Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1956 tal-10 ta’ Novembru 2021 dwar l-istabbiliment u l-organizzazzjoni tan-Netwerk tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili (notifikata bid-dokument C(2021) 7939) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2021-11-10
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/1956@2021-11-10/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Suġġett
  3. Artikolu 2 Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili
  4. Artikolu 3 Kompożizzjoni tan-Netwerk tal-Għarfien
  5. Artikolu 4 Il-Bord
  6. Artikolu 5 Kompożizzjoni tal-Bord
  7. Artikolu 6 Il-Kompiti tal-Bord
  8. 1.
  9. Artikolu 7 L-Operat tal-Bord
  10. Artikolu 8 Rimborż tal-ispejjeż imġarrba mill-membri tal-Bord
  11. Artikolu 9 Il-Pilastri tan-Netwerk tal-Għarfien
  12. Artikolu 10 Sħubija u operazzjonijiet tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri
  13. Artikolu 11 Kompiti tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-Pilastri
  14. 2.
  15. Artikolu 12 Rimborż tal-ispejjeż imġarrba mill-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri
  16. Artikolu 13 Osservaturi
  17. Artikolu 14 Segretarjat
  18. 3.
  19. Artikolu 15 Kunfidenzjalità
  20. Artikolu 16 Trasparenza
  21. 1.
  22. Artikolu 17 Protezzjoni tad-data personali
  23. Artikolu 18 Destinatarji

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, u b’mod partikolari l-Artikolu 32(1), il-punt (h) tagħha,

Billi:

(1) Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (il-Mekkaniżmu tal-Unjoni) stabbilit fid-Deċiżjoni 1313/2013/UE għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u jiffaċilita l-koordinazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili sabiex itejjeb ir-rispons tal-Unjoni għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

(2) F’konformità mal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, jenħtieġ li jiġi stabbilit Netwerk tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili (Netwerk ta’ Għarfien) bil-għan li jaggrega, jipproċessa, u jxerred l-għarfien u l-informazzjoni rilevanti għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni billi jinkludi atturi rilevanti tal-protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni tad-diżastri, ċentri ta’ eċċellenza, universitajiet u riċerkaturi u billi jsegwi approċċ ta’ perikli multipli.

(3) F’konformità mal-Artikolu 13(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, il-Kummissjoni, permezz tan-Netwerk tal-Għarfien, tappoġġa l-koerenza tal-proċessi tal-ippjanar u tat-teħid tad-deċiżjonijiet billi tiffaċilita l-iskambju kontinwu tal-għarfien u tal-informazzjoni li jinvolvi l-oqsma kollha ta’ attività taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Meta tiffaċilita l-iskambju kontinwu ta’ għarfien u informazzjoni, il-Kummissjoni, permezz tan-Netwerk tal-Għarfien, għandha tħejji pjanijiet strateġiċi, li se jistabbilixxu l-orjentazzjoni strateġika tan-Netwerk tal-Għarfien għas-snin li ġejjin.

(4) Sabiex jinħolqu sinerġiji ma’ gruppi u netwerks rilevanti oħra, in-Netwerk tal-Għarfien għandu jaħdem mill-qrib mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, kif ukoll mal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri rreġistrati fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra. In-Netwerk tal-Għarfien u ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza (ERCC) għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw komplementarjetà u appoġġ reċiproku fl-attivitajiet rispettivi tagħhom.

(5) In-Netwerk tal-Għarfien m’għandux jiddupplika iżda jagħmel użu mill-eżiti ta’ inizjattivi oħra tal-Kummissjoni rilevanti għall-ambitu tan-Netwerk.

(6) Sabiex jiġi stabbilit formalment in-Netwerk tal-Għarfien, huwa meħtieġ li jiġu adottati regoli li jistabbilixxu l-istruttura organizzattiva u t-tħaddim tan-Netwerk tal-Għarfien.

(7) L-istruttura organizzattiva tan-Netwerk tal-Għarfien għandha tkun magħmula minn korpi konsultattivi u segretarjat. Il-korpi konsultattivi tan-Netwerk tal-Għarfien huma l-bord u l-gruppi ta’ ħidma għal kull pilastru tan-Netwerk tal-Għarfien

(8) Il-Bord għandu jaġixxi primarjament bħala l-forum strateġiku billi jipprovdi orjentazzjoni strateġika lill-Kummissjoni u jkollu funzjonijiet ta’ sorveljanza konsultattiva fuq in-Netwerk tal-Għarfien.

(9) Bil-ħsieb li tiġi żgurata organizzazzjoni effettiva u effiċjenti tal-attività tan-Netwerk tal-Għarfien, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit segretarjat tan-Netwerk tal-Għarfien. Is-segretarjat jenħtieġ li jiġi pprovdut mill-Kummissjoni u jenħtieġ li b’mod partikolari jkun qed jimmaniġġja, jamministra u jikkoordina n-Netwerk tal-Għarfien. Il-funzjoni primarja tas-segretarjat hija li jiżgura l-koerenza, is-sinerġiji u l-fluss ta’ informazzjoni bla xkiel fi ħdan in-Netwerk tal-Għarfien, kif ukoll li jikkoordina l-attivitajiet tan-Netwerk tal-Għarfien f’konformità mal-ippjanar strateġiku.

(10) In-Netwerk tal-Għarfien u l-attivitajiet tiegħu għandhom ikunu strutturati fuq żewġ pilastri ewlenin li għandhom jipprovdu qafas għal attivitajiet ewlenin tan-Netwerk tal-Għarfien u jrawmu skambji bbażati fuq in-netwerk fl-ambitu tagħhom: il-Pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità u l-pilastru tax-Xjenza. Il-Pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità għandu jkollu l-għan li jiġbor flimkien, jippromwovi u jsaħħaħ l-inizjattivi ta’ żvilupp tal-kapaċità ta’ rilevanza għall-partijiet ikkonċernati tal-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri, b’enfasi speċjali fuq il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Il-Pilastru tax-Xjenza għandu jkollu l-għan li jlaqqa’ flimkien l-akkademja, il-prattikanti, u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għal kooperazzjoni multidixxiplinari, transsettorjali u transfruntiera biex japplikaw l-għarfien xjentifiku għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, u b’mod partikolari, għall-attivitajiet ta’ prevenzjoni u tħejjija b’mod aktar effiċjenti.

(11) Il-Pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità jenħtieġ li jiffoka fuq programmi u proġetti eżistenti magħrufa sew, bħall-Programm ta’ Taħriġ u Eżerċizzji tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni, l-Iskambju ta’ Esperti tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sħubiji tan-Netwerk tal-Għarfien u l-Programm tal-Unjoni għall-Prevenzjoni u t-Tħejjija tal-Mekkaniżmu. Dawn il-programmi għandhom jiġu kkonsolidati permezz ta’ proċess gradwali u kontinwu, u kkumplimentati minn attivitajiet oħra ta’ żvilupp tal-kapaċità. Il-Pilastru tax-Xjenza jenħtieġ li jibni fuq u jintegra l-istrutturi u n-netwerks xjentifiċi eżistenti li jappoġġaw il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, b’mod partikolari ċ-Ċentru ta’ Għarfien dwar il-Ġestjoni tar-Riskju ta’ Diżastri, ġestit miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll il-programmi rilevanti ta’ Orizzont Ewropa li qed jiffinanzjaw Azzjonijiet ta’ Riċerka u Innovazzjoni u inizjattivi ta’ netwerking relatati fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.

(12) Ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni minn membri tan-Netwerk ta’ Għarfien għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali.

(13) Sabiex tkun trasparenti dwar l-attivitajiet imwettqa mill-korpi tan-Netwerk tal-Għarfien, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti rilevanti tal-laqgħat fuq il-pjattaforma online imsemmija fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.

(14) Id-data personali jenħtieġ li tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(15) Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat li jissemma fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u l-operat tan-Netwerk tal-Għarfien, it-twaqqif ta’ Bord, segretarjat, u gruppi ta’ ħidma tal-Pilastri, li jipprevedu l-kompożizzjoni u l-kompiti tagħhom, u jistabbilixxu regoli għall-operat tagħhom.

Artikolu 2 Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili

Jiġi stabbilit in-Netwerk tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili. Għandu jkollha l-għan li jikseb l-objettivi u jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.

Artikolu 3 Kompożizzjoni tan-Netwerk tal-Għarfien

L-istruttura organizzattiva tan-Netwerk tal-Għarfien għandha tkun magħmula mill-korpi konsultattivi li ġejjin:

(a) il-Bord;

(b) il-gruppi ta’ ħidma tal-Pilastri.

Artikolu 4 Il-Bord

Il-Bord għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tan-Netwerk tal-Għarfien, filwaqt li jiżgura li l-għan ġenerali tan-Netwerk tal-Għarfien jintlaħaq flimkien mal-għanijiet ewlenin tiegħu, skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.

Artikolu 5 Kompożizzjoni tal-Bord

1. Il-Bord għandu jkun magħmul minn rappreżentant tal-Kummissjoni u rappreżentant ta’ kull wieħed mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinnominaw rappreżentant u viċi rappreżentant għall-Bord. Għandha tiġi promossa l-parteċipazzjoni bbilanċjata bejn is-sessi.

2. Il-membri tal-Bord li jirrappreżentaw lill-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala membri tat-Tip D skont it-tifsira tal-punt (d) tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u t-tħaddim tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

Artikolu 6 Il-Kompiti tal-Bord

1. Il-kompiti tal-Bord għandhom ikunu, b’mod partikolari:

1.

(1) jagħti pariri dwar l-orjentazzjoni strateġika tan-Netwerk tal-Għarfien stabbilit mill-Kummissjoni;

(2) ir-reviżjoni, il-monitoraġġ u l-iżgurar tal-konformità mar-regoli ta’ proċedura, is-sħubija u l-politiki ta’ governanza tan-Netwerk tal-Għarfien;

(3) l-approvazzjoni tar-rapport annwali tan-Netwerk tal-Għarfien;

(4) rapportar tal-attivitajiet tiegħu lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.

2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ħidma tal-Bord titwettaq f’koordinazzjoni mill-qrib mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, kif ukoll mal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri rreġistrati fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra.

Artikolu 7 L-Operat tal-Bord

1. Il-Bord għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni u kopresedut minn rappreżentant tal-Istat Membru li jkollu l-presidenza preċedenti b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tal-laqgħa. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jsejjaħ laqgħa b’konsultazzjoni mal-Kopresident mill-inqas darba fis-sena. Il-laqgħat tal-Bord għandhom isiru personalment jew mill-bogħod.

2. Il-President u l-Kopresident, assistiti mis-segretarjat, għandhom ifasslu l-aġenda u jqassmuha lill-membri tal-Bord. Il-membri tal-Bord jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom stess, jissuġġerixxu punti li għandhom jiġu inklużi fl-aġenda sa mhux aktar tard mill-bidu tal-laqgħa. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Bord fil-bidu ta’ kull laqgħa.

3. Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti adottati mill-Kummissjoni.

4. Il-Bord għandu jadotta rakkomandazzjonijiet u rapporti mhux vinkolanti b’kunsens. F’każ li ma jintlaħaqx kunsens, għandu jittieħed vot fuq rakkomandazzjonijiet jew rapporti mhux vinkolanti, għandha tkun meħtieġa maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti. Ir-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti mhux vinkolanti adottati mill-Bord għandhom ikunu ta’ natura preparatorja sabiex jassistu l-ħidma tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.

Artikolu 8 Rimborż tal-ispejjeż imġarrba mill-membri tal-Bord

1. Il-membri tal-Bord m’għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

2. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni mġarrba mill-membri tal-Bord għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Bordijiet għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

3. L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu rimborżati sal-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 9 Il-Pilastri tan-Netwerk tal-Għarfien

1. Il-pilastri tan-Netwerk tal-Għarfien għandhom ikunu l-fora fejn l-attivitajiet jinbdew, jiġu ppjanati, imfassla u implimentati bil-għan ġenerali li jikkontribwixxu għall-objettivi tan-Netwerk ta’ Għarfien skont l-Artikolu 13(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.

2. Il-Pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità għandu jkollu l-għan li jiġbor flimkien, jippromwovi u jsaħħaħ l-inizjattivi ta’ żvilupp tal-kapaċità ta’ rilevanza għall-partijiet ikkonċernati tal-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri, b’enfasi speċjali fuq il-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

3. Il-Pilastru tax-Xjenza għandu jkollu l-għan li jlaqqa’ flimkien l-akkademja, il-prattikanti, u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għal kooperazzjoni transsettorjali u transfruntiera multidixxiplinari biex japplikaw l-għarfien xjentifiku għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, u b’mod partikolari, għall-attivitajiet ta’ prevenzjoni u tħejjija b’mod aktar effiċjenti.

Artikolu 10 Sħubija u operazzjonijiet tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri

1. Il-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri għandhom ikunu magħmula minn rappreżentant tal-Kummissjoni, rappreżentant ta’ kull wieħed mill-Istati Membri u kull wieħed mill-Istati Parteċipanti għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

2. Il-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri li jirrappreżentaw lill-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala Membri tat-Tip D skont it-tifsira tal-punt (d) tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni. Il-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri li jirrappreżentaw lill-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandhom jitqiesu bħala Membri tat-Tip E skont it-tifsira tal-punt (e) tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u t-tħaddim tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

3. Il-gruppi ta’ ħidma jiġu ppreseduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

4. L-operazzjonijiet tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri għandhom jiġu definiti mir-Regoli ta’ Proċedura tan-Netwerk tal-Għarfien adottati mill-Bord skont l-Artikolu 7.

5. L-ebda rakkomandazzjoni jew rapport ma jiġi adottat mill-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri.

Artikolu 11 Kompiti tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-Pilastri

1. Il-gruppi ta’ ħidma tal-pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità u tal-Pilastru tax-Xjenza għandhom jappoġġaw il-ħidma tan-Netwerk tal-Għarfien.

2. Il-kompiti tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri għandhom ikunu b’mod partikolari:

2.

(a) il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni u l-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni, jidderieġi l-inizjattivi rilevanti minn isfel għal fuq lin-Netwerk tal-Għarfien, u jipproponi attivitajiet fi ħdan l-orjentazzjonijiet strateġiċi tan-Netwerk tal-Għarfien;

(b) l-implimentazzjoni, u l-promozzjoni tal-attivitajiet tal-pilastri bl-appoġġ tas-segretarjat u t-tfittxija ta’ sinerġiji bejn l-inizjattivi taż-żewġ pilastri;

(c) ir-rappurtar lill-Bord dwar l-attivitajiet tagħhom.

3. Il-gruppi ta’ ħidma jistgħu jistabbilixxu sottogruppi dwar suġġetti speċifiċi bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-membri tagħhom, u/jew prijoritajiet ibbażati fuq ir-riskju jew ix-xenarji fuq inizjattiva proprja.

4. Il-gruppi ta’ ħidma għandhom jiżguraw flussi ta’ informazzjoni xierqa u koordinazzjoni bejn iż-żewġ pilastri u l-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 12 Rimborż tal-ispejjeż imġarrba mill-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri

L-Artikolu 8 għandu japplika għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni mġarrba mill-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri.

Artikolu 13 Osservaturi

1. L-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandu jkollhom status ta’ osservatur fil-Bord. Kull wieħed mill-Istati Parteċipanti għandu jinnomina rappreżentant u viċi rappreżentant għall-Bord bħala osservatur. Għandha tiġi promossa l-parteċipazzjoni bbilanċjata bejn is-sessi.

2. L-osservaturi għandhom jieħdu sehem fid-diskussjonijiet u jipprovdu għarfien espert. Madankollu, m’għandux ikollhom drittijiet tal-vot.

3. L-osservaturi għandhom jitqiesu bħala Membri tat-Tip E skont it-tifsira tal-punt (e) tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u t-tħaddim tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

Artikolu 14 Segretarjat

1. Is-Segretarjat għandu jappoġġa l-ħidma tal-korpi tan-Netwerk tal-Għarfien biex jiżgura l-koordinazzjoni, il-koerenza u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tagħhom.

2. Is-segretarjat għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni.

3. Il-kompiti tas-segretarjat għandhom ikunu:

3.

(a) it-tħejjija u l-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku, kif ukoll l-attivitajiet adottati fil-programm ta’ ħidma annwali jew pluriennali tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;

(b) il-ġestjoni, l-amministrazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tan-Netwerk tal-Għarfien;

(c) it-twettiq tar-rappurtar tal-attivitajiet tan-Netwerk tal-Għarfien.

4. Is-segretarjat għandu jassisti, fejn meħtieġ, fil-laqgħat tal-korpi konsultattivi tan-Netwerk tal-Għarfien.

Artikolu 15 Kunfidenzjalità

Il-membri tal-Bord, is-segretarjat u l-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444. Jekk jonqsu milli jirrispettaw dawn l-obbligi, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa.

Artikolu 16 Trasparenza

1. Fir-rigward tal-kompożizzjoni tan-Netwerk tal-Għarfien, id-data li ġejja għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra u fuq il-pjattaforma online li għandha tappoġġa u tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kompiti differenti msemmija fl-Artikolu 13(1), il-punt (d) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE:

1.

(a) l-ismijiet tal-Istati Membri rrappreżentati mill-awtoritajiet li huma membri tal-Bord u l-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri;

(b) l-ismijiet tal-awtoritajiet li jirrappreżentaw lill-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni fil-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri;

(c) l-ismijiet tal-awtoritajiet li jirrappreżentaw lill-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni li lilhom jingħata l-istatus ta’ osservatur lill-Bord.

2. Id-dokumenti kollha tal-laqgħat tal-korpi tan-Netwerk tal-Għarfien, inklużi l-aġendi, il-minuti, is-sottomissjonijiet tal-parteċipanti għandhom ikunu disponibbli fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-gruppi ta’ esperti u ppubblikati fuq l-istess pjattaforma online imsemmija fl-Artikolu 13(1), il-punt (d) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE. B’mod partikolari, l-aġenda u dokumenti ta’ sfond rilevanti oħra għandhom jiġu ppubblikati fi żmien debitu qabel il-laqgħa, segwiti mill-pubblikazzjoni f’waqtha tal-minuti. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom ikunu ristretti għal każijiet fejn l-iżvelar ta’ dokument idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

Artikolu 17 Protezzjoni tad-data personali

Kull ipproċessar ta’ data personali għall-fini ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura għandu jkun konformi mar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 18 Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2021. Għall-Kummissjoni Janez Lenarčič Membru tal-Kummissjoni

Versions

  1. 2021-11-10