Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1839 tal-15 ta’ Ottubru 2021 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-krijożot għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/1839@2021-10-15/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
(1) Is-sustanza attiva krijożot iddaħħlet fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tintuża fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, u b’hekk, skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, hija meqjusa li hi approvata skont dak ir-Regolament, soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.
(2) Fis-27 ta’ Ottubru 2016, ġiet sottomessa applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-krijożot għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8.
(3) Fis-16 ta’ Settembru 2019, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni preċedenti tar-Renju Unit ippreżentat rakkomandazzjoni dwar it-tiġdid lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-Aġenzija). Fit-30 ta’ Jannar 2020, l-awtorità kompetenti tal-Polonja ħadet ir-rwol ta’ awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni.
(4) Meta jitqies li sa Lulju 2020 l-opinjoni tal-Aġenzija dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva kienet għadha mhix disponibbli, l-iskadenza tal-approvazzjoni tal-krijożot ġiet posposta għall-31 ta’ Ottubru 2021 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1038 sabiex jingħata biżżejjed żmien għat-tlestija tal-eżami tal-applikazzjoni.
(5) F’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, b’kont meħud tal-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, l-Aġenzija adottat l-opinjoni tagħha fl-4 ta’ Diċembru 2020.
(6) Il-krijożot huwa kklassifikat bħala sustanza karċinoġena tal-kategorija 1B f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jissodisfa l-kriterji biex jitqies bħala sustanza persistenti, bijoakkumulattiva u tossika u bħala sustanza persistenti ħafna u bijoakkumulattiva ħafna f’konformità mal-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u jissodisfa l-kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti fil-punti (a) u (e) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Filwaqt li diġà inbeda l-eżami biex jiġi deċiż jekk tal-anqas waħda mill-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 hijiex issodisfata, u jekk għaldaqstant l-approvazzjoni tal-krijożot tistax tiġġedded, mhux se jkun possibbli li dan l-eżami jitlesta qabel l-iskadenza attwali tal-approvazzjoni.
(7) Barra minn hekk, il-krijożot, il-komposti tiegħu u l-injam ittrattat bih huma soġġetti għar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Wara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/961, Franza trid tippreżenta lill-Aġenzija dossier f’konformità mal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jagħti bidu għal proċedura ta’ restrizzjoni tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 69 sa 73 ta’ dak ir-Regolament. Jeħtieġu jsiru iktar eżamijiet biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-valutazzjoni tat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-krijożot bħala sustanza attiva skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 u l-proċedura ta’ restrizzjoni tal-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, u biex ikun previst kontroll effettiv tal-krijożot u tal-injam ittrattat bih.
(8) Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni tal-krijożot għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 x’aktarx li se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk jixraq li terġa’ tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-krijożot għal perjodu ta’ żmien twil biżżejjed biex ikun jista’ jsir l-eżami tal-applikazzjoni.
(9) Meta jitqies il-perjodu meħtieġ biex jiġi deċiż jekk ġietx issodisfata mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u jekk tistax għalhekk tiġġedded l-approvazzjoni tal-krijożot, huwa xieraq li d-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-krijożot tiġi posposta għall-31 ta’ Ottubru 2022.
(10) Minbarra d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, il-krijożot jibqa’ approvat soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-krijożot għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 hija posposta għall-31 ta’ Ottubru 2022.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ottubru 2021. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen