Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1292 tat-22 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1976 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ monoetilenglikol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/1292@2022-07-22/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,
Billi:
(1) L-importazzjonijiet tal-monoetilenglikol (MEG) li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u mir-Renju tal-Arabja Sawdija huma soġġetti għal dazju antidumping definittiv, impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1976.
(2) Il-kumpanija tal-Istati Uniti Indorama Ventures Oxides LLC, il-kodiċi addizzjonali TARIC C681, hija soġġetta għall-miżuri antidumping għall-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1976.
(3) Indorama Ventures (Oxide & Glycols) LLC, kumpanija relatata ma’ Indorama Ventures Oxides LLC infurmat lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Marzu 2022 li tixtieq tesporta l-MEG lejn l-Unjoni u talbet lill-Kummissjoni tikkonferma li setgħet tibbenefika mir-rata tad-dazju antidumping applikata għall-kumpanija relatata tagħha, Indorama Ventures Oxides LLC, fid-dawl tal-fatt li ma kinitx inkluża fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1976.
(4) Il-Kummissjoni rrieżaminat l-informazzjoni pprovduta minn Indorama Ventures (Oxide & Glycols) LLC, fil-kuntest tal-investigazzjoni oriġinali u setgħet tivverifika li Indorama Ventures (Oxide & Glycols) LLC hija relatata ma’ Indorama Ventures Oxides LLC u ma esportatx MEG lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali.
(5) Barra minn hekk, peress li Indorama Ventures Oxides LLC ma kinitx inkluża fil-kampjun, il-Kummissjoni fakkret li ma ġie stabbilit l-ebda marġni individwali kumpanija, soġġetta għar-rata tad-dazju medju tal-kampjun.
(6) Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li temenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1976 u żżid Indorama Ventures (Oxide & Glycols) LLC bl-istess kodiċi addizzjonali TARIC C681 bħall-kumpanija relatata tagħha, Indorama Ventures Oxides LLC.
(7) Il-kodiċi addizzjonali TARIC C681 li qabel kien attribwit lil Indorama Ventures Oxides LLC għandu japplika għal Indorama Ventures (Oxide & Glycols) LLC ukoll mis-7 ta’ Marzu 2022.
(8) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1976 huwa emendat kif ġej: United States of America Indorama Ventures Oxides LLC C681 hija sostitwita bi United States of America Indorama Ventures Oxides LLC; Indorama Ventures (Oxide & Glycols) LLC C681
2. Il-kodiċi addizzjonali TARIC C681 li qabel kien attribwit lil Indorama Ventures Oxides LLC għandu japplika għal Indorama Ventures (Oxide & Glycols) LLC ukoll mis-7 ta’ Marzu 2022.
3. Mis-7 ta’ Marzu 2022, kwalunkwe dazju definittiv imħallas fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn Indorama Ventures (Oxide & Glycols) LLC li jaqbeż id-dazju antidumping stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1976 fir-rigward ta’ Indorama Ventures (Oxide & Glycols) LLC għandu jitħallas lura jew jinħafer skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2022. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen