Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2107 tat-3 ta’ Novembru 2022 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka (IĠP))
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/2107@2022-11-03/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, u b’mod partikulari l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,
Billi:
(1) Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni mill-Finlandja biex tirreġistra l-isem Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka bħala indikazzjoni ġeografika protetta, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(2) Fit-23 ta’ April 2021, il-Kummissjoni rċeviet l-avviż ta’ oppożizzjoni mill-Iżvezja. Il-Kummissjoni għaddiet l-avviż ta’ oppożizzjoni lill-Finlandja fis-27 ta’ April 2021. Fl-4 ta’ Ġunju 2021, l-Iżvezja ppreżentat dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni lill-Kummissjoni.
(3) Wara li eżaminat id-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni u sabet li hija ammissibbli, f’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni stiednet lill-Finlandja u lill-Iżvezja, permezz ta’ ittra datata d-29 ta’ Ġunju 2021, biex jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet xierqa bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim.
(4) Fl-20 ta’ Lulju 2021, fuq talba tal-Finlandja, il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għall-konsultazzjonijiet bi tliet xhur. Il-konsultazzjonijiet bejn il-Finlandja u l-Iżvezja ntemmu mingħajr ma ntlaħaq ftehim. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li tqis ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet.
(5) L-argumenti ewlenin tal-Iżvezja kif stabbiliti fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni tagħha u fil-konsultazzjonijiet imwettqa mal-Finlandja jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.
(6) L-Iżvezja sostniet li għadd sinifikanti ta’ prieżet minn varjetà ta’ produtturi u ditti ilhom jinbiegħu mill-inqas mill-2008 fis-suq Żvediż taħt id-denominazzjoni Basturökt skinka. Minħabba l-omonimija parzjali bl-isem li għandu jiġi rreġistrat, l-opponent argumenta li r-reġistrazzjoni kienet tipperikola l-eżistenza tal- Basturökt skinka, li kienet tirreferi għal prodotti kkummerċjalizzati legalment fl-Iżvezja mill-2008.
(7) Barra minn hekk, l-Iżvezja sostniet li t-terminu Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka, fejn aito/äkta tiġi tradotta għal ġenwin jew awtentiku, ikun ġeneriku, speċjalment meta wieħed iqis li ma hemm l-ebda referenza għal post, reġjun jew pajjiż fl-isem applikat biex jiġi protett bħala indikazzjoni ġeografika protetta. Għalhekk ir-reġistrazzjoni, fil-fehma tal-Iżvezja, ma tikkonformax mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.
(8) Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti esposti fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni mill-Iżvezja fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li qieset ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet xierqa mwettqa bejn l-applikant u l-avversarju u waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin.
(9) Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka huwa isem kompost li jindika prodott li sar fiż-żona kollha tal-Finlandja bl-użu ta’ metodu tradizzjonali speċifiku ta’ affumikazzjoni diretta bi stikek/blokok tal-injam tal-alnu (Xiphydria camelus) f’sawna tad-duħħan. Iż-żmien tal-ipproċessar tiegħu huwa twil mill-inqas 12-il siegħa. Il-prodott ilu fis-suq mis-snin ħamsin taħt l-isem Finlandiż Aito saunapalvikinkku u l-isem Żvediż Äkta basturökt skinka jew Äkta bastupalvad skinka. Dan il-prodott huwa distint mill-prodott indikat kemm fil-Finlandja kif ukoll fl-Iżvezja bħala saunapalvikinkku jew Basturökt skinka, li jsir b’metodu ta’ produzzjoni differenti (metodu ta’ affumikar, fejn id-duħħan, li jiġi ġġenerat barra mis-sawna tal-affumikar, isir minn bċejjeċ tal-injam jew minn duħħan riġenerat). Il-kelma aito/äkta (‘ġenwin) fit-termini Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka tirreferi għall-fatt li l-prodott huwa ppreparat bl-użu biss tal-metodu tradizzjonali speċifiku deskritt hawn fuq, li bis-saħħa tiegħu l-prodott għandu l-karatteristiċi distinti tiegħu meta mqabbel ma’ saunapalvikinkku jew Basturökt skinka. L-Iżvezja kkonfermat li ma hemm l-ebda prodott fis-suq Żvediż li jsir b’metodu tradizzjonali u mibjugħ taħt l-isem Äkta basturökt skinka. Id-denominazzjoni Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka għalhekk tirreferi biss għall-prodott kif isir fil-Finlandja bl-użu ta’ dak il-metodu speċifiku ta’ produzzjoni.
(10) Minn dan isegwi li l-isem kompost Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka jidentifika prodott li joriġina minn post speċifiku, b’mod partikolari f’pajjiż, li għandu kwalità u karatteristiċi speċifiċi attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu.
(11) Huwa biss l-isem kompost li jirreferi għall-prodott speċifiku prodott fiż-żona ġeografika ddefinita skont il-metodu tradizzjonali. Għalhekk, it-termini komuni li l-isem kompost huwa magħmul minn prodott ikkummerċjalizzat fl-Iżvezja u fil-Finlandja, ma għandhomx jiġu protetti fihom infushom.
(12) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-protezzjoni jenħtieġ li tkun limitata għall-isem Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka fl-intier tiegħu, filwaqt li l-komponenti individwali ta’ dak l-isem jenħtieġ li jibqgħu jitħallew għal prodotti li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka fl-Unjoni Ewropea kollha, dment li l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridiku tagħha jiġu rispettati.
(13) Barra minn hekk, l-oppożizzjoni tal-Iżvezja tikkonċerna wkoll il-karattru ġeneriku tal-isem sħiħ Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka u l-fatt li ma hemm l-ebda referenza għal post, reġjun jew pajjiż.
(14) Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, termini ġeneriċi tfisser l-ismijiet ta’ prodotti li, għalkemm għandhom x’jaqsmu mal-post, ir-reġjun jew il-pajjiż, fejn il-prodott kien oriġinarjament prodott jew kummerċjalizzat, saru l-isem komuni ta’ prodott fl-Unjoni.
(15) L-isem Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka kollu jirreferi għal prodott speċifiku li jiġi prodott f’żona ġeografika speċifika u li jkollu kwalità u karatteristiċi speċifiċi u distintivi marbuta mal-oriġini ġeografika tiegħu. Għalhekk, huwa ċar li l-isem Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka, fl-intier tiegħu, ma sarx isem komuni u għaldaqstant ma sarx ġeneriku.
(16) Huwa minnu li l-isem jikkonsisti f’diversi termini komuni mingħajr terminu ġeografiku. Madankollu, sakemm l-isem sħiħ jindika prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, huwa eliġibbli għar-reġistrazzjoni bħala indikazzjoni ġeografika protetta.
(17) Għaldaqstant, id-denominazzjoni Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka (IĠP) jenħtieġ li tiddaħħal fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti.
(18) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Id-denominazzjoni Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka (IĠP) hija rreġistrata. L-isem fl-ewwel paragrafu jirreferi għal prodott tal-Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014.
Artikolu 2 It-termini Saunapalvikinkku u Basturökt skinka jistgħu jkomplu jintużaw fit-territorju tal-Unjoni, dment li jiġu rrispettati l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridiku tagħha.
Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Novembru 2022. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen