Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1904 tad-29 ta’ Ottubru 2021 li jadotta d-disinn ta’ logo komuni għall-bejgħ bl-imnut mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali veterinarji (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/1904@2021-10-29/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(7) tiegħu,
Billi:
(1) Il-persuni li għandhom permess ifornu l-prodotti mediċinali veterinarji f’konformità mal-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2019/6, taħt ċerti kundizzjonijiet jistgħu joffru dawn il-prodotti għall-bejgħ mill-bogħod. Se jiġi adottat logo komuni li jinkludi iperlink għal-lista tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, ta’ bejjiegħa li għandhom il-permess joffru l-prodotti mediċinali veterinarji mill-bogħod, bil-għan li jgħin lill-pubbliku jivverifika jekk sit web li jkun qed joffri dawn il-prodotti għall-bejgħ mill-bogħod ikunx intitolat li jagħmel dan b’mod legali.
(2) Id-disinn tal-logo komuni għall-forniment ta’ prodotti mediċinali veterinarji mill-bogħod se jinkludi kemm disinn grafiku kif ukoll iperlink li jwassal għal-lista ta’ bejjiegħa bl-imnut li għandhom il-permess joffru l-prodotti mediċinali veterinarji mill-bogħod fis-sit web tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti.
(3) F’konformità mal-maġġoranza tal-opinjonijiet tal-Istati Membri li tlissnu fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji fit-2 ta’ Diċembru 2019, u mal-opinjonijiet li ħarġu minn konsultazzjoni bil-posta elettronika fis-26 ta’ Novembru 2019 immirata lejn il-partijiet ikkonċernati, jenħtieġ li l-logo komuni jitfassal fuq il-mudell tal-logo ekwivalenti għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem. Instab li fil-prattika dan il-logo huwa effettiv billi jippermetti li l-pubbliku jkun jista’ jivverifika li bejjiegħ bl-imnut ikun intitolat bil-liġi li jbiegħ il-prodotti mediċinali online. Biex ikun hemm distinzjoni bejn id-disinn grafiku tal-logo li diġà jeżisti għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u d-disinn għall-prodotti mediċinali veterinarji, jenħtieġ li jintuża kulur differenti u li jinżiedu l-ittri vet, li jfissru veterinarju.
(4) Jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mit-28 ta’ Jannar 2022 f’konformità mal-Artikolu 153(1) tar-Regolament (UE) 2019/6.
(5) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Id-disinn tal-logo komuni msemmi fl-Artikolu 104(6) tar-Regolament (UE) 2019/6 għandu jsegwi l-mudell stabbilit fl-Anness.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mit-28 ta’ Jannar 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2021. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen
ANNEX
ANNESS
(1) Il-mudell għal-logo komuni msemmi fl-Artikolu 1 huwa dan ta’ hawn taħt:
(2) Il-kuluri ta’ referenza huma: PANTONE 647 CMYK 88/50/12/0 RGB 63/107/162; PANTONE 2925 CMYK 78/28/0/0 RGB 78/138/224; PANTONE 2905 CMYK 45/10/0/0 RGB 159/195/239; PANTONE 421 CMYK 13/11/8/26 RGB 204/204/204.
(3) Fl-ispazju rettangolari abjad li jidher f’nofs il-logo komuni (fin-naħa tax-xellug) għandha tiddaħħal il-bandiera nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-bejjiegħ bl-imnut li jforni l-prodotti mediċinali lill-pubbliku mill-bogħod permezz tas-servizzi tal-informatika.
(4) Il-lingwa tat-test fil-logo għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru ta’ fejn ikun stabbilit il-bejjiegħ bl-imnut li jforni l-prodotti mediċinali veterinarji lill-pubbliku mill-bogħod permezz tas-servizzi tal-informatika.
(5) Il-logo komuni għandu jkollu wisa’ minima ta’ 90 pixel.
(6) Il-logo komuni għandu jkun statiku.
(7) Jekk il-logo jintuża fuq sfond ikkulurit li jnaqqas mill-viżibbiltà tiegħu, tista’ tintuża linja madwar il-bordura tal-logo li toħorġu mill-isfond u żżid il-kuntrast mal-kulur tal-isfond.
(8) L-iperlink imsemmi fl-Artikolu 104(5)(c) tar-Regolament (UE) 2019/6 li jikkollega s-sit web tal-bejjiegħ bl-imnut li għandu l-permess iforni l-prodotti mediċinali veterinarji lill-pubbliku mill-bogħod permezz tas-servizzi tal-informatika mas-sit web li jżomm il-lista nazzjonali msemmija fl-Artikolu 104(8)(c) tar-Regolament, għandu jkun fiss u reċiproku.