Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1779 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

In forceVersion 2021-10-05from 2021-10-08
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/1779@2021-10-05/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1
  3. (2)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1013/UE awtorizzat lir-Repubblika tal-Awstrija (l-Awstrija) biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mid-Direttiva 2006/112/KE (il-miżura speċjali). Wara estensjonijiet suċċessivi, din l-awtorizzazzjoni hija mistennija tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021.

(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE daħħlet l-Artikolu 168a fid-Direttiva 2006/112/KE sabiex jillimita t-tnaqqis għall-proporzjon tal-użu tan-negozju effettiv u b’hekk jiġi applikat aktar effettivament il-prinċipju skont liem it-tnaqqis isir biss sakemm l-oġġetti u s-servizzi kkonċernati jintużaw għall-iskopijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE ġiet emendata biex tiġi inkluża referenza għall-Artikolu 168a tad-Direttiva 2006/112/KE. Għaldaqstant it-titolu tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE jenħtieġ li jirreferi wkoll għall-Artikolu 168a tad-Direttiva 2006/112/KE.

(3) Il-miżura speċjali tidderoga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq l-oġġetti u s-servizzi fornuti lilhom għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. Il-miżura speċjali hi maħsuba biex teskludi mid-dritt għat-tnaqqis il-VAT fuq l-oġġetti u s-servizzi meta l-użu mill-persuni taxxabbli tal-oġġetti u s-servizzi f’90 % tal-każijiet ikun għal finijiet privati jew għall-finijiet tal-impjegati tagħha, jew b’mod ġenerali għal finijiet li mhumiex tan-negozju jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi.

(4) L-għan tal-miżura speċjali huwa li tissimplifika l-proċedura tal-intaxxar u tal-ġbir tal-VAT. L-ammont ta’ taxxa dovut fil-livell tal-konsum finali huwa affettwat biss b’mod negliġibbli.

(5) Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Marzu 2021, l-Awstrija talbet li tkun awtorizzata tkompli tapplika din il-miżura speċjali (it-talba).

(6) Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz ta’ ittri bid-data tas-7 ta’ April 2021, il-Kummissjoni bagħtet it-talba lill-Istati Membri l-oħrajn. Permezz ta’ bid-data tat-8 ta’ April 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Awstrija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(7) Skont l-Awstrija, il-miżura speċjali kienet effettiva ħafna biex tissimplifika l-ġbir tal-VAT u biex tipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għan-negozji u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, minħabba li ma hemm l-ebda ħtieġa ta’ monitoraġġ tal-użu sussegwenti tal-oġġetti u s-servizzi li għalihom kienet tapplika l-esklużjoni mit-tnaqqis meta jkunu ġew akkwistati. Għalhekk, jenħtieġ li l-Awstrija tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali għal perjodu limitat ulterjuri sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(8) Fil-każ li l-Awstrija tqis li tkun meħtieġa estensjoni lil hinn mill-2024, jenħtieġ li tissottometti talba lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024, akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali, inkluż rieżami tar-rata tat-tqassim applikata.

(9) Il-miżura speċjali mhu se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

(10) Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2009/1013/UE hija emendata kif ġej:

Artikolu 1

(1) It-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1013/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud;

(2) L-Artikoli 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

(2)

Artikolu 1 B’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Awstrija hija awtorizzata teskludi kompletament it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imġarrba fuq l-oġġetti u s-servizzi mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT meta aktar minn 90 % tal-użu ta’ dawn l-oġġetti u s-servizzi jkun għall-finijiet privati ta’ persuna taxxabbli jew tal-impjegati tagħha, jew b’mod iktar ġenerali, għal finijiet li mhumiex tan-negozju jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024. Kull talba għal estensjoni tal-miżura ta’ deroga prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024. Tali talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din il-miżura li jinkludi rieżami tar-rata tat-tqassim applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni..

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’Ottubru 2021. Għall-Kunsill Il-President A. Šircelj

Versions

  1. 2021-10-05