Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2391 tal-25 ta’ Novembru 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ, fir-rigward tal-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ

In forceVersion 2022-11-25
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/2391@2022-11-25/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (il-Ftehim) ġie konkluż f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848.

(2) Skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (il-Kunsill tal-Membri) għandu jieħu deċiżjonijiet u jadotta rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

(3) Matul il-116-il seduta tiegħu li se ssir bejn it-28 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill tal-Membri għandu jadotta deċiżjoni li temenda l-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u deċiżjoni biex jiġi aġġornat metodu ta’ analiżi għax-xema’ u l-esteri etiliċi tal-aċidi xaħmin.

(4) Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali mal-membri l-oħra tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) u jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari dwar l-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(5) Id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri jikkonċernaw it-tneħħija tal-Anness 1 tal-istandard kummerċjali u s-simplifikazzjoni tal-ġerarkiji tad-deċiżjonijiet dwar id-delta-7-stigmastenol, kif ukoll l-inklużjoni tar-reviżjoni 3 tal-metodu dwar id-determinazzjoni tax-xema’ u l-esteri etiliċi tal-aċidi xaħmin. Dawk id-deċiżjonijiet ġew diskussi b’mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u dawk tekniċi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri dwar iż-żejt taż-żebbuġa. Dawk id-deċiżjonijiet se jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards taż-żejt taż-żebbuġa u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ tal-prodotti tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Jenħtieġ għalhekk li dawk d-deċiżjonijiet jiġu appoġġati.

(6) F’każ li l-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet fi ħdan il-Kunsill tal-Membri matul il-116-il seduta tiġi posposta, minħabba li ċerti Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, il-pożizzjoni ta’ appoġġ għall-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet jenħtieġ li tittieħed f’isem l-Unjoni fil-qafas ta’ proċedura possibbli għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, skont l-Artikolu 10(6) tal-Ftehim, diment li tali proċedura tinbeda qabel l-ewwel seduta regolari tal-Kunsill tal-Membri f’Ġunju 2023.

(7) Ir-reviżjoni tal-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ COI/T.15/NC No. 3/Rev. 19 tista’ teħtieġ adattamenti tekniċi għal metodi jew dokumenti oħra tal-IOC. Dawn l-adattamenti tekniċi jenħtieġ li jiġu appoġġjati.

(8) Sabiex jitħares l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni madankollu titħalla titlob l-posponiment tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jemendaw l-istandards jew il-metodi tal-kummerċ għal seduta aktar tard tal-Kunsill tal-Membri, jekk il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni x’aktarx tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew matul il-116-il seduta,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kunsill tal-Membri waqt il-116-il seduta li se ssir bejn it-28 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 2022, jew fil-qafas ta’ proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju tal-korrispondenza li trid tinbeda qabel is-seduta regolari li jmiss f’Ġunju tal-2023 fir-rigward tar-reviżjoni tal-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ COI/T.15/NC Nru. 3/Rev. 19, għandha tkun li tappoġġja d-deċiżjoni sabiex jitneħħa l-Anness 1 tal-istandard kummerċjali u tiġi simplifikata l-ġerarkija tad-deċiżjonijiet dwar id-delta-7-stigmastenol, u fir-rigward tar-reviżjoni tal-metodu COI/T.20/Do. Nru 28/REV 3 (Determinazzjoni tal-kontenut tax-xema’ u l-esteri etiliċi tal-aċidi xaħmin permezz tal-kromatografija b’fażi gassuża kapillari), għandha tkun li tappoġġja d-deċiżjoni biex jiġi inkluż metodu alternattiv ta’ analiżi u jsiru xi bidliet żgħar fil-metodu eżistenti.

Artikolu 2 Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġja adattamenti tekniċi għal metodi jew dokumenti oħra tal-IOC jekk jirriżultaw mir-reviżjoni tal-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ COI/T.15/NC Nru. 3/Rev. 19.

Artikolu 3 Fil-każ li l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x’aktarx tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew matul il-116-il seduta tal-Kunsill tal-Membri, l-Kummissjoni għandha titlob li l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jemendaw l-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u tal-metodu ta’ analiżi għax-xema’ u l-esteri etiliċi tal-aċidi xaħmin tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi ta’ dik l-informazzjoni l-ġdida.

Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2022. Għall-Kunsill Il-President J. Síkela

Versions

  1. 2022-11-25