Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/281 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-fini ta’ adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda għal finijiet speċjali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/281@2021-12-13/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,
Billi:
(1) Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) imqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.
(2) Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.
(3) Il-merkurju hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.
(4) Permezz tad-Deċiżjoni 2010/571/UE, il-Kummissjoni tat, fost affarijiet oħra, eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda għal finijiet speċjali (l-eżenzjoni), li issa hija elenkata bħala l-eżenzjoni 1(f) fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. L-eżenzjoni kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2016, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ dik id-Direttiva.
(5) Il-merkurju jintuża fil-lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda (CFL) għal finijiet speċjali sabiex jiġi prodott dawl ultravjola, li mbagħad jiġi kkonvertit f’dawl viżibbli mill-kisi fluworexxenti fuq il-bozza tal-lampa.
(6) Fid-19 ta’ Diċembru 2014 u fil-15 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni rċeviet żewġ applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-eżenzjoni (l-applikazzjonijiet għat-tiġdid), jiġifieri fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, u waħda minnhom ġiet aġġornata b’applikazzjoni mġedda fl-20 ta’ Jannar 2020. F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, eżenzjoni tibqa’ valida sa meta tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għat-tiġdid.
(7) L-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid, li qieset id-disponibbiltà tas-sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni, ikkonkludiet li attwalment l-eliminazzjoni tal-merkurju fl-applikazzjonijiet ikkonċernati jew is-sostituzzjoni tiegħu b’sustanza b’prestazzjoni komparabbli attwalment mhijiex prattikabbli teknikament. L-evalwazzjoni kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kummenti li waslu matul dawk il-konsultazzjonijiet saru disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta.
(8) L-eżenzjonijiet mir-restrizzjoni għal ċerti materjali jew komponenti speċifiċi jenħtieġ li jkunu limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tagħhom, sabiex tinkiseb eliminazzjoni gradwali tas-sustanzi perikolużi fl-EEE, u l-valutazzjoni kkonkludiet ukoll li, minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni jenħtieġ li jiddejjaq għal iktar applikazzjonijiet speċifikati u, min-naħa l-oħra, it-tul ta’ żmien tal-eżenzjoni wiesgħa attwali jista’ jitqassar.
(9) L-eżenzjoni hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa mogħtija minnu.
(10) Għalhekk jixraq li jingħata t-tiġdid tal-eżenzjoni għal perjodu massimu ta’ ħames snin, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE, għal lampi CFL għal finijiet speċjali ddisinjati biex jemettu dawl fl-ispettru ultravjola, peress li ma hemm l-ebda alternattiva affidabbli disponibbli attwalment. Għat-tipi kollha l-oħra ta’ lampi CFL li jaqgħu fil-kategorija ta’ lampi CFL għal finijiet speċjali, l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġġedded għal tliet snin, biex l-industrija tkun tista’ tħejji l-informazzjoni dettaljata li tiġġustifika l-kontinwazzjoni ta’ din l-eżenzjoni għal kategoriji speċifikati ta’ lampi speċjali, skont l-għan tad-Direttiva li l-eżenzjonijiet jenħtieġ li jkunu limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tagħhom. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi kontinwi biex tinstab sostituzzjoni affidabbli, x’aktarx li t-tul ta’ żmien tal-eżenzjoni mhux se jkollu impatti avversi fuq l-innovazzjoni.
(11) Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1 L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2022 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Ottubru 2022. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2021. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen
ANNEX
ANNESS
Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, l-entrata 1(f) hija sostitwita b’dan li ġej: Eżenzjoni Kamp ta’ applikazzjoni u dati tal-applikabbiltà 1 Il-merkurju fil-lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda li ma jaqbżux (għal kull burner): 1(f) – I Għal lampi ddisinjati biex jemettu prinċipalment dawl fl-ispettru ultravjola: 5 mg Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2027 1(f) – II Għal finijiet speċjali: 5 mg Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2025