Gelex

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/865 tat-28 ta’ Mejju 2021 li jdaħħal isem fir-reġistru ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (Rooibos/Red Bush (DOP))

In forceVersion 2021-05-28from 2021-06-20
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2021/865@2021-05-28/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX
  3. ROOIBOS/RED BUSH Nru tal-UE: : PDO-ZA-2427 -21.8.2018 DOP (X) IĠP ( )
  4. 3.
  5. 3.2.
  6. 3.4.
  7. 4.
  8. 5. Żona ġeografika

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, u b’mod partikolari l-Artikolu 52(3)(a) tiegħu,

Billi:

(1) F’konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Afrika t’Isfel biex tirreġistra l-isem Rooibos/Red Bush bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(2) Fis-7 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni relatata mir-Renju Unit. Fis-16 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni għaddiet lill-Afrika t’Isfel l-avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni li rċeviet mir-Renju Unit.

(3) Il-Kummissjoni eżaminat l-oppożizzjoni li bagħat ir-Renju Unit u sabet li hija ammissibbli. Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ssostni li r-reġistrazzjoni tal-isem Rooibos/Red Bush ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 u 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 peress li d-deskrizzjoni proposta tal-prodott u tal-materja prima hija inkonsistenti. Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ssostni wkoll li r-regoli proposti dwar it-tikkettar tar-Rooibos/Red Bush mhumiex speċifiċi biżżejjed u jmorru kontra l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4) B’ittra datata t-22 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu ftehim bejniethom f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom.

(5) L-Afrika t’Isfel u r-Renju Unit laħqu ftehim, li ġie kkomunikat mill-Afrika t’Isfel lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Novembru 2020, fl-iskadenza stipulata.

(6) L-Afrika t’Isfel u r-Renju Unit ikkonkludew li l-protezzjoni tal-isem Rooibos/Red Bush (DOP) jenħtieġ li tingħata b’xi modifiki għad-Dokument Uniku, inkluża referenza konsistenti fid-dokument kollu għal għaxar togħmiet, ir-referenzi għall-aspelatina u n-notofagin jiġu estiżi biex issir referenza għall-fatt li dan se jiġi kkontrollat skont il-protezzjoni tal-IĠ tal-Afrika t’Isfel fl-oriġini kif ukoll regoli riveduti dwar it-tikkettar tal-prodott.

(7) Il-kontenut tal-ftehim konkluż bejn l-Afrika t’Isfel u r-Renju Unit jenħtieġ li jitqies billi jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

(8) Fis-7 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni relatata mill-Assoċjazzjoni Żvediża tat-Te, l-Ħwawar u Prodotti relatati (IGTG).

(9) Il-Kummissjoni eżaminat l-oppożizzjoni li bagħtet l-IGTG u sabitha inammissibbli peress li l-ebda waħda mir-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ma ġiet sostanzjata fid-dikjarazzjoni motivata mressqa mill-IGTG. B’ ittra datata l-4 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-IGTG li ma kinitx se tibgħat stedina lill-IGTG biex tibda konsultazzjonijiet rilevanti mal-Afrika t’Isfel. B’ ittra datata t-8 ta’ Diċembru 2020 indirizzata lill-Kummissjoni, l-IGTG irtirat l-oppożizzjoni tagħha kontra r-reġistrazzjoni tal-isem Rooibos/Red Bush (DOP).

(10) Għaldaqstant, id-Denominazzjoni tal-Oriġini Rooibos/Red Bush (DOP) jenħtieġ li tiddaħħal fir-reġistru, Il-verżjoni kkonsolidata tad-Dokument Uniku jenħtieġ li tiġi ppubblikata għall-informazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 L-isem Rooibos/Red Bush (DOP) huwa rreġistrat. L-isem fl-ewwel paragrafu jirreferi għal prodott tal-Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I għat-Trattat (ħwawar eċċ.) Id-Dokument Uniku konsolidat huwa stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2021. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen

ANNEX

ANNESS Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament) —

ANNESS

ROOIBOS/RED BUSH Nru tal-UE: : PDO-ZA-2427 -21.8.2018 DOP (X) IĠP ( )

1. Isem/Ismijiet Rooibos/Red Bush

2. Stat Membru jew Pajjiż Terz L-Afrika t’Isfel

3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.

3.1. Tip ta’ prodott [elenkat fl-Anness XI] Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I tat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1) L-isem Rooibos/Red Bush jista’ jintuża biss biex jirreferi għall-weraq u z-zkuk imnixxfa ta’ Rooibos/Red Bush pur 100 %, li ġej minn Aspalathus linearis u li jkun ġie kkultivat jew maħsud fis-selvaġġ fiż-żona ġeografika kif deskritt f’din l-applikazzjoni. Rooibos/Red Bush huwa ppreżentat f’żewġ forom: weraq u zkuk imnixxfa a) ossidizzati u b) ħodor (mhux ossidizzati) ta’ Aspalathus linearis. Il-palat u t-togħma tar-Rooibos/Red Bush huma ddeterminati minn test sensorju uman li jitwettaq minn assaġġatur imħarreġ. Il-palat u t-togħma ta’ lottijiet differenti ta’ Rooibos/Red Bush jistgħu jvarjaw iżda permezz tal-analiżi ta’ sett kbir ta’ kampjuni, it-togħmiet li ġejjin ġew ippruvati li huma preżenti fir-Rooibos/Red Bush bi gradi differenti. Aroma Ħelwa Għasel Karamella Tal-frott Ċitru Frott tal-bosk Ġamm tal-berquq Tal-injam Arbuxxelli/Zkuk Affumikata/Maħruqa Tal-fjuri Fynbos Fwieħa Pikkanti Kannella Togħma u sensazzjoni fil-ħalq Togħmiet bażiċi Ħelwa Morra Qarsa Sensazzjoni fil-ħalq Ratba u b’sensazzjoni ta’ ħarir Strinġenti

3.2.

(a) Fil-każ ta’ weraq u zkuk imnixxfa ossidizzati ta’ Aspalathus linearis, ir-Rooibos/Red Bush għandu kulur distint li jvarja minn kannella ċar, isfar għal aħmar ileqq kulur il-briks. Jista’ jkollu wkoll xi stikek b’kulur aktar ċar (biċċiet ta’ zkuk imnixxfa) imħallta mal-bqija tal-prodott. Il-livell ta’ ndewwa tar-Rooibos/Red Bush huwa inqas minn 10 %.

(b) Ir-Rooibos/Red Bush aħdar (mhux ossidizzat) huwa l-weraq u z-zkuk imnixxfa mhux ossidizzati tal-pjanta Aspalathus linearis. Ma hemm l-ebda sinjal ta’ skurar jew ossidazzjoni fir-Rooibos/Red Bush aħdar (mhux ossidizzat). Il-weraq ħodor (mhux ossidizzati) tar-Rooibos/Red Bush għandhom kulur aħdar ċar dominanti u dan jinkludi zokk irqiq kannella li jagħti fl-aħmar u biċċiet bojod tal-injam. Il-livell ta’ ndewwa tar-Rooibos/Red Bush aħdar (mhux ossidizzat) huwa inqas minn 5 %.

3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss) L-unika materja prima tar-Rooibos/Red Bush hija l-weraq u z-zkuk li jkunu għadhom kemm inqatgħu tal-Aspalathus linearis. Din fiha bejn 0,02 u 1,16 % ta’ aspalatin u sa 0,4% ta’ notofagin. L-aspelatin u n-notofagin se jkunu kkontrollati fl-oriġini skont il-protezzjoni tal-IĠ tal-Afrika t’Isfel.

3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita Matul il-produzzjoni tar-Rooibos/Red Bush, għandhom jitwettqu l-passi li ġejjin fiż-żona ġeografika ddefinita:

3.4.

(a) Iż-żrieragħ tal-pjanta Aspalathus linearis jinġabru minn ġemmiegħi taż-żrieragħ lokali, ta’ spiss minn munzelli tan-nemel. Il-ġemmiegħa mbagħad jipprovdu ż-żrieragħ lill-bdiewa. Din hija tradizzjoni antika li għadha qed tiġi implimentata llum u parti essenzjali mill-kultivazzjoni tar-Rooibos kif inhi magħrufa llum.

(b) Dan jiġi kkultivat kummerċjalment jew jikber b’mod naturali fis-selvaġġ.

(c) Jiġi maħsud mill-għelieqi kkultivati (mekkanikament jew bl-idejn) jew mis-selvaġġ (bl-idejn biss).

(d) Jiġi pproċessat u mnixxef f’tea court (għalqa tat-te). It-tea court jista’ jkun fil-farm jew barra mill-farm, iżda għandu jkun fiż-żona speċifikata.

3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ. —

3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar Ir-Rooibos/Red Bush jista’ jitħallat ma’ tejiet, infużjonijiet u prodotti oħra, kemm jekk biex jiġi kkunsmat mill-bniedem kif ukoll jekk le. It-tikkettar ta’ tali prodotti għandu jikkonforma mar-regoli applikabbli għat-tikkettar tal-prodotti fit-territorju fejn il-prodott jiġi kkummerċjalizzat.

4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni, tat-tnixxif u tal-ossidazzjoni ta’ Rooibos/Red Bush hija din li ġejja:

4.

(a) Fil-Provinċja tal-Punent ta’ Cape, il-muniċipalitajiet lokali ta’ Bergrivier, il-Wied Breede, Cape Agulhas, Cederberg, il-Belt ta’ Cape Town, Drakenstein, Langeberg, Matzikamma, Overstrand, il-Bajja ta’ Saldanha, Stellenbosch, Swartland, Swellendam, Theewaterskloof u Witzenberg.

(b) Fil-Provinċja tat-Tramuntana ta’ Cape, il-Muniċipalità lokali ta’ Hantam.

5. Rabta maż-żona ġeografika

5. Żona ġeografika

It-togħma u l-kompożizzjoni speċifika tar-Rooibos/Red Bush huma direttament relatati mal-klima fejn jitkabbar. Xtiewi kesħin bix-xita, tkabbir fir-rebbiegħa u fil-bidu tas-sajf u mbagħad maturazzjoni u akkumulazzjoni tal-polifenol hekk kif it-temp isir aktar sħun u xott. Minn dan jirriżulta li, jekk l-Aspalathus linearis titkabbar fi kwalunkwe klima oħra, din mhux se jkollha l-istess karatteristiċi bħar-Rooibos/Red Bush minħabba għax il-polifenol jakkumula inqas. Sabiex wieħed jifhem din ir-relazzjoni kawżali, huwa importanti li jifhem il-mod li bih l-Aspalathus linearis adattat għall-klima, il-ħamrija u l-ġeografija uniċi ta’ din iż-żona. Iż-żona ġeografika li fiha jikber b’mod naturali r-Rooibos/Red Bush hija magħrufa għas-sjuf sħan u xotti u x-xtiewi kesħin bix-xita tagħha. Fil-fatt, fis-27 ta’ Ottubru 2015 f’Vredendal ġiet imkejla temperatura ta’ 48,3oC; l-ogħla temperatura f’Ottubru li qatt ġiet imkejla fid-dinja. Ix-xita f’din iż-żona tvarja bejn 380 u 635 mm fis-sena u l-preċipitazzjoni hija predominanti matul ix-xhur tax-xitwa, b’ħalbiet tax-xita okkażjonali fil-bidu tas-sajf u fl-aħħar tal-ħarifa. Ix-xhur twal u sħan tas-sajf huma estremament xotti. Il-ħamrija fiż-żona hija derivata mill-Kumpless tal-Ġebel Ramli tal-Muntanja Table li jirriżulta f’ħamrija bi ftit nutrijenti, ħarxa u ramlija b’pH ta’ bejn 4,5 u 5,5. Il-Ġebel Ramli tal-Muntanja Table huwa magħmul l-aktar minn ġebel imrammel kwarzitiku li nħoloq bejn 510 u 400 miljun sena ilu. Huwa l-aktar saff iebes, u l-aktar saff reżistenti għall-erożjoni tas-Supergrupp ta’ Cape. Ir-Rooibos/Red Bush żviluppa xi karatteristiċi uniċi (jiġifieri l-forma u l-kisi tal-weraq, eċċ.) biex jadatta f’din il-klima ħarxa. Minbarra sistema ta’ għeruq laterali eżatt taħt il-wiċċ tal-ħamrija li saħansitra jistgħu jużaw preċipitazzjoni ħafifa, il-pjanta għandha għerq twil bi truf orizzontali li jilħaq daqs żewġ metri u jgħin lill-pjanta ssib it-tira u tilħaq l-ilma matul is-sjuf niexfa. L-għeruq laterali jippermettu lill-pjanta ttejjeb il-ksib tal-fosfru mill-ħamrija li hija fost l-aktar nieqsa mill-fosfru fid-dinja. Wieħed mill-akbar sigrieti li huwa l-bażi għall-adattament tar-Rooibos/Red Bush f’din il-klima ħarxa jista’ jinstab fir-relazzjoni simbjotika tiegħu mal-batterji li jassimilaw in-nitroġenu fl-għeruq tiegħu. Bħala legumi, il-batterji fuq l-għeruq tal-Aspalathus linearis jikkonvertu d-diossidu tan-nitroġenu f’ammonijaka bijoloġikament utli fi proċess magħruf bħala l-fissazzjoni tan-nitroġenu. Il-pjanta tassorbi n-nitroġenu u tibbenefika minnu, u min-naħa tagħha din tipprovdi l-ikel lill-batterji. Dan il-proċess huwa komuni għal-legumi, iżda dak li huwa uniku fil-każ tal-Aspalathus linearis huwa li l-bradyrhizobia indiġeni huma tolleranti b’mod naturali għall-aċidità u l-pjanta għandha ċerta kapaċità li timmodifika l-pH riżosferiku tagħha sabiex tippromwovi l-istabbiliment simbjotiku u d-disponibbiltà tan-nutrijenti għall-pjanti li jikbru f’din il-ħamrija aċiduża li altrimenti tkun infertili. Fil-letteratura ġie rrapportat li huma verament ftit dawk il-każijiet ta’ simbjożi li jistgħu jittolleraw tali estremitajiet ta’ aċidità tal-ħamrija u stress minn livell baxx ta’ nutrijenti filwaqt li jassimilaw livelli għoljin ta’ nitroġenu kif muri mill-Aspalathus linearis. Il-produtturi tar-Rooibos/Red Bush ħadu vantaġġ mis-sjuf sħan u xotti biex inixxfu b’mod naturali l-materjal maħsud. Ir-Rooibos/Red Bush jinħasad kull sena matul is-sjuf sħan u jitnixxef bix-xemx eżatt wara l-ħsad. Ix-xemx ħarxa, bin-nuqqas ta’ xita, tippermetti tnixxif naturali tar-Rooibos/Red Bush li matulu l-proċess tal-ossidazzjoni jista’ jiġi kkontrollat bl-aħjar mod.

Intervent tal-bniedem

Għalkemm ir-Reġjun mimli Fjuri ta’ Cape (bil-veġetazzjoni distintiva tiegħu Fynbos) huwa l-iżgħar mis-sitt Renji mimlija Fjuri tad-dinja, huwa l-aktar wieħed varjat u huwa wieħed mill-aktar postijiet speċjali fid-dinja għall-pjanti f’termini ta’ diversità, densità u l-għadd ta’ speċijiet endemiċi. Madankollu, l-Aspalathus linearis hija waħda minn għadd limitat ta’ pjanti li għamlet tranżizzjoni ta’ suċċess minn għalla selvaġġa għal waħda kkultivata u hija waħda minn relattivament ftit pjanti tal-fynbos li huma ekonomikament importanti sal-lum; ir-riżultat tal-intervent tal-bniedem. Kważi 250 sena ilu, Carl Thunberg, naturalista Żvediż, irrapporta li matul il-vjaġġi tiegħu fl-Afrika fl-1772, iltaqa’ mal-abitanti lokali u osserva li dawn kienu jużaw ir-Rooibos/Red Bush bħala xarba. Il-weraq u z-zkuk tar-Rooibos/Red Bush kienu jinġabru fuq il-muntanji u jiġu raggruppati f’boroż tal-qanneb li kienu jinġarru ’l isfel mill-għoljiet weqfin fuq id-dahar tal-ħmir. Il-metodi bażiċi tal-ipproċessar tar-Rooibos/Red Bush li għadhom jintużaw illum (il-weraq u z-zkuk tar-Rooibos/Red Bush l-ewwel jinqatgħu u jiġu mmarkati, imbagħad jissaħħnu jew it-te jiġi ppreservat f’munzelli u fl-aħħar jitferrxu biex jinxfu fix-xemx) ġew żviluppati f’dak iż-żmien. Madwar l-1930, Clanwilliam, li kien tabib lokali, u Le Fras Nortier, li kien iħobb in-natura, bdew jinteressaw ruħhom fit-te tal-arbuxxelli salvaġġi u bdew jesperimentaw bir-Rooibos/Red Bush. Kien diffiċli li wieħed isib iż-żrieragħ tar-Rooibos/Red Bush (minħabba d-daqs żgħir ħafna tagħhom) u Nortier talab lin-nies tal-lokal, xi wħud minnhom pazjenti tiegħu, biex ifittxu żrieragħ fil-ħamrija ramlija u jiġbrulu xi ftit. Mara mill-poplu Khoi ġabitlu kaxxa tas-sulfarini mimlija biż-żerriegħa u aktar tard Nortier tgħallem is-sigriet tagħha. Il-mara kienet issegwi n-nemel li kienu qed ikaxkru ż-żrieragħ tar-Rooibos/Red Bush lejn il-bejtiet tagħhom. Imbagħad fetħet il-bejtiet biex tiġbor iż-żrieragħ, filwaqt li dejjem ħalliet xi ftit biex in-nemel ikun jista’ jgħix. Dan il-mod ta’ kif jinġabru ż-żrieragħ għadu qed jintuża minn xi kolletturi taż-żrieragħ. Waqt li beda jfittex mod biex jirriproduċi ż-żrieragħ, Nortier skopra li ż-żrieragħ jiġġerminaw biss jekk l-ewwel jinqasmu – bħall-effett tan-nirien fil-muntanji. Nortier ikkultiva l-ewwel pjanti fuq il-farm Klein Kliphuis qrib Clanwilliam. Skopra li ż-żrieragħ għandhom jinżergħu f’Jannar u li l-aħjar żmien biex in-nebbieta żgħar jiġu mħawla mill-ġdid huwa eżatt wara xita qawwija meta tkun mistennija aktar xita. Nortier ispira u ħeġġeġ ukoll lill-bdiewa lokali biex jibdew jikkultivaw ir-Rooibos/Red Bush. Dawn il-prattiki tal-ġbir taż-żrieragħ u l-għorik taż-żrieragħ għadhom qed jintużaw illum u l-Aspalathus linearis qed tiġi prodotta f’kundizzjonijiet ta’ art niexfa peress li l-pjanta hija adattata għas-sjuf xotti u sħan. Dawn il-kundizzjonijiet ambjentali jinfluwenzaw il-kompożizzjoni kimika tar-Rooibos/Red Bush, b’mod partikolari l-livell u t-tip ta’ polifenoli li jinsabu fil-prodott finali. Il-produtturi tar-Rooibos/Red Bush adattaw il-prattiki tal-ġestjoni tal-art u tal-kultivazzjoni tagħhom għall-kundizzjonijiet ħarxa tar-reġjun. Pereżempju, ma jistgħux jitqabbdu nirien biex jiġu liberati żoni għall-kultivazzjoni peress li dan jeqred il-kontenut organiku tal-ħamrija. Barra minn hekk, l-għelejjel ta’ kopertura għandhom rwol importanti matul diversi stadji tal-proċess tal-kultivazzjoni u l-ħdim minimu jew ħdim ta’ konservazzjoni huwa prattika komuni. Il-ħsad isir matul ix-xhur xotti tas-sajf minn Novembru sa Mejju u 20 % tal-materjal tal-pjanti għandu jitħalla fuq il-pjanta. Il-materjal li jkun għadu kemm inħasad għandu jasal fit-tea court fi żmien 72 siegħa mill-ħsad u jintuża apparat mekkaniku ta’ tqattigħ biex inaqqas z-zkuk u l-weraq sabiex ikunu twal bejn 1 u 10 mm. Fil-każ tar-Rooibos/Red Bush ossidizzat, il-materjal li jkun għadu kif inqata’ mbagħad jiġi espost għax-xemx f’munzelli qishom ringieli fuq il-wiċċ tal-konkrit jew tal-blat tat-tea court. Ir-ringieli jiġu mxarrba, il-weraq jiġi mmarkat u r-ringieli jiġu mdawra f’intervalli regolari sakemm tintlaħaq il-konsistenza t-tajba wara li jiġu mxerrda ftit fuq it-tea court biex jinxfu. Fil-każ tar-Rooibos/Red Bush (aħdar) mhux ossidizzat, il-weraq u z-zkuk jiġu mxerrda f’saffi rqaq fuq it-tea court eżatt wara li jinqatgħu f’tul ta’ bejn 1 u 10 mm. Il-proċess tat-tea court ta’ spiss huwa deskritt bħala forma ta’ arti u huwa wieħed mill-aktar partijiet kritiċi tal-proċess tal-produzzjoni tar-Rooibos/Red Bush b’know-how u għarfien espert speċifiċi meħtieġa. Il-produttur tat-te jissorvelja bir-reqqa l-kulur, l-istruttura u l-indewwa tat-te sakemm tinkiseb is-sensazzjoni qisha ta’ sapun mixtieqa. Metodu tipiku huwa li jittieħed ftit mit-te niedi, immarkat u jingħafas sakemm l-id tifforma ponn, u jekk il-livell ta’ ndewwa jkun korrett, qatra żgħira ta’ meraq tgħaddi mill-ispazji bejn il-bażi tas-swaba’. Dawk esperti fil-gradazzjoni jevalwaw il-kwalità tar-Rooibos/Red Bush skont għadd ta’ fatturi, inkluż il-kulur tal-weraq xott u infuż, l-intensità, il-kulur u ċ-ċarezza tal-infużjoni, kif ukoll il-palat u t-togħma. Jissejħu ġuriji sensorji mħarrġa apposta biex jiġġudikaw il-palat u t-togħma. Ġiet żviluppata rota sensorja u hija għodda siewja biex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-produtturi, il-proċessuri, l-esperti tal-klassifikazzjoni, il-kummerċjanti, il-fornituri tal-aromi, l-importaturi u l-konsumaturi tar-Rooibos/Red Bush. Ġie żviluppat ukoll lessiku sensorju preliminari biex jgħin fl-interpretazzjoni tad-deskritturi għal xi wħud mid-deskritturi.

L-ispeċifiċità tal-prodott

Il-karatteristiċi sensorji uniċi (jew l-aroma u s-sensazzjoni fil-ħalq) tar-Rooibos/Red Bush ġew deskritti hawn fuq. Dawn id-deskritturi huma bbażati fuq analiżi ta’ sett kbir ta’ kampjuni u jiġbru flimkien l-impronta organolettika tar-Rooibos/Red Bush. Dawn il-karatteristiċi organolettiċi uniċi tar-Rooibos/Red Bush jistgħu jiġu attribwiti għall-kimika fenolika kumplessa tal-Aspalathus linearis. Il-kompożizzjoni tal-flavonojdi tar-Rooibos/Red Bush hija unika peress li fiha l-aspalatin u l-aspalalinin, kif ukoll il-komposti rari tan-notofagin u l-glukoside tal-aċidu enolikufenilpiruviku. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-flavonojdi jseħħu kullimkien fir-renju tal-pjanti, sa issa l-aspalatin ġie identifikat biss fl-Aspalathus linearis, u dan joħloq il-karatteristiċi organolettiċi uniċi tagħha. Fit-taqsima ta’ qabel kien innutat li l-użu tal-weraq u z-zkuk imnixxfa tar-Rooibos/Red Bush bħala te kien iddokumentat għall-ewwel darba kważi 250 sena ilu. Minn dak iż-żmien ’l hawn it-togħma tal-frott u ħelwa tiegħu, bi status baxx ta’ tannini u mingħajr kafeina wasslet biex dan ikun ikona kulturali tal-Afrika t’Isfel. L-istħarriġiet li saru fl-2005 urew li t-te Rooibos/Red Bush kien wieħed mill-aktar għaxar oġġetti tal-ikel ikkunsmati b’mod frekwenti f’insedjament informali fl-Afrika t’Isfel.

Versions

  1. 2021-05-28