Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1546 tas-26 ta’ Lulju 2023 li jdaħħal isem fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti Pancetta de l’Île de Beauté / Panzetta de l’Île de Beauté (IĠP), Saucisson sec de l’Île de Beauté / Salciccia de l’Île de Beauté (IĠP), Bulagna de l’Île de Beauté (IĠP) u Figatelli de l’Île de Beauté / Figatellu de l’ Île de Beauté (IĠP)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2023/1546@2023-07-26/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, u b’mod partikolari l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,
Billi:
(1) Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni minn Franza għar-reġistrazzjoni tal-ismijiet: Pancetta de l’Île de Beauté / Panzetta de l’Île de Beauté (PGI-FR-02427),Saucisson sec de l’Île de Beauté / Salciccia de l’Île de Beauté (PGI-FR-02431), Bulagna de l’Île de Beauté (PGI-FR-02429) u “Figatelli de l’Île de Beauté / Figatellu de l’Île de Beauté (PGI-FR-02432) bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (IĠPs) ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(2) Waslu tliet avviżi ta’ oppożizzjoni dwar l-applikazzjonijiet imsemmija hawn fuq mill-Italja, Spanja u organizzazzjoni internazzjonali bbażata fl-Iżvizzera.
(3) Wara li eżaminat id-dikjarazzjonijiet motivati ta’ oppożizzjoni u sabet li huma ammissibbli, f’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni stiednet lill-opponenti biex jidħlu f’konsultazzjonijiet xierqa bil-ħsieb li jintlaħaq qbil.
(4) Il-konsultazzjonijiet bejn Franza u l-opponenti ntemmu mingħajr ma ntlaħaq ftehim. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li tqis ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet.
(5) L-ewwel nett, l-opponenti invokaw nuqqas ta’ konformità tal-applikazzjonijiet tal-IĠP: Pancetta de l’Île de Beauté / Panzetta de l’Île de Beauté, Saucisson sec de l’Île de Beauté / Salciccia de l’Île de Beauté, Bulagna de l’Île de Beauté u Figatelli de l’Île de Beauté / Figatellu de l’Île de Beauté bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. F’dan ir-rigward, l-opponenti argumentaw li r-rekwiżiti stabbiliti fid-definizzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta skont l-Artikolu msemmi hawn fuq mhumiex issodisfati, minħabba li, fl-opinjoni tagħhom, il-prodotti koperti mill-applikazzjonijiet preżenti għall-IĠP ma għandhom l-ebda karatteristika speċifika li tista’ tkun marbuta maż-żona ġeografika kkonċernata. Inġibdet l-attenzjoni wkoll għall-metodi allegatament industrijali ta’ produzzjoni, bħall-affumikar, użati għall-prodotti taz-zalzett inkwistjoni, li skont l-opponenti, ikomplu juru n-nuqqas ta’ rabta maż-żona ġeografika.
(6) Barra minn hekk, l-opponenti sostnew li, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, fiż-żmien meta tressqu l-applikazzjonijiet għall-IĠP, l-isem Île de Beauté ma ntużax fil-kummerċ.
(7) L-opponenti rreferew ukoll għal ksur potenzjali tar-regoli dwar l-omonimija li jinsabu fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 fid-dawl tad-DOP eżistenti minn Korsika: Lonzo de Corse / Lonzo de Corse – Lonzu, Jambon sec de Corse / Jambon sec de Corse – Prisuttu u Coppa de Corse / Coppa de Corse – Coppa di Corsica. Għal dan l-għan, l-opponenti staqsew jekk, fid-dawl tal-objettiv speċifiku segwit mill-Artikolu msemmi iktar ’il fuq, l-omonimija tistax teżisti biss fil-każ ta’ termini identiċi jew anki fil-każ ta’ espressjonijiet li huma sinonimi.
(8) Barra minn hekk, l-opponenti argumentaw li r-reġistrazzjoni proposta tal-IĠP tipperikola l-eżistenza tad-DOP imsemmija hawn fuq, kif previst fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. F’dan il-kuntest, huma ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-ismijiet taħt l-erba’ applikazzjonijiet għall-IĠP jirreferu għal prodotti prodotti f’żona ġeografika kważi identika għal dik ta’ prodotti oħra taz-zalzett, li l-ismijiet tagħhom diġà huma rikonoxxuti bħala DOP ta’ hawn fuq. Għalkemm l-ismijiet taħt l-erba’ applikazzjonijiet għall-IĠP inkwistjoni jidhru li huma differenti mill-ismijiet tad-DOP indikati hawn fuq minn perspettiva lessikali, il-Île de Beauté huwa mifhum b’mod komuni mill-konsumaturi bħala sinonimu għal Corse (Korsika), li tifforma parti minn dawk l-ismijiet tad-DOP. B’riżultat ta’ dan, l-opponenti jemmnu li l-konsumaturi jista’ jkollhom l-impressjoni żbaljata li hemm rabta bejn il-Pancetta de l’Île de Beauté / Panzetta de l’Île de Beauté, is-Saucisson sec de l’Île de Beauté / Salciccia de l’Île de Beauté, il-Bulagna de l’Île de Beauté u l-Figatelli de l’Île de Beauté / Figatellu de l’Île de Beauté u d-DOP irreġistrati: Lonzo de Corse / Lonzo de Corse – Lonzu, Jambon sec de Corse / Jambon sec de Corse – Prisuttu u Coppa de Corse / Coppa de Corse – Coppa di Corsica. Fil-fehma tal-opponenti, jista’ jkun aktar probabbli li l-konfużjoni tqis il-fatt li l-prodotti indikati bħala IĠP u DPO ta’ hawn fuq kollha jappartjenu għall-istess kategorija ta’ prodotti (zalzett).
(9) Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti esposti mill-opponenti fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u qieset ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet xierqa li saru bejn l-applikant u l-opponenti.
(10) Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ konformità tal-applikazzjonijiet għall-IĠP mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) No1151/2012 fil-kuntest li ma jkollhomx il-karatteristiċi speċifiċi li jistgħu jkunu marbuta maż-żona ġeografika kkonċernata, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat dan li ġej:
L-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għall-Pancetta de l’Île de Beauté / Panzetta de l’Île de Beauté, Saucisson sec de l’Île de Beauté / Salciccia de l’Île de Beauté, Bulagna de l’Île de Beauté u Figatelli de l’Île de Beauté / Figatellu de l’Île de Beauté, juru kif il-kwalità tal-prodotti identifikati mill-IĠP ta’ hawn fuq u juru li l-karatteristiċi tagħhom jirriżultaw mill-kombinazzjoni kemm tal-għarfien tal-produtturi lokali kif ukoll mill-oriġini ġeografika. Rwol partikolari fil-produzzjoni huwa enfasizzat għal diversi proċessi, bħall-metodu tat-tmelliħ fin-niexef għall-ikurrar tal-majjal, il-metodu partikolari tal-ikkapuljar tal-laħam, l-affumikar bl-injam iebes bl-użu ta’ siġar lokali b’weraq wiesa’, l-użu tal-bżar iswed u l-ventilazzjoni naturali għall-preservazzjoni niexfa tal-laħam. Dawn it-tekniki ġew ikkultivati bħala għarfien lokali f’Korsika u huma marbuta b’mod qawwi mal-fatturi naturali ta’ Korsika, bħall-klima u l-kopertura tal-foresti tal-gżira. L-użu ta’ tekniki bħal dawn, flimkien ma’ ċerti ingredjenti, jikkontribwixxu għall-karatteristiċi finali tal-prodotti, inklużi l-affumikar, il-bżar, in-noti marbuta mal-preservazzjoni niexfa jew mal-maturazzjoni, konsistenza/sodezza/finezza partikolari, eċċ.
Dwar in-natura industrijali preżunta tal-metodu ta’ produzzjoni, u b’mod partikolari l-affumikar, l-applikant indika li dan il-metodu jintuża b’mod ġenerali f’Korsika, filwaqt li l-użu tal-injam iebes lokali fil-proċess tal-affumikar jagħmel ir-rabta maż-żona aktar b’saħħitha. Dan l-affumikar bl-injam iebes minn siġar lokali (qastan, ballut, fagu, eċċ.) jagħti lill-prodotti waħda mill-karatteristiċi finali tiegħu. Fi kwalunkwe każ, l-affumikar mhuwiex l-uniku element li jiddetermina r-rabta maż-żona. Għall-kuntrarju, il-produtturi jindikaw varjetà ta’ proċessi u l-użu ta’ diversi ingredjenti, li jistgħu jinstabu fit-tradizzjonijiet ta’ Korsika jew fl-għarfien lokali, li flimkien jikkontribwixxu għall-karatteristiċi finali tal-prodotti kkonċernati.
Għalhekk, il-prodotti indikati bħala l-IĠP inkwistjoni għandhom kwalitajiet attribwibbli għall-oriġini ġeografika tagħhom. Għaldaqstant, ir-rabta kawżali bejn il-prodotti kkonċernati u ż-żona ġeografika ma tistax tiġi kkontestata.
(11) Fir-rigward tal-pretensjoni li ma hemm l-ebda evidenza ta’ użu preċedenti jew kummerċjali tal-isem Île de Beauté għall-prodotti taz-zalzett inkwistjoni, jenħtieġ li jiġi mtenni li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 la jeħtieġ, u lanqas jippreżumi xi tul speċifiku tal-użu preċedenti tal-ismijiet li jiġu protetti. L-applikant ġibed l-attenzjoni għall-użu stabbilit sew tal-ismijiet tal-IĠP f’dawn l-aħħar snin u ġibed l-attenzjoni għal diversi attivitajiet ta’ komunikazzjoni jew kummerċjalizzazzjoni mwettqa biex jippromwovu l-użu tal-ismijiet mill-2015. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-kundizzjoni għall-użu tal-isem fil-kummerċ, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li titqies bħala ssodisfata.
(12) Għat-talbiet li jikkonċernaw ksur allegat jew potenzjali tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 fil-każ tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet tal-IĠP inkwistjoni, dawn it-talbiet jenħtieġ li jiġu miċħuda peress li fil-każ preżenti ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq, li tistabbilixxi r-regoli esklussivament għal omonimi parzjali jew sħaħ. L-omonimi huma komunement mifhuma bħala kliem li għandhom l-istess ortografija jew pronunzja, iżda tifsiriet u oriġini differenti. Il-Île de Beauté u l-Corse / Corsica huma b’mod ċar kemm miktuba kif ukoll ippronunzjati b’mod differenti u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala omonimi. Il-partijiet tal-ismijiet li jirreferu għat-tipi ta’ zalzett kemm fl-ismijiet tal-IĠP kif ukoll f’dawk tad-DOP huma wkoll kompletament differenti. Bħala tali, l-ismijiet tal-IĠP proposti għar-reġistrazzjoni la huma kompletament, u lanqas parzjalment omonimi mal-ismijiet tad-DOP irreġistrati Lonzo de Corse / Lonzo de Corse – Lonzu, Jambon sec de Corse / Jambon sec de Corse – Prisuttu u Coppa de Corse / Coppa de Corse – Coppa di Corsica.
(13) Fir-rigward tal-argumenti tal-opponenti li r-reġistrazzjoni proposta tal-IĠP tipperikola l-eżistenza tad-DOP imsemmija hawn fuq, kif previst fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni tqis li r-riskju ta’ effett negattiv bħal dan huwa improbabbli. L-ismijiet tal-IĠP koperti mill-applikazzjonijiet preżenti huma differenti biżżejjed mill-ismijiet tad-DOP irreġistrati, kif ukoll mill-prodotti assoċjati magħhom. Għalhekk il-koeżistenza tagħhom fis-suq la tkun qarrieqa għall-konsumaturi, u lanqas ma jkollha impatt negattiv fuq id-DOP protetti. Fil-fatt, l-Île de Beauté huwa perifrażi tradizzjonali, li, speċjalment għall-konsumaturi Franċiżi, tfisser Korsika u t-terminu Île de Beauté jintuża biex jirreferi għal Korsika, b’mod partikolari fuq is-siti web tat-turiżmu. Għalhekk, dawn iż-żewġ termini jistgħu jitqiesu bħala sinonimi f’moħħ il-konsumatur. Madankollu, mill-perspettiva lessikali, kif spjegat iktar ’il fuq, huwa improbabbli li jkun hemm konfużjoni f’moħħ il-konsumatur. Kemm l-IĠP kif ukoll l-ismijiet tad-DOP li qed jiġu kkunsidrati huma ismijiet komposti li jindikaw il-post tal-oriġini u t-tip ta’ prodott. It-termini konkreti għal-pancetta/panzetta, saucisson sec/salciccia, bulagna, jew figatelli/figatellu huma assoċjati ma’ tipi speċifiċi ta’ zalzett, li huma differenti minn prodotti denominati bħal lonzo / lonzu, jambon sec / prisuttu jew coppa. Konsumatur medju, anki jekk mhux espert fit-tipi ta’ zalzett, jenħtieġ li jkun jista’ jikkonkludi li termini differenti jirreferu għal prodotti differenti, li għandhom karatteristiċi differenti. L-aspetti viżivi u l-forma, li fihom il-prodotti jiġu offruti fis-suq (il-preżentazzjoni tal-prodott lill-konsumatur finali - id-dehra, id-daqs, il-forom, eċċ.) għandhom ukoll rwol vitali fid-distinzjoni bejn il-prodotti. Fid-dawl tad-differenzi bejn l-IĠP u l-prodotti DOP u bejn l-ismijiet tagħhom, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-reġistrazzjoni tal-erba’ ismijiet tal-IĠP li qed jiġu kkunsidrati ma taffettwax b’mod negattiv il-prodotti assoċjati mal-ismijiet tad-DOP Lonzo de Corse / Lonzo de Corse – Lonzu, Jambon sec de Corse / Jambon sec de Corse – Prisuttu u Coppa de Corse / Coppa de Corse – Coppa di Corsica. Kemm dawn il-prodotti IĠP kif ukoll dawk DPO jistgħu jikkoeżistu, peress li l-konsumaturi jkunu jistgħu jiddistingwuhom fis-suq u jagħmlu għażliet konxji ta’ xiri. B’konsegwenza ta’ dan, dan iwassal għall-konklużjoni li r-reġistrazzjoni tal-ismijiet tal-IĠP proposti ma tikkawżax l-effett indikat fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.
(14) Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jenħtieġ li l-ismijiet Pancetta de l’Île de Beauté / Panzetta de l’Île de Beauté, Saucisson sec de l’Île de Beauté / Salciccia de l’Île de Beauté, Bulagna de l’Île de Beauté u Figatelli de l’Île de Beauté / Figatellu de l’Île de Beauté jiddaħħlu fir-Reġistru tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti.
(15) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 L-ismijiet Pancetta de l’Île de Beauté / Panzetta de l’Île de Beauté (IĠP), Saucisson sec de l’Île de Beauté / Salciccia de l’Île de Beauté (IĠP) Bulagna de l’Île de Beauté (IĠP) u Figatelli de l’Île de Beauté / Figatellu de l’Île de Beauté (IĠP) huma rreġistrati. L-ismijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu jidentifikaw prodott mill-Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2023. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen