Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1036 tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta’ referenza (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/1036@2022-06-29/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Billi:
(1) Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat tnaqqis kbir fit-traffiku ferrovjarju minħabba tnaqqis sinifikanti fid-domanda u l-miżuri diretti li ħadu l-Istati Membri biex irażżnu l-pandemija.
(2) Dawk iċ-ċirkostanzi huma lil hinn mill-kontroll tal-impriżi ferrovjarji, li kellhom jiffaċċjaw problemi konsiderevoli kontinwi ta’ likwidità, telf kbir u xi drabi rriskjaw l-insolvenza.
(3) Biex ikunu jistgħu jiġġieldu l-effetti ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 u jwieżnu lill-impriżi ferrovjarji, ir-Regolament (UE) 2020/1429 jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex inaqqsu, jeżentaw jew jipposponu l-ħlas ta’ imposti tal-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja. Dik il-possibbiltà kienet ingħatat għal perjodu ta’ referenza limitat li ġie estiż l-aħħar bir-Regolament (UE) 2022/312 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2022.
(4) Il-limitazzjonijiet imposti fuq il-mobbiltà tul il-perjodu tal-pandemija ħallew impatt ġmielu fuq l-użu tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri. Anke s-servizzi ferrovjarji tal-merkanzija ntlaqtu iżda b’mod aktar limitat. Abbażi tad-data li taw il-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja tal-Unjoni, il-pandemija laqtet l-aktar lis-segment tas-servizzi tal-passiġġieri. L-aktar li ntlaqat kien is-segment tas-servizzi kummerċjali tal-passiġġieri, bi tnaqqis sinifikanti fl-offerta tiegħu fost l-Istati Membri kollha, u dan għadu ma reġax lura għal-livelli tal-2019.
(5) Kien hemm irkupru fir-rigward tal-għadd ta’ ferroviji tal-merkanzija mħaddma fuq in-network għax il-livelli tal-2021 kienu biss 0,1% inqas minn tal-2019. L-għadd ta’ ferroviji tal-passiġġieri b’obbligu tas-servizz pubbliku (OSP) imħaddma fin-network fl-2021 kien 2% iżjed minn tal-2019, filwaqt li fl-2020 kien 5,1% inqas meta mqabbel mal-2019. Madankollu, peress li l-għadd ta’ passiġġieri fl-2020 u fl-2021 ma laħaqx iż-żewġ terzi tal-għadd ta’ passiġġieri li vvjaġġaw fl-2019, l-impatt imnaqqas tal-pandemija u l-irkupru sussegwenti aktarx twieżnu bl-appoġġ finanzjarju kontinwu mill-awtoritajiet kompetenti skont il-kuntratti tal-OSP. Fil-fatt, fl-2021, l-għadd ta’ ferroviji kummerċjali tal-passiġġieri kien għadu 18,2% inqas meta mqabbel mal-2019. Fl-2020 kien 22,9% inqas meta mqabbel mal-2019, u b’hekk ma kien hemm l-ebda rkupru sinifikanti.
(6) Xejriet simili jistgħu jiġu osservati meta t-traffiku jiġi espress f’kilometri tal-ferrovija. Il-kilometri tal-ferrovija li għamlu l-ferroviji tal-merkanzija mħaddma fuq in-network urew sinjali ta’ rkupru, b’0,5% biss inqas fl-2021 meta mqabbla mal-2019. Is-servizzi tal-OSP tal-passiġġieri espressi f’kilometri tal-ferrovija kienu 1,1% iżjed fl-2021 meta mqabbla mal-2019. Iżda fl-2021, is-servizzi kummerċjali tal-passiġġieri espressi f’kilometri tal-ferrovija baqgħu 18,7% inqas mil-livelli tal-2019, titjib żgħir meta mqabbel mal-2020.
(7) Għalhekk hu evidenti li hemm tnaqqis persistenti fil-livell tat-traffiku ferrovjarju minħabba l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-segment tal-passiġġieri, li fl-2018 kien jirrappreżenta madwar 80% tat-traffiku kollu espress f’kilometri tal-ferrovija.
(8) Id-data tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa turi li l-għadd ta’ każijiet irreġistrati kuljum tal-COVID-19 fl-Ewropa żdied drastikament fil-bidu tal-2022 għal livelli li qatt ma ntlaħqu qabel tul il-pandemija. Barra minn hekk, l-għadd ta’ każijiet ta’ kuljum irrappurtati għadu għoli ħafna.
(9) Aktarx li l-pandemija tħalli impatt negattiv persistenti fuq it-traffiku ferrovjarju u s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tal-impriżi ferrovjarji aktarx li tippersisti ugwalment sa tmiem l-2022.
(10) Għaldaqstant, il-perjodu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/1429 jeħtieġ jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2022.
(11) Kieku l-Parlament Ewropew u l-Kunsill kellhom jiskrutinaw dan ir-Regolament għall-perjodu kollu ta’ oġġezzjoni previst fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) 2020/1429, dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ biss wara tmiem il-perjodu ta’ referenza attwalment previst fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/1429. Biex tkun evitata l-inċertezza legali, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2020/1429, u jenħtieġ li jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/1429 huwa sostitwit b’dan li ġej:
Artikolu 1
Artikolu 1 Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli temporanji dwar l-impożizzjoni tal-imposti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja kif stabbilit fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE. Dan japplika għall-użu tal-infrastrutturi ferrovjarji għal servizzi ferrovjarji domestiċi u internazzjonali koperti minn dik id-Direttiva, tul il-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2022 (il-perjodu ta’ referenza).
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2022. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen