Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/12 tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-22 laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (Konvenzjoni ta’ Barċellona) u l-Protokolli tagħha fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tippreżenta proposta li tiddeżinja l-Baħar Mediterran, fl-intier tiegħu, bħala żona ta’ kontroll tal-emissjonijiet għall-ossidi tal-kubrit (Med SOx ECA) skont l-Anness VI għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (Konvenzjoni MARPOL)

In forceVersion 2021-12-02
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/12@2021-12-02/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Konvenzjoni emendata għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-Konvenzjoni ta’ Barċellona) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/802/KE u daħlet fis-seħħ fid-9 ta’ Lulju 2004.

(2) Skont l-Artikolu 18(2), il-punt (vi), tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, il-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha għandha tikkunsidra u tieħu kwalunkwe azzjoni li jaf tkun meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli. Skont ir-Regola 43 tar-Regoli ta’ Proċedura għall-laqgħat tal-Partijiet Kontraenti, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Konvenzjoni ta’ Barċellona, il-Protokolli jew it-termini finanzjarji ta’ referenza, id-deċiżjonijiet sostantivi jridu jsiru b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti preżenti u votanti.

(3) Matul it-22 laqgħa tagħhom mis-7 sal-10 ta’ Diċembru 2021, il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha huma mistennija jadottaw deċiżjoni (id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti) biex fl-2022 jippreżentaw lit-78 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC 78) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali fl-2022 proposta li tiddeżinja l-Baħar Mediterran, fl-intier tiegħu, bħala żona ta’ kontroll tal-emissjonijiet għall-ossidi tal-kubrit (Med SOx ECA) u li tispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ.

(4) Id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti tikkonċerna l-protezzjoni tal-ambjent, li hija kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 4(2), il-punt (e), tat-Trattat. Id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti ma taqax f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu huwa kopert mir-regoli tal-Unjoni dwar tali protezzjoni. L-Unjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tagħmel użu mill-possibbiltà li teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward ta’ oqsma koperti mid-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti li fir-rigward tagħha l-kompetenza tagħha għadha ma ġietx eżerċitata internament.

(5) Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, peress billi d-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti tikkonċerna l-preżentazzjoni ta’ proposta lill-MEPC 78, f’isem organizzazzjoni li l-Unjoni hija Parti tagħha, biex il-Baħar Mediterran, fl-intier tiegħu, jiġi deżinjat bħala żona ta’ kontroll tal-emissjonijiet għall-ossidi tal-kubrit (Med SOx ECA), u għalhekk tikkostitwixxi att li għandu effetti legali.

(6) Peress li d-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti għandha l-iskop li twassal għall-aġġornament tar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran, f’konformità mal-ambizzjoni tal-Unjoni li jonqos it-tniġġis fl-ambjent marin u tipproteġi s-saħħa tal-bniedem, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha għandha tkun li tiġi appoġġata l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiġi ppreżentata proposta waqt it-78 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, biex il-Baħar Mediterran, fl-intier tiegħu, jiġi deżinjat bħala żona ta’ kontroll tal-emissjonijiet għall-ossidi tal-kubrit (Med SOx ECA) u li tiġi speċifikata d-data tad-dħul fis-seħħ.

Artikolu 2 Fid-dawl tal-iżviluppi fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, jista’ jintlaħaq qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2021. Għall-Kunsill Il-President J. Vrtovec

Versions

  1. 2021-12-02