Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2377 tal-5 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/2377@2022-12-05/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK.
(2) Fit-12 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 b'reazzjoni għat-tfixkil tal-proċess elettorali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbut miegħu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK). Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 emendat id-Deċiżjoni 2010/788/PESK u introduċiet miżuri restrittivi addizzjonali fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK.
(3) Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fir-RDK, il-Kunsill iqis li l-kriterji ta' deżinjazzjoni fid-Deċiżjoni 2010/788/PESK jenħtieġ li jiġu emendati biex jippermettu l-applikazzjoni ta' miżuri restrittivi mmirati kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jsostnu, jappoġġaw jew jibbenefikaw mill-kunflitt armat, l-instabbiltà jew l-insigurtà fir-RDK.
(4) Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/788/PESK tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Id-Deċiżjoni 2010/788/PESK hija emendata kif ġej:
Artikolu 1
(1) fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej: ;
(1)
2. Il-miżuri restrittivi kif previst fl-Artikoli 4(1) u 5(1) u (2) għandhom jiġu imposti kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi:
2.
(a) li jkunu qed jimpedixxu soluzzjoni kunsenswali u paċifika lejn elezzjonijiet fir-RDK, inkluż b'atti ta' vjolenza, repressjoni jew inċitament għall-vjolenza, jew billi jdgħajfu l-istat tad-dritt;
(b) involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK;
(c) responsabbli għas-sostenn tal-kunflitt armat, l-instabbiltà jew l-insigurtà fir-RDK;
(d) li jkunu qed jagħtu appoġġ lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (c);
(e) li jkunu qed jinkoraġixxu l-vjolenza b'konnessjoni mal-azzjonijiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (d);
(f) li jkunu qed jisfruttaw il-kunflitt armat, l-instabbiltà jew l-insigurtà fir-RDK, inkluż permezz tal-isfruttament jew il-kummerċ illeċitu ta' riżorsi naturali u organiżmi selvaġġi;
(g) assoċjati ma' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punti (a), (b), (c), (d), (e) jew (f); kif elenkat fl-Anness II.
(2) fl-Anness II, it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej: Lista ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 3(2).
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2022. Għall-Kunsill Il-President M. Kupka