Gelex

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1785 tat-8 ta’ Ottubru 2021 li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 fir-rigward ta’ deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150 fir-rigward ta’ bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid

In forceVersion 2021-10-08from 2020-05-04
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/1785@2021-10-08/mt

Contents
  1. Preamble
  2. L-Artikolu 1 Korrezzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600
  3. L-Artikolu 2 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, u b’mod partikolari l-Artikolu 54(a) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/600 introduċa għadd ta’ derogi mir-regoli eżistenti inter alia fis-settur tal-inbid, li kellhom l-għan li jwieżnu lill-operaturi fis-settur tal-inbid biex jiġu megħjuna jlaħħqu mal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan ippermetta lill-Istati Membri jidderogaw temporanjament mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 biex ibiddlu l-programmi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom fis-settur tal-inbid kull meta jkun meħtieġ b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 45(1)(a), u fl-Artikoli 46 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(2) Din il-flessibbiltà kellha l-għan li tippermetti lill-Istati Membri jirreaġixxu malajr għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19 u biex jissottomettu bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom kmieni kemm jista’ jkun. Ir-raġuni sottostanti għal dan kienet il-ħtieġa li l-Istati Membri jitħallew jaġġustaw il-miżuri diġà fis-seħħ b’mod aktar frekwenti iżda wkoll, kif imsemmi fil-premessa (6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600, biex jinkludu miżuri ulterjuri fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom immedjatament malli jidħol fis-seħħ dak ir-Regolament minflok ikollhom jistennew l-iskadenza li jmiss għall-emendi.

(3) Minbarra l-miżuri previsti fl-Artikolu 45(1),(a), u l-Artikoli 46 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri ngħataw il-possibbiltà li fil-programmi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom jinkludu wkoll il-miżuri temporanji eċċezzjonali tad-distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi u l-għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi kif imsemmija rispettivament fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni(UE) 2020/592. Madankollu, minħabba omissjoni mhux intenzjonata, dawn iż-żewġ miżuri eċċezzjonali ma ssemmewx b’mod espliċitu fost il-miżuri elenkati fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600.

(4) Mill-Artikoli 3(9) u 4(8) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/592 huwa ċar li l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150 japplika mutatis mutandis għall-miżuri ta’ distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi u għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi rispettivament. Dawn id-dispożizzjonijiet ifittxu li jiżguraw li l-miżuri eċċezzjonali jsegwu kemm jista’ jkun ir-regoli applikabbli għall-miżuri previsti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Madankollu, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 jidderoga temporanjament mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150 billi jippermetti lill-Istati Membri jinkludu jew ibiddlu l-miżuri fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom kull meta jkun meħtieġ. Għaldaqstant, sabiex jiġi żgurat li l-miżuri eċċezzjonali jiġu implimentati bl-istess mod bħal kwalunkwe miżura ta’ appoġġ eżistenti oħra, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 japplika wkoll għad-distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi u għall-għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi. Huwa xieraq li dan jiġi ċċarat billi tiġi inkluża referenza espliċita għal dawk iż-żewġ miżuri eċċezzjonali.

(5) Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li ż-żamma tad-distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi u l-għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 kienet tmur kontra s-sempliċi għan ta’ dawn il-miżuri li jipprovdu għajnuna urġenti għas-suq tal-inbid fi żminijiet ta’ kriżi. Il-prevenzjoni tal-Istati Membri milli jintroduċu bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom speċifikament għal dawk iż-żewġ miżuri, filwaqt li tippermettilhom għal kwalunkwe miżura oħra, kienet tkun f’kuntrast mal-intenzjoni ċara li l-Istati Membri jitħallew jużaw dawn il-miżuri malajr u kemm ikun spiss kemm meħtieġ.

(6) Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 jiġi kkoreġut skont dan.

(7) Sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri li fis-sena finanzjarja 2020 ikunu introduċew bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom relatati mal-miżuri eċċezzjonali stipulati fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/592, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika b’mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600.

(8) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1 Korrezzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600

Fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

1. B’deroga mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu, b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 45(1)(a), u fl-Artikoli 46 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592, kull meta jkun meħtieġ matul is-sena finanzjarja 2020 iżda mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2020, bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 41(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

L-Artikolu 2 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-4 ta’ Mejju 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2021. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen

Versions

  1. 2021-10-08