Gelex

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/22 tal-10 ta’ Jannar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2019/1716 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

In forceVersion 2022-01-10
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/22@2022-01-10/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX
  3. (1) A.
  4. (3) B.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1716 tal-14 ta’ Ottubru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1) Fl-14 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2019/1716, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa.

(2) Fit-8 ta’ Novembru 2021, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li fiha enfasizza li l-elezzjonijiet li saru fin-Nikaragwa fis-7 ta’ Novembru 2021 saru mingħajr garanziji demokratiċi u r-riżultati tagħhom huma nieqsa mil-leġittimità. Huwa ddikjara li l-Gvern tan-Nikaragwa ċaħħad lill-poplu tan-Nikaragwa mid-dritt ċivili u politiku li jivvota f’elezzjoni kredibbli, inklużiva, ġusta u trasparenti, kif ukoll mil-libertà ta’ espressjoni, ta’ assoċjazzjoni u ta’ għaqda paċifika tiegħu. Ir-Rappreżentant Għoli indika li l-Unjoni tinsab lesta li tikkunsidra l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż miżuri restrittivi addizzjonali.

(3) Fid-dawl tas-sitwazzjoni gravi kontinwa fin-Nikaragwa, jenħtieġ li seba’ individwi u tliet entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi stabbilita fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1716.

(4) Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1716 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 L-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1716 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Jannar 2022. Għall-Kunsill Il-President J.-Y. Le Drian

ANNEX

ANNESS

L-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1716 huwa emendat kif ġej:

(1) l-intestatura tat-tabella hija sostitwita b'dan li ġej:

(1) A.

Persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 2;

(2) il-persuni fiżiċi li ġejjin jiżdiedu mat-tabella: Isem Informazzjoni ta' identifikazzjoni Raġunijiet Data tal-elenkar 15. Camila Antonia ORTEGA MURILLO Pożizzjoni: Bint Daniel Ortega u Rosario Murillo, Konsulent għall-Presidenza, Koordinatur tal-Kummissjoni għal Ekonomija Kreattiva, Direttur tal-istazzjon televiżiv Canal 13 Data tat-twelid: 4.11.1987 Post tat-twelid: Managua, in-Nikaragwa Sess: mara Nazzjonalità: Nikaragwana Numru tal-passaport: A00000114 (Nikaragwa) Numru tal-ID: 001-041187-0001B Camila Antonia Ortega Murillo, hija involuta mill-qrib f'azzjonijiet li jappoġġaw lill-koppja presidenzjali Daniel Ortega u Rosario Murillo, bħala konsulent għall-Presidenza, assistent personali tal-Viċi President u Koordinatur tal-Kummissjoni Nazzjonali għal Ekonomija Kreattiva. Hija wkoll id-Direttur tal-pjattaforma Nicaragua Diseña u tal-istazzjon televiżiv Canal 13. Hija responsabbli għall-użu ta’ Nicaragua Diseña biex tappoġġa l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari frodulenti, li saru fis-7 ta' Novembru 2021, billi ħolqot kontijiet foloz fuq pjattaformi differenti tal-media soċjali. Bħala d-Direttur ta' Canal 13, hija kkontribwiet għat-tixrid tad-diskors ta' mibegħda tar-reġim ta’ Ortega kontra l-oppożizzjoni ċivika, filwaqt li llimitat il-pluralità editorjali u ppersegwitat ġurnalisti u mezzi tal-media indipendenti fin-Nikaragwa, biex b'hekk eliminat il-libertà tal-espressjoni u l-kompetizzjoni elettorali reali. Hija kellha rwol ċentrali fit-trażżin tal-pluraliżmu politiku u d-diżartikolazzjoni definittiva tad-demokrazija tan-Nikaragwa. Hija għalhekk assoċjata ma' persuni responsabbli għall-imminar tad-demokrazija u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u hija qed tappoġġa tali repressjoni u ksur. 10.1.2022 16. Laureano Facundo ORTEGA MURILLO Iben Daniel Ortega u Rosario Murillo, Konsulent għall-Presidenza Data tat-twelid: 20.11.1982 Post tat-twelid: Managua, in-Nikaragwa Sess: raġel Nazzjonalità: Nikaragwana Numru tal-passaport: A00000684 (Nikaragwa) Numru tal-ID: 001-201182-0046M Laureano Facundo Ortega Murillo huwa involut mill-qrib f'azzjonijiet li jappoġġaw lill-koppja presidenzjali Daniel Ortega u Rosario Murillo, bħala konsulent għall-Presidenza. Huwa ġġustifika u appoġġa l-priġunerija arbitrarja u illegali ta' mexxejja tal-oppożizzjoni politika u prekandidati presidenzjali tan-Nikaragwa, mexxejja studenteski u rurali jew ġurnalisti indipendenti, li kollha kemm huma rrefera għalihom bħala terroristi. Billi kkontribwixxa għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni elettorali reali, huwa kellu rwol ċentrali fit-trażżin tal-pluraliżmu politiku u d-diżartikolazzjoni definittiva tad-demokrazija tan-Nikaragwa. Huwa aġixxa bħala konsulent ekonomiku għal missieru Daniel Ortega u r-reġim ta’ Ortega permezz tal-aġenzija governattiva ProNicaragua. Barra minn hekk, huwa responsabbli għall-operat ta' BanCorp – entità li l-għan ewlieni tagħha huwa li tassisti, tisponsorja u tappoġġa finanzjarjament l-attivitajiet repressivi ta' ommu, il-Viċi President Rosario Murillo. Huwa għalhekk assoċjat ma' persuni responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u huwa qed jappoġġa tali repressjoni u ksur. 10.1.2022 17. Brenda Isabel ROCHA CHACÓN President tal-Kunsill Elettorali Suprem Data tat-twelid: 10.2.1967 Post tat-twelid: Bonanza, in-Nikaragwa Sess: mara Nazzjonalità: Nikaragwana Brenda Isabel Rocha Chacón ilha minn Mejju 2021 President tal-Kunsill Elettorali Suprem (Supreme Electoral Council-SEC) – korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta' Novembru 2021, li, minħabba n-nuqqas ta' trasparenza tagħhom, ta' oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajjef l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għal elezzjonijiet ħielsa u żgura l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet f'kondizzjonijiet mhux demokratiċi. Għalhekk hija responsabbli għar-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u għall-imminar tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa. 10.1.2022 18. Cairo Melvin AMADOR ARRIETA Viċi-President tal-Kunsill Elettorali Suprem Data tat-twelid: 1952 Sess: raġel Nazzjonalità: Nikaragwana Cairo Melvin Amador Arrieta ilu minn Mejju 2021 il-Viċi-President tal-Kunsill Elettorali Suprem (SEC) – korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta' Novembru 2021, li minħabba n-nuqqas ta' trasparenza tagħhom, ta' oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajjef l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għall-elezzjonijiet u żgura l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet f'kondizzjonijiet mhux demokratiċi. Għalhekk huwa responsabbli għar-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u għall-imminar tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa. 10.1.2022 19. Lumberto Ignacio CAMPBELL HOOKER Membru tal-Kunsill Elettorali Suprem, aġent President tal-Kunsill Elettorali Suprem fl-2018 Data tat-twelid: 03.12.1949 Post tat-twelid: Raas, Nicaragwa Sess: raġel Nazzjonalità: Nikaragwana Numru tal-passaport: A00001109 (Nikaragwa) Numru tal-ID: 6010302490003J Lumberto Ignacio Campbell Hooker ilu mill-2014 membru tal-Kunsill Elettorali Suprem (SEC) – korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta' Novembru 2021, li minħabba n-nuqqas ta' trasparenza tagħhom, ta' oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajjef l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għal elezzjonijiet ħielsa u żgura l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet f'kondizzjonijiet mhux demokratiċi. Huwa tkellem mal-media matul l-elezzjonijiet tas-7 ta' Novembru 2021, u ġġustifika u faħħar l-organizzazzjoni tagħhom. Għalhekk huwa responsabbli għar-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u għall-imminar tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa. 10.1.2022 20. Nahima Janett DÍAZ FLORES Direttur tal-Istitut tan-Nikaragwa għat-Telekomunikazzjoni u s-Servizzi tal-Posta, bint id-Direttur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa Francisco Javier Díaz Madriz Data tat-twelid: 28.6.1989 Sess: mara Nazzjonalità: Nikaragwana Nahima Janett Díaz Flores hija d-Direttur tal-Istitut tan-Nikaragwa għat-Telekomunikazzjoni u s-Servizzi tal-Posta (Nicaraguan Institute of Telecommunications and Posts-TELCOR), l-entità regolatorja għat-telekomunikazzjoni u s-servizzi tal-posta. TELCOR intuża mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex isikket lill-media indipendenti, inkluż tliet organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet mill-2018.Matul il-kampanja tal-elezzjonijiet ġenerali tal-2021, TELCOR kien qed jimplimenta kampanji ta' diżinformazzjoni fuq skala kbira. Bħala l-istituzzjoni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-liġi dwar iċ-ċibersigurtà, TELCOR kien qed imexxi u jopera azzjonijiet ta' sorveljanza fir-rigward tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika. Fil-pożizzjoni tagħha, Nahima Díaz Flores aġixxiet bħala sostenitur tar-reġim ta’ Ortega, u kienet mexxiet u operat azzjonijiet ta' diżinformazzjoni u sorveljanza permezz ta' TELCOR fir-rigward tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika. Hija għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u għad-dgħajfien tad-demokrazija fin-Nikaragwa. 10.1.2022 21. Luis Ángel MONTENEGRO ESPINOZA Supretendent tas-Suprintendenza tal-Banek u Istituzzjonijiet Finanzjarji oħra tan-Nikaragwa Data tat-twelid: 1.1.1949 Post tat-twelid: Esteli, in-Nikaragwa Sess: raġel Indirizz: Planes De Puntaldia Casa #16, Managua, Nicaragua Nazzjonalità: Nikaragwana Numru tal-ID: 1610101490000S Luis Ángel Montenegro Espinoza huwa s-Supretendent tas-Suprintendenza tal-Banek u Istituzzjonijiet Finanzjarji oħra tan-Nikaragwa (Superintendency of Banks and other Financial Institutions - (SIBOIF). F’ dik il-pożizzjoni huwa responsabbli għall-persekuzzjoni tal-atturi finanzjarji li rreżistew il-politiki tar-reġim ta' Ortega, kif ukoll għall-infurzar tal-kontroll tar-reġim fuq is-settur finanzjarju. Hu nħatar għal dik il-pożizzjoni direttament minn Daniel Ortega, bħala premju għal-lealtà tiegħu. Fir-rwol preċedenti tiegħu bħala Kontrollur Ġenerali tar-Repubblika huwa żgura li l-attivitajiet finanzjarji korrotti ta' Ortega ma jiġux awditjati u kkontribwixxa bl-istess mod għall-kontroll tar-reġim min-naħa ta' Ortega. Huwa għalhekk responsabbli għall-imminar tal-istat tad-dritt fin-Nikaragwa kif ukoll għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika. 10.1.2022;

(3) jiżdiedu l-intestatura u t-tabella li ġejjin:

(3) B.

Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2 Isem Informazzjoni ta' identifikazzjoni Raġunijiet Data tal-elenkar 1. Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa La Policía Nacional Nicaragüense Kwartieri ġenerali: Managua, in-Nikaragwa Data tal-istabbiliment: 22.08.1979 Sit web: http://www.policia.gob.ni/ Il-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa hija responsabbli għat-trattament degradanti, inkluż tortura fiżika u psikoloġika, ta’dawk li opponew ir-reġim ta' Ortega. Hija responsabbli għall-priġunerija illegali ta' prekandidati presidenzjali, mexxejja tas-soċjetà ċivili, mexxejja studenteski u rurali jew ġurnalisti indipendenti mingħajr ebda garanzija legali u demokratika. Il-Pulizija Nazzjonali kienet strumentali biex Daniel Ortega jevita li jiffaċċa kwalunkwe oppożizzjoni demokratika reali matul l-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta' Novembru 2021. Qabel dawk l-elezzjonijiet, il-Pulizija Nazzjonali wettqet sorveljanza u persekuzzjoni kontinwi tal-mexxejja tal-oppożizzjoni, dħul illegali fid-djar residenzjali, u arresti arbitrarji ta' membri tal-oppożizzjoni, u heddet b'mod sistematiku impjegati pubbliċi. Fl-2018, il-Pulizija Nazzjonali kienet involuta fil-qtil ta' dimostranti paċifiċi madwar in-Nikaragwa. Il-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa hija għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fin-Nikaragwa. 10.1.2022 2. Kunsill Elettorali Suprem Consejo Supremo Electoral Indirizz: Pista Juan Pablo II, Managua 14005, Nicaragua Sit web: https://www.cse.gob.ni/ Email: info@cse.gob.ni Il-Kunsill Elettorali Suprem (SEC) huwa l-korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta' Novembru 2021, li minħabba n-nuqqas ta' trasparenza tagħhom, ta' oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajjef l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għal elezzjonijiet ħielsa u żgura l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet f'kondizzjonijiet mhux demokratiċi. Is-SEC huwa għaldaqstant responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, kif ukoll għall-imminar serju tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa. 10.1.2022 3. L-Istitut tan-Nikaragwa għat-Telekomunikazzjoni u s-Servizzi tal-Posta Indirizz: Avenida Bolívar, Esquina diagonal al edifico de la Cancillería, Aptdo 2664, Managua, 10000, Nicaragua Data ta' reġistrazzjoni: 12.6.1982 Sit web: https://www.telcor.gob.ni L-Istitut tan-Nikaragwa għat-Telekomunikazzjoni u s-Servizzi tal-Posta (TELCOR) huwa l-entità regolatorja għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u postali. Dan intuża mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex isikket lill-media indipendenti, inkluż tliet organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet mill-2018 'l hawn, matul ir-repressjoni tal-2018 u wara l-elezzjonijiet ġenerali tal-2021. Matul il-kampanja tal-elezzjonijiet ġenerali, TELCOR kien qed jimplimenta kampanja ta' diżinformazzjoni fuq skala kbira. Bħala l-istituzzjoni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-liġi dwar iċ-ċibersigurtà, TELCOR kien qed imexxi u jopera azzjonijiet ta' sorveljanza fir-rigward tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika. TELCOR huwa għaldaqstant responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika. 10.1.2022.

Versions

  1. 2022-01-10