Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/100 tal-24 ta’ Jannar 2022 dwar abbozz ta’ Digriet mir-Renju tan-Netherlands dwar formula tat-tfal żgħar u ħalib għat-tfal żgħar innotifikat f’konformità mal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2022) 312) (It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2022-01-24from 2022-01-25
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/100@2022-01-24/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 u b’mod partikolari l-Artikolu 45(4) tiegħu,

Billi:

(1) F’konformità mal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, l-awtoritajiet Netherlandiżi, fit-28 ta’ Lulju 2020, innotifikaw lill-Kummissjoni b’abbozz ta’ Digriet li fih regoli dwar ikel ibbażat fuq proteina (tal-ħalib tal-baqra jew tal-mogħża), li miegħu ġew miżjuda mill-inqas vitamina, mineral jew sustanza oħra waħda jew aktar, u li huwa maħsub biex jintuża bħala xarba għal tfal żgħar bejn l-etajiet ta’ sena u tliet snin (Digriet tal-Att dwar il-Komoditajiet dwar il-formula tat-tfal żgħar u l-ħalib tat-tfal żgħar) (l-abbozz notifikat).

(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali, ir-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet li jirregolaw l-informazzjoni dwar l-ikel, u b’mod partikolari t-tikkettar tal-ikel. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jelenka d-dettalji kollha li għandhom jiġu pprovduti dwar l-ikel, f’konformità mal-Artikoli 10 sa 35 u soġġetti għall-eċċezzjonijiet li jinsabu fihom.

(3) L-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jipprovdi li minbarra d-dettalji partikolari msemmija fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 10, l-Istati Membri jistgħu, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 45, jadottaw miżuri sabiex jesiġu dettalji obbligatorji addizzjonali għal tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ ikel, ġustifikati abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jew il-protezzjoni tal-konsumaturi, jew il-prevenzjoni tal-frodi jew il-protezzjoni tad-drittijiet industrijali u kummerċjali tal-proprjetà, l-indikazzjonijiet tal-provenjenza, ta’ oriġini rreġistrati u l-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni żleali.

(4) L-abbozz innotifikat jistabbilixxi, fost l-oħrajn, dettalji obbligatorji addizzjonali għal kategoriji speċifiċi ta’ ikel fil-forma ta’ dikjarazzjonijiet li jridu jiġu pprovduti lill-konsumaturi meta formula tat-tfal żgħar u ħalib għat-tfal żgħar jitqiegħdu fis-suq fin-Netherlands. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà tagħha mar-rekwiżiti msemmija hawn fuq ta’ dak ir-Regolament u mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(5) L-abbozz notifikat jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi ta’ kompożizzjoni, fortifikazzjoni, tikkettar u kummerċjalizzazzjoni għal ikel ibbażat fuq proteina tal-ħalib tal-baqra jew tal-mogħża, li huma maħsuba biex jintużaw bħala xarba għal tfal żgħar ta’ bejn sena u tliet snin. B’mod partikolari, it-taqsima 2 tal-abbozz notifikat tistabbilixxi rekwiżiti fir-rigward tal-kompożizzjoni u ż-żieda ta’ vitamini, minerali u sustanzi oħra għal formula tat-tfal żgħar u ħalib għat-tfal żgħar. It-Taqsima 3 tal-miżura nnotifikata tistabbilixxi ċerti rekwiżiti għad-deżinjazzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni lill-konsumaturi.

(6) L-Artikolu 7 tal-abbozz innotifikat jirrikjedi li d-dikjarazzjonijiet li ġejjin għandhom jintużaw għall-kummerċjalizzazzjoni tal-formula tat-tfal żgħar u tal-ħalib tat-tfal żgħar: a. il-kategorija ta’ età bejn sena u tliet snin li għalihom hija maħsuba; b. dikjarazzjoni li l-prodott mhux sostitut għal dieta bilanċjata; c. dikjarazzjoni li l-prodott mhux sostitut għal supplimenti tal-vitamina D; u d. dikjarazzjoni li l-prodott mhux sostitut għall-ħalib tas-sider.

(7) L-awtoritajiet Netherlandiżi jispjegaw li dawn id-dettalji obbligatorji li jinsabu fl-abbozz notifikat huma ġġustifikati abbażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

(8) L-awtoritajiet Netherlandiżi ma ssottomettew l-ebda evidenza biex jiġġustifikaw il-miżura fuq il-bażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Għall-kuntrarju, fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-abbozz innotifikat, l-awtoritajiet Netherlandiżi jispjegaw li formula tat-tfal żgħar u ħalib għat-tfal żgħar mhumiex meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti nutrittivi tat-tfal żgħar.

(9) L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jirrikjedi li l-informazzjoni dwar l-ikel m’għandhiex tiżvija fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel u, b’mod partikolari, fir-rigward tan-natura tiegħu, l-identità, il-proprjetajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-durabbiltà, il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza, il-metodu ta’ fabbrikazzjoni jew produzzjoni.

(10) Xarbiet ibbażati fuq il-ħalib maħsuba għat-tfal żgħar kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari iżda din tal-aħħar tħassret bir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mid-19 ta’ Lulju 2016.

(11) Fid-dawl ta’ dak it-tħassir, l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 609/2013, jirrikjedi li l-Kummissjoni tanalizza f’rapport jekk humiex meħtieġa dispożizzjonijiet speċifiċi għax-xarbiet ibbażati fuq il-ħalib u xarbiet simili maħsuba għat-tfal żgħar — ta’ bejn is-sena u t-tliet snin. Il-Kummissjoni adottat Rapport dwar dawk il-prodotti fil-31 ta’ Marzu 2016 (ir-Rapport tal-2016).

(12) Ir-rapport tal-2016 ikkonkluda li ma hemm l-ebda ħtieġa għal dispożizzjonijiet speċifiċi għal din il-kategorija ta’ ikel peress li l-applikazzjoni korretta u sħiħa tal-qafas ġenerali tal-liġi tal-UE dwar l-ikel tista’ tirregola b’mod adegwat il-kompożizzjoni tax-xarbiet ibbażati fuq il-ħalib maħsubin għat-tfal żgħar u l-komunikazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti.

(13) Tali konklużjonijiet kienu bbażati fuq il-parir xjentifiku tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-Awtorità). Fl-opinjoni tagħha tal-2013, l-Awtorità nnutat li dawn il-prodotti ma għandhom l-ebda rwol uniku u ma jistgħux jitqiesu bħala neċessità biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti nutrittivi tat-tfal żgħar meta mqabbla ma’ ikel ieħor li jista’ jiġi inkluż fid-dieta normali tagħhom.

(14) B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni ma akkumpanjatx ir-Rapport tal-2016 bi proposta leġiżlattiva biex tistabbilixxi r-regoli għax-xarbiet ibbażati fuq il-ħalib u prodotti simili maħsuba għat-tfal żgħar. Għalhekk, mill-20 ta’ Lulju 2016, ix-xarbiet ibbażati fuq il-ħalib maħsubin għat-tfal żgħar jitqiesu bħala ikel normali, imsaħħaħ b’ċerti nutrijenti u mmirat lejn sottogrupp speċifiku tal-popolazzjoni u huma esklussivament koperti mir-regoli orizzontali tal-liġi tal-UE dwar l-ikel.

(15) Abbażi tal-osservazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-abbozz ta’ miżura nnotifikat jiddevja mir-regoli applikabbli għall-ikel normali, u minflok jintroduċi qafas ġuridiku ġdid għal-formula tat-tfal żgħar u l-ħalib għat-tfal żgħar fin-Netherlands. F’dak is-sens, huwa joħloq de facto kategorija ġdida ta’ prodotti maħsuba għal trabi żgħar, li huma soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi ta’ kompożizzjoni, fortifikazzjoni, tikkettar u kummerċjalizzazzjoni. Dan mhuwiex konformi mal-qafas ġuridiku attwali tal-UE.

(16) B’mod partikolari, il-formula tat-tfal żgħar u l-ħalib għat-tfal żgħar jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel u għandhom jikkonformaw mar-regoli ta’ dak ir-Regolament dwar il-kondizzjonijiet għaż-żieda ta’ vitamini u minerali u dwar it-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar. Ix-xarbiet ibbażati fuq il-ħalib maħsubin għat-tfal żgħar għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-ikel, inkluża d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, f’konformità mar-regoli tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 u jista’ jkollu biss indikazzjonijiet speċifiċi dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa awtorizzati fil-livell tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel.

(17) Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 ma japplikawx għal-formula tat-tfal żgħar u l-ħalib għat-tfal żgħar.

(18) Ir-rekwiżiti obbligatorji tat-tikkettar għal-formula tat-tfal żgħar u l-ħalib għat-tfal żgħar, kif propost fl-Artikolu 7 tal-abbozz innotifikat flimkien mar-rekwiżiti obbligatorji tat-tikkettar stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011, isaħħu l-perċezzjoni għall-konsumaturi li l-formula tat-tfal żgħar u l-ħalib għat-tfal żgħar jikkostitwixxu kategorija separata ta’ prodotti, simili għall-formula tat-trabi u tal-formula ta’ prosegwiment, li huma partikolarment adattati għal tfal żgħar ta’ bejn is-sena u t-tliet snin meta mqabbla ma’ ikel ieħor li jista’ jiġi inkluż fid-dieta normali tagħhom.

(19) F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, fil-5 ta’ Ottubru 2020 il-Kummissjoni kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

(20) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 7 tal-abbozz innotifikat huwa qarrieqi fir-rigward tan-natura tal-formula tat-tfal żgħar u l-ħalib għat-tfal żgħar u għalhekk huwa f’kunflitt mal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 u ma jistax jiġi ġġustifikat abbażi tal-protezzjoni tal-konsumatur. L-Artikolu 7 lanqas ma jista’ jiġi ġġustifikat għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, peress li l-awtoritajiet Netherlandiżi ma ressqu l-ebda ġustifikazzjoni f’dan ir-rigward.

(21) Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, il-Kummissjoni, fis-27 ta’ Ottubru 2020, tat opinjoni negattiva dwar l-abbozz notifikat. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Netherlandiżi bl-opinjoni negattiva fit-28 ta’ Ottubru 2020.

(22) Għalhekk jenħtieġ li l-awtoritajiet Netherlandiżi jintalbu biex ma jadottawx l-abbozz tal-ordni notifikat.

(23) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Abbażi tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-opinjoni negattiva tagħha u ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Renju tan-Netherlands, ma għandux jadotta l-Artikolu 7 tal-abbozz tad-Digriet tal-Att dwar il-Komoditajiet dwar il-formula tat-tfal żgħar u l-ħalib għat-tfal żgħar, li huwa nnotifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, u li kien soġġett għal opinjoni negattiva tal-Kummissjoni nnotifikata lill-awtoritajiet Netherlandiżi fit-28 ta’ Lulju 2020.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2022. Għall-Kummissjoni Stella Kyriakides Membru tal-Kummissjoni

Versions

  1. 2022-01-24