieżami.
(8) Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b’dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. Ma wasal l-ebda kumment.
(9) Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni stabbilita bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, li għaliha jirreferi wkoll l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2016/1037.
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Ir-rieżami mibdi bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2098 jintemm.
Artikolu 2 Id-dazju anti-dumping applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha stipulat fl-Artikoli 1(2) u 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1518 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1266 jerġa’ jibda japplika mis-16 ta’ Diċembru 2020 fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-kumpanija Verbio Diesel Canada Corporation. Id-dazju anti-dumping imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi impost b’effett mis-16 ta’ Diċembru 2020 fuq l-importazzjonijiet irreġistrati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2098.
Artikolu 3 L-awtoritajiet doganali huma ordnati li ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2020/2098. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Settembru 2021. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen