Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2021/281 tat-22 ta’ Frar 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha l-vantaġġi
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/281@2021-02-22/mt
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari t-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 47 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Ftehim dwar l-Istabbiliment tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (Il-Ftehim ITER) ġie ffirmat f’Novembru 2006 mill-Euratom, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti. Il-Euratom, li huwa l-Parti Ospitanti skont il-Ftehim ITER, ħa t-tmexxija ta’ dan il-proġett.
(2) Permezz tad-Deċiżjoni 2007/198/Euratom, il-Kunsill stabbilixxa l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Fużjoni għall-Enerġija) (l-Impriża Konġunta) biex tipprovdi għall-kontribuzzjoni tal-Euratom għall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER u għall-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa’ mal-Ġappun u biex tħejji u tikkoordina programm ta’ attivitajiet bi tħejjija għall-kostruzzjoni ta’ reattur dimostrattiv tal-enerġija mill-fużjoni u faċilitajiet relatati.
(3) L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2007/198/Euratom jipprevedi li l-Impriża Konġunta għandu jkollha regolament finanzjarju distint ibbażat fuq il-prinċipji tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 u li jista’ jiżvija minn dak ir-Regolament ta’ Delega meta l-ħtiġijiet operazzjonali speċifiċi tal-Impriża Konġunta jirrikjedu dan, soġġett għal konsultazzjoni minn qabel mal-Kummissjoni. It-Titolu IV tar-regolament finanzjarju tal-Impriża Konġunta jirregola l-implimentazzjoni tal-baġit.
(4) Id-Deċiżjoni 2007/198/Euratom ipprovdiet ammont ta’ referenza finanzjarju li tqies bħala neċessarju għall-Impriża Konġunta, flimkien mal-kontribuzzjoni totali indikattiva tal-Euratom għal dak l-ammont, li għandu jkun disponibbli permezz tal-programmi Komunitarji ta’ riċerka u taħriġ li ġew adottati skont l-Artikolu 7 tat-Trattat jew permezz ta’ kwalunkwe deċiżjoni oħra adottata mill-Kunsill.
(5) Id-Deċiżjoni 2007/198/Euratom ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/791/Euratom biex tippermetti l-finanzjament tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta għall-perijodu tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013.
(6) Linja bażi ġdida tal-proġett ITER, li tħejjiet bħala parti mit-titjib fil-ġestjoni tal-proġett, kisbet l-appoġġ tal-Kunsill ITER fl-2016 u l-2017. Sussegwentement intużat biex jiġu stmati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Impriża Konġunta. L-iskeda aġġornata tal-linja bażi l-ġdida tipprevedi li l-Ewwel Plażma ser tinkiseb f’Diċembru 2025 u operazzjoni bi prestazzjoni sħiħa, bl-użu ta’ fjuwil tad-dewterju-tritju, fl-2035. Dik l-iskeda ma tinkludix il-kontinġenzi u għalhekk tassumi li r-riskji maġġuri kollha għandhom jiġu mitigati.
(7) Fit-12 ta’ April 2018, il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn kontinwu tal-Euratom għat-tlestija b’suċċess tal-proġett ITER u ta mandat lill-Kummissjoni biex tapprova l-linja bażi l-ġdida tal-proġett ITER f’isem l-Euratom f’laqgħa tal-Kunsill ITER fil-livell Ministerjali. Fl-istess ħin, il-Kunsill talab li l-Impriża Konġunta tkompli twettaq id-dmirijiet tagħha ta’ rapportar u rieżami skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2010 u twettaq valutazzjonijiet indipendenti regolari tal-progress tal-ITER b’enfasi fuq il-prestazzjoni u l-ġestjoni tal-proġetti, inkluż it-trażżin tal-kostijiet, il-kontroll tal-iskeda tal-proġetti kif ukoll il-ġestjoni tar-riskji.
(8) Din id-Deċiżjoni ser tippermetti sinerġiji u komplementaritajiet mal-attivitajiet ta’ riċerka dwar il-fużjoni ffinanzjati permezz tal-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom. Il-kostruzzjoni u l-operazzjoni b’suċċess tal-ITER jinsabu fuq il-perkors kritiku tal-pjan direzzjonali Ewropew dwar il-fużjoni approvat mill-partijiet ikkonċernati kollha involuti fir-riċerka dwar il-fużjoni fl-Ewropa.
(9) Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stabbilixxew il-livell massimu tal-impenji tal-Euratom għall-ITER fil-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (il-QFP 2021-2027) għal EUR 5614000000 fi prezzijiet kurrenti.
(10) B’rispett sħiħ tad-dritt tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom, l-azzjonijiet skont din id-Deċiżjoni jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi tal-pjan direzzjonali Ewropew dwar il-fużjoni.
(11) Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, jenħtieġ li l-ITER jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta’ rekwiżiti speċifiċi tal-monitoraġġ, filwaqt li jiġu evitati r-regolamentazzjoni eċċessiva u l-piżijiet amministrattivi. Fejn ikun xieraq, dawk ir-rekwiżiti jistgħu jinkludu indikaturi kwantifikabbli, bħala bażi tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-ITER. Il-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni ser jiġu komunikati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Jekk il-perijodi tal-evalwazzjonijiet ex post u interim ikunu qrib xulxin, jenħtieġ li jkun possibbli li ż-żewġ evalwazzjonijiet jingħaqdu f’evalwazzjoni waħda li tkopri perijodu kkombinat.
(12) F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament Finanzjarju), ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE) 2017/1939, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.
(13) Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tiżgura l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Komunità permezz tal-għoti ta’ informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, fosthom il-media u l-pubbliku.
(14) Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom tiġi emendata biex tippermetti l-finanzjament tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta u l-attivitajiet relatati tal-Kummissjoni għall-perijodu 2021-2027 mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
(15) Sabiex tiġi żgurata t-tlestija b’suċċess tal-proġett ITER u l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti mill-bidu tal-QFP 2021-2027 din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika, b’effett retroeffettiv, mill-1 ta’ Jannar 2021 u jenħtieġ li tidħol fis-seħħ b’mod urġenti.
(16) Għalhekk, id-Deċiżjoni 2007/198/Euratom jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Id-Deċiżjoni 2007/198/Euratom hija emendata kif ġej:
Artikolu 1
(1) l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:
(1)
(a) il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:
(a)
3. Il-kontribuzzjoni indikattiva tal-Euratom lill-Impriża Konġunta għall-perijodu 2021-2027, inkluża n-nefqa ta’ appoġġ relatata kif imsemmi fil-paragrafu 4 għall-istess perijodu, għandha tkun EUR 5614000000 fi prezzijiet kurrenti.;
(b) jiżdied il-paragrafu li ġej:
(b)
4. L-ammont imsemmi fil-paragrafu 3 jista’ jkopri wkoll spejjeż rigward it-tħejjija, il-monitoraġġ, il-verifiki, l-awditu, l-evalwazzjoni u attivitajiet u nefqiet oħra meħtieġa għall-ġestjoni u għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, inkluż in-nefqa amministrattiva, kif ukoll għall-evalwazzjoni tal-kisba tal-objettivi tagħha. Dan jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż relatati mal-istudji u l-laqgħat ta’ esperti, u spejjeż rigward networks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, inkluż għodod korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u assistenza teknika u amministrattiva oħra meħtieġa b’rabta mal-ġestjoni ta’ din id-Deċiżjoni.;
(2) Jitħassar l-Artikolu 5b;
(3) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
(3)
Artikolu 5c Evalwazzjoni
1. L-evalwazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jitwettqu regolarment u f’waqthom sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
2. Ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni matul il-perijodu 2021-2027, il-Kummissjoni għandha titwettaq evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni l-aktar tard sal-2024.
3. Fi tmiem l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, l-aktar tard sa erba’ snin wara t-tmiem tal-perijodu speċifikat fl-Artikolu 4(3), il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, imwettaq skont dan l-Artikolu, akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.;
(4) jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
(4)
Artikolu 5d Komunikazzjoni, viżibbiltà u pubbliċità
1. Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Komunità għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament tal-Komunità, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku.
2. Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati ma’ din id-Deċiżjoni, mal-azzjonijiet meħuda skont din id-Deċiżjoni u mar-riżultati miksuba. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għal din id-Deċiżjoni għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1..
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021. Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021. Għall-Kunsill Il-President J. Borrell Fontelles