Gelex

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/709 tas-6 ta’ Mejju 2022 li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa fuq l-ikel u li jirreferi għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2022-05-06from 2022-05-30
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2022/709@2022-05-06/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,

Billi:

(1) Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel huma pprojbiti sakemm ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dak ir-Regolament u sakemm ma jkunux inklużi f’lista ta’ indikazzjonijiet permessi.

(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprevedi wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jiġu ppreżentati mill-operaturi tan-negozju tal-ikel lill-awtorità kompetenti nazzjonali ta’ Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali mbagħad tibgħat l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-Awtorità).

(3) Meta tirċievi applikazzjoni, l-Awtorità tinforma mingħajr dewmien lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan, u tagħti l-opinjoni tagħha rigward l-indikazzjoni dwar is-saħħa kkonċernata.

(4) Il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa filwaqt li tikkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità.

(5) Wara applikazzjoni mingħand H.J. Heinz Supply Chain Europe BV, ippreżentata skont il-punt (b) tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni dwar indikazzjoni dwar is-saħħa marbuta ma’ Nutrimune u d-difiża immunitarja kontra patoġeni fil-passaġġi gastrointestinali u respiratorji ta’ fuq (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2018-00727). L-indikazzjoni proposta mill-applikant tgħid dan li ġej: Nutrimune jappoġġa s-sistema immunitarja bid-difiża kontra patoġeni fil-passaġġi gastrointestinali u respiratorji ta’ fuq tat-tfal żgħar.

(6) Fil-15 ta’ April 2019, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità li kkonkludiet li, abbażi tad-data ppreżentata, l-evidenza xjentifika mhix biżżejjed biex tiġi stabbilita relazzjoni ta’ kawża u effett bejn il-konsum ta’ Nutrimune, ħalib tal-baqra xkumat, pasturizzat u ffermentat bil-Lactobacillus paracasei CBA L74, u d-difiża immunitarja kontra patoġeni fil-passaġġ gastrointestinali u respiratorji ta’ fuq tat-tfal żgħar. Għaldaqstant, billi l-indikazzjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, jenħtieġ li din ma tiġix awtorizzata.

(7) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 L-indikazzjoni dwar is-saħħa elenkata fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet permessi kif previst fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2022. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen

ANNEX

ANNESS Indikazzjoni dwar is-saħħa rifjutata

Applikazzjoni – Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 Nutrijent, sustanza, ikel jew kategorija tal-ikel Indikazzjoni Referenza tal-opinjoni tal-EFSA Indikazzjoni dwar is-saħħa tal-Artikolu 14(1)(b) li tirreferi għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal Nutrimune (ħalib tal-baqra xkumat, pasturizzat u ffermentat bil-Lactobacillus paracasei CBA L74) Nutrimune jappoġġa s-sistema immunitarja bid-difiża kontra patoġeni fil-passaġġi gastrointestinali u respiratorji ta’ fuq tat-tfal żgħar Q-2018-00727

Versions

  1. 2022-05-06