Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1034 tat-22 ta’ Mejju 2023 dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta għal emenda tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi fil-kuntest tal-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet

In forceVersion 2023-05-22
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2023/1034@2023-05-22/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (il-Konvenzjoni) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1983.

(2) Skont l-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (il-Konferenza tal-Partijiet) tista’ tadotta emendi tal-Appendiċijiet I u II tal-Konvenzjoni.

(3) Il-Konferenza tal-Partijiet, waqt l-erbatax-il laqgħa tagħha, mit-23 sat-28 ta’ Ottubru 2023, tista’ tadotta tali emendi. Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni informa lill-Partijiet għall-Konvenzjoni li kwalunkwe proposta għal emenda għandha tiġi kkomunikata, b’konformità mal-Artikolu XI(3) tal-Konvenzjoni, sas-26 ta’ Mejju 2023. L-Unjoni tista’, bħala Parti għall-Konvenzjoni, tressaq tali proposti.

(4) L-inklużjoni tad-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali, il-Phocoena phocoena (il-populazzjoni tal-Baltiku Ċentrali biss), fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni se tkun xjentifikament soda minħabba l-istatus ta’ konservazzjoni tagħha fil-Periklu Kritiku, u f’konformità ma’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mal-impenn tal-Unjoni għall-kooperazzjoni internazzjonali biex tiġi protetta l-bijodiversità.

(5) Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tressaq tali proposta biex temenda l-Appendiċi I tal-Konvenzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkomunika l-proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Fil-kuntest tal-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi, l-Unjoni għandha tressaq proposta għal emenda tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni biex tinkludi d-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali, il-Phocoena phocoena (il-populazzjoni tal-Baltiku Ċentrali biss).

2. Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, għandha tikkomunika il-proposta msemmija fil-paragrafu 1, lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2023. Għall-Kunsill Il-President E. Busch

Versions

  1. 2023-05-22