Gelex

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2256 tal-15 ta’ Novembru 2022 dwar il-bidu tal-eżami ddettaljat ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni għat-tielet perjodu referenzjarju ppreżentat mill-Iżvizzera fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2022) 8076) (It-testi bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bit-Taljan biss huma awtentiċi) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2022-11-15from 2022-11-16
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/2256@2022-11-15/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas), u b’mod partikolari il-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istati Membri għandhom ifasslu, fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FABs), miri vinkolanti tal-prestazzjoni għal kull perjodu referenzjarju tal-iskema tal-prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-miri tal-prestazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-miri għall-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu referenzjarju kkonċernat.

(2) Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (RP3) ġew oriġinarjament stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903. Peress li dawk il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha u l-abbozz tal-pjanijiet tal-prestazzjoni għall-RP3 ġew ippreżentati sussegwentement f’Ottubru 2019 mill-Istati Membri u mill-Iżvizzera qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 f’Marzu 2020, ma qisux it-tnaqqis konsiderevoli fit-traffiku tal-ajru minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi sabiex irażżnu l-pandemija.

(3) B’rispons għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 ġew stabbiliti miżuri eċċezzjonali għall-RP3, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni riveduti għall-Unjoni kollha għall-RP3. Fuq dik il-bażi, f’Ottubru 2021, l-Istati Membri u l-Iżvizzera ppreżentaw lill-Kummissjoni abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni li fihom miri tal-prestazzjoni riveduti għall-RP3.

(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/780 analizzat ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni għall-RP3 ippreżentat mill-Iżvizzera, stabbilit b’mod konġunt fil-livell tal-Blokk tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali tal-Ewropa Ċentrali (FABEC), flimkien mal-Belġju, mal-Ġermanja, ma’ Franza, mal-Lussemburgu u man-Netherlands (l-Istati Membri li huma parti mill-FABEC). Il-Kummissjoni sabet li l-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti en route bejn il-Belġju u l-Lussemburgu ma kinux konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha u ħarġet rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri.

(5) B’rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni imponiet miżuri restrittivi li jipprojbixxu lit-trasportaturi tal-ajru Russi, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa proprjetà ta’ jew mikri b’lokazzjoni, jew inkella li huwa kkontrollat minn kwalunkwe persuna, entità jew korp fiżiku jew ġuridiku Russu milli jillandja fi u jitlaq minn, jew itir fuq it-territorju tal-Unjoni. Dawk il-miżuri restrittivi u l-kontromiżuri adottati mir-Russja wasslu għal bidliet fit-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru Ewropew. Ċerti Stati Membri ġew affettwati serjament mill-bidliet fl-għadd ta’ titjiriet li jgħaddu minn fuq l-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Madankollu, fil-livell tal-Unjoni kollha, l-impatt osservat fuq l-għadd ta’ titjiriet kien limitat b’kuntrast mat-tnaqqis qawwi tat-traffiku tal-ajru madwar l-Ewropa li rriżulta mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19.

(6) Fit-13 ta’ Lulju 2022, l-Iżvizzera, flimkien mal-Istati Membri li huma parti mill-FABEC, ippreżentat abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC għall-RP3 (abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC) għall-valutazzjoni mill-Kummissjoni.

(7) Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ippreżenta rapport lill-Kummissjoni li fih il-parir tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC.

(8) F’konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-FAB li hemm fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u qieset iċ-ċirkostanzi lokali. Fir-rigward ta’ kull qasam ewlieni tal-prestazzjoni u l-miri tal-prestazzjoni relatati, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha billi rrieżaminat l-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(9) Il-previżjoni tat-traffiku bażi tal-Eurocontrol STATFOR ippubblikata f’Ġunju 2022 tqis it-tibdil fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-premessa (5). Abbażi ta’ dik il-previżjoni, il-Kummissjoni tinnota li l-Iżvizzera u l-Istati Membri li huma parti mill-FABEC mhumiex previsti li jesperjenzaw bidliet kbar fil-flussi tat-traffiku tal-ajru matul l-RP3 bħala riżultat tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna. Għalhekk, dawk iċ-ċirkostanzi mibdula ma għandhomx impatt dirett fuq il-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC jew fuq il-valutazzjoni ta’ dawk il-miri fir-rigward tal-konsistenza tagħhom mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

(10) Abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-premessa (8), il-Kummissjoni sabet li l-miri tal-prestazzjoni direttament applikabbli għall-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru li joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-Iżvizzera huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Għaldaqstant, ma ġiet stabbilita l-ebda sejba relatata f’din id-Deċiżjoni.

(11) Madankollu, fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2255 tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet, fir-rigward tal-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC, li l-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza proposti għaż-żona tal-imposti en route bejn il-Belġju u l-Lussemburgu għadhom iqajmu dubji dwar il-konsistenza tagħhom mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-eżami ddettaljat stabbilit fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 fir-rigward ta’ dawk il-miri tal-prestazzjoni.

(12) Għalhekk, jenħtieġ li l-Iżvizzera tiġi nnotifikata li l-Kummissjoni se tibda l-eżami ddettaljat stabbilit fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 fir-rigward tal-miri tal-prestazzjoni msemmija fil-premessa (11), li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC adottat b’mod konġunt mill-Istati Membri li huma parti mill-FABEC u mill-Iżvizzera,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-proċedura ta’ eżami ddettaljat stabbilita fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 hija b’dan mibdija fir-rigward tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2255.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Konfederazzjoni Żvizzera.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2022. Għall-Kummissjoni Adina-Ioana Vălean Membru tal-Kummissjoni

Versions

  1. 2022-11-15