Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1974 tat-13 ta’ Ottubru 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/1974@2022-10-13/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Fil-21 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew intitolata “Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT): proposta għal Pjan ta’ Azzjoni tal-UE, Il-Pjan ta’ Azzjoni stabbilit f’dik il-komunikazzjoni (il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT) għamel appell biex jittieħdu miżuri sabiex jiġi indirizzat il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam billi jiġu żviluppati ftehimiet ta’ sħubija volontarji ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam. Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT fit-13 ta’ Ottubru 2003 u l-Parlament Ewropew adotta r-riżoluzzjoni tiegħu dwar dan is-suġġett fil-11 ta’ Lulju 2005.
(2) Fil-5 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ sħubija biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT.
(3) Fl-20 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2173/2005 li stabbilixxa skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fl-Unjoni minn pajjiżi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet ta’ sħubija volontarja.
(4) In-negozjati mar-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (il-Ftehim) intemmu b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fit-23 ta’ Novembru 2018.
(5) Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.
Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2022. Għall-Kunsill Il-President P. Blažek