Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1903 tas-6 ta' Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2022/263 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u d-deċiżjoni li jintbagħtu l-forzi armati Russi f'dawk iż-żoni
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/1903@2022-10-06/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/266 tat-23 ta' Frar 2022 dwar miżuri restrittivi b'reazzjoni għar-rikonoxximent taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u d-deċiżjoni li jintbagħtu l-forzi armati Russi f’dawk iż-żoni,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/263 jagħti effett lil miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2022/266.
(2) Fis-6 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1908 li temenda t-titolu tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 u testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tar-restrizzjonijiet li jinsabu fiha biex ikun ikopri ż-żoni kollha mhux ikkontrollati mill-gvern tal-Ukrajna fl-oblasts ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia. Il-kuntest politiku u r-raġunijiet ta’ politika għall-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi huma stabbiliti fil-premessi għad-Deċiżjoni (PESK) 2022/1908.
(3) Dawk l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk hemm bżonn tittieħed azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni biex jiġu implimentati, b’mod partikolari bl-intenzjoni li tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha.
(4) Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/263 jiġi emendat,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Ir-Regolament (UE) 2022/263 huwa emendat kif gej:
Artikolu 1
(1) It-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej: Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/263 tat-23 ta’ Frar 2022 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent, l-okkupazzjoni jew l-annessjoni illegali mill-Federazzjoni Russa ta’ ċerti żoni tal-Ukrajna mhux ikkontrollati mill-gvern;
(2) fl-Artikolu 1, il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:
(2)
(d) territorji speċifikati tfisser iż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-Ukrajna fl-oblasts ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk, u Zaporizhzhia;.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ottubru 2022. Għall-Kunsill Il-President M. Bek