Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1349 tas-26 ta’ Lulju 2022 li taċċetta talba mressqa mir-Rumanija skont id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 għal għoxrin vettura LEMA (notifikata bid-dokument C(2022) 5152) (It-test bir-Rumen biss huwa awtentiku)

In forceVersion 2022-07-26from 2022-08-02
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/1349@2022-07-26/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

Billi:

(1) Fis-6 ta’ Jannar 2022, ir-Rumanija ressqet talba lill-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 (it-talba), li jipprevedi li ċerti vetturi ġodda jkunu mgħammra bil-Linja Bażi 3 tas-Sistema Ewropea għall-Kontroll tal-Ferroviji (ETCS) abbord, fir-rigward ta’ 20 lokomottiva ġdida LEMA 6000 kW manifatturati. Dik it-talba tressqet abbażi tal-Artikolu 7(1), il-punt (c) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(2) Fil-25 ta’ Frar 2022, fuq talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Rumeni pprovdew iktar spjegazzjonijiet biex jikkompletaw it-talba.

(3) L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Rumeni ppermettiet lill-Kummissjoni twettaq l-analiżi tagħha tat-talba.

(4) Il-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 għandu l-għan li jiffaċilita l-interoperabbiltà tal-vetturi ferrovjarji fin-network Ewropew bl-installazzjoni tal-ETCS abbord. Madankollu, xi żoni taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea għadhom lura fl-iskeda għall-introduzzjoni tal-ETCS fin-network tagħhom.

(5) Il-flotta ta’ 20 lokomottiva msemmija fit-talba hija maħsuba biex topera fin-network Rumen, fejn, attwalment, 10 % biss tan-network huwa mgħammar b’ETCS maġenb il-binarji, filwaqt li għad hemm il-ħtieġa li s-sistema PZB tal-klassi B topera fin-network Rumen.

(6) Minħabba l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, il-proċess tal-manifattura tas-sistemi ta’ sinjalar iddewwem u l-fornitur tas-sistemi ta’ sinjalar mhux qed jistenna li l-proġett tal-prototip tal-linja bażi 3 tal-ETCS jitlesta qabel tmiem l-2022. L-20 vettura jkollhom bżonn jiġu mmodifikati b’mod retroattiv bis-sistemi matul l-2023, sa tmiem dik is-sena.

(7) Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt fuq il-proċess ta’ żvilupp u ta’ ċertifikazzjoni tal-20 vettura ġdida msemmija fit-talba. L-installazzjoni tal-Linja Bażi 3 tal-ETCS fl-20 lokomottiva msemmija fit-talba tirriżulta f’dewmien ulterjuri ta’ 12-il xahar biex ikunu disponibbli u jiġu kkonsenjati. In-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-ferroviji u l-ħtieġa iktar ’il quddiem li l-flotta tiġi mmodifikata b’mod retroattiv bil-Linja Bażi 3 tal-ETCS minflok il-Linja Bażi 2 tal-ETCS jirriżultaw f’impatt ekonomiku konsiderevoli.

(8) Disgħa mil-lokomottivi msemmija fit-talba huma identifikati bin-numri 91530480060-9, 91530480061-7, 91530480062-5, 91530480063-3, 91530480064-1, 91530480065-8, 91530480066-6, 91530480069-0 u 91530480070-8. L-awtoritajiet Rumeni jenħtieġ li jipprovdu n-numri ta’ identifikazzjoni tal-11-il lokomottiva l-oħra fi stadju iktar tard, mar-reġistrazzjoni tagħhom.

(9) Il-manifattur tal-vetturi ħa impenn li jżomm ma’ pjan ta’ inġinerija u ta’ installazzjoni biex jimmodernizza l-vetturi soġġetti għat-talba b’tagħmir abbord tal-Linja Bażi 3 l-ġdida tal-ETCS. Skont l-iskedi ta’ żmien l-iktar reċenti pprovduti, l-immodernizzar għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS huwa mistenni li jitlesta sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(10) L-awtorizzazzjoni tal-lokomottivi soġġetti għat-talba, qabel l-installazzjoni tal-Linja Bażi 3 tal-ETCS, se tkun valida biss matul il-perjodu ta’ validità ta’ din id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni.

(11) Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(c) u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 huma ssodisfati fir-rigward tal-20 vettura soġġetti għat-talba. Għalhekk, it-talba mressqa mir-Rumanija għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 għal dawk il-vetturi sal-31 ta’ Diċembru 2023 jenħtieġ li tiġi aċċettata.

(12) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 It-talba mressqa fil-25 ta’ Marzu 2021 lill-Kummissjoni mir-Rumanija għan-nuqqas ta’ applikazzjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2023, tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 għal 20 lokomottiva ġdida LEMA 6000 kW, hija aċċettata. L-awtoritajiet Rumeni għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar in-numri ta’ identifikazzjoni tal-lokomottivi l-ġodda, ladarba dawk il-lokomottivi jiġu rreġistrati fin-network Rumen.

Artikolu 2 Meta d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni jiġu applikati għal awtorizzazzjoni tal-vetturi ta’ kwalunkwe waħda mill-20 lokomottiva msemmija fl-Artikolu 1, dik l-awtorizzazzjoni tal-vettura għandha tkun valida sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija. Għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2022. Għall-Kummissjoni Adina Vălean Membru tal-Kummissjoni

Versions

  1. 2022-07-26