Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1774 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

In forceVersion 2021-10-05from 2021-10-07
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/1774@2021-10-05/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493, tawtorizza lill-Ungerija biex, sal-31 ta’ Diċembru 2021, tapplika miżura speċjali li tikkonsisti minn naħa waħda li tillimita sa 50 % id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq infiq relatat ma-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet professjonali, b’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE u min-naħa l-oħra li ma tittrattax bħala forniment ta’ servizzi bi ħlas l-użu mhux kummerċjali ta’ vettura tal-passiġġieri inkluża fl-assi ta’ impriża ta’ persuna taxxabbli, meta dik il-vettura kienet soġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, b’deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1), ta’ dik id-Direttiva (il-miżura speċjali).

(2) Permezz ta’ ittra, rreġistrata mal-Kummissjoni fil-25 ta’ Frar 2021, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali (it-talba għal estensjoni).

(3) F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba għal estensjoni lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-ittri ddatati s-7 ta’ April 2021. Permezz ta’ ittra ddatata t-8 ta’ April, 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba għal estensjoni.

(4) Skontl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493, l-Ungerija, flimkien mat-talba għal estensjoni, ippreżentat rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit għat-tnaqqis mill-VAT. Abbażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, jiġifieri l-esperjenza miksuba minn awditi tat-taxxa u d-data statistika b’rabta mal-użu privat tal-karozzi tal-passiġġieri, fit-talba għal estensjoni l-Ungerija tikkonferma li l-limitu ta’ 50 % għadu ġustifikabbli u xieraq. Barra minn hekk, billi tissimplifika l-ġbir tal-VAT, il-miżura speċjali kienet effettiva fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv minn fuq l-impriżi u l-awtoritajiet tat-taxxa. Fl-istess ħin, hija tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa permezz ta’ żamma skorretta ta’ rekords. Għalhekk, jenħtieġ li l-Ungerija tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali.

(5) Jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri speċjali jkollha limitu taż-żmien biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività tagħha u tal-perċentwal xieraq. Għalhekk, jenħtieġ li l-Ungerija tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali għal perjodu limitat ulterjuri sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(6) Fil-każ li l-Ungerija tikkunsidra li estensjoni tal-awtorizzazzjoni lil hinn mill-2024 tkun neċessarja, jenħtieġ li tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal applikat flimkien mat-talba għal estensjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2024.

(7) Il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-VAT.

(8) Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 1

Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2024. Kull talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024 u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1..

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’Ottubru 2021. Għall-Kunsill Il-President A. Šircelj

Versions

  1. 2021-10-05