Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1662 tas-16 ta’ Awwissu 2023 dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata Il-ħarsien u l-iżvilupp tal-kultura, l-edukazzjoni, il-lingwa, u t-tradizzjonijiet Ukreni fl-Istati tal-UE (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2023/1662@2023-08-16/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,
Billi:
(1) Fis-17 ta’ Lulju 2023, ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata Il-ħarsien u l-iżvilupp tal-kultura, l-edukazzjoni, il-lingwa u t-tradizzjonijiet Ukreni fl-Istati tal-UE.
(2) Din it-talba ssegwi t-talba għal reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata L-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej dwar l-għoti ta’ status speċjali lil-lingwa Ukrena fl-Unjoni Ewropea li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fis-26 ta’ April 2023.
(3) Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Mejju 2023 (C(2023) 3440 final), skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/788, il-Kummissjoni infurmat lill-grupp ta’ organizzaturi li fir-rigward tat-talba għar-reġistrazzjoni ppreżentata fis-26 ta’ April 2023, ġew issodisfati r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni stabbiliti fil-punti (a), (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta’ dak ir-Regolament u li l-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tiegħu ma kienx applikabbli. Madankollu, il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-inizjattiva ma ssodisfatx ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/788. L-inizjattiva rreferiet għall-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali u Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa bħala l-bażi ġuridika rilevanti, aktar milli d-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Fl-eżami tal-objettivi tal-inizjattiva, il-Kummissjoni rreferiet għall-Artikolu 342 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u spjegat li dan ma kienx jipprovdi bażi ġuridika għall-Kummissjoni biex tipproponi regolament tal-Kunsill li jirregola l-użu tal-lingwa Ukrena fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 342 tat-TFUE ma jipprevedi l-ebda rwol għall-Kummissjoni. Bl-istess mod, fir-rigward tad-dritt li tintuża l-lingwa Ukrena għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet lokali u l-korpi governattivi, il-Kummissjoni ma għandhiex s-setgħa li tipproponi leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward. Fir-rigward tal-objettiv li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar id-diversità lingwistika u l-multilingwiżmu fl-Unjoni u tal-promozzjoni ta’ politiki li jappoġġaw il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-lingwi u l-kulturi minoritarji madwar l-Ewropa, il-Kummissjoni tista’ tipproponi leġiżlazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 167 tat-TFUE, iżda, fid-dawl tal-Artikolu 167(5) tat-TFUE, kwalunkwe azzjoni mill-Kummissjoni jkollha tkun limitata għal miżuri ta’ inċentiv. Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-organizzaturi skont l-Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/788 li jistgħu jew jemendaw l-inizjattiva biex iqisu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni, jew iżommu, jew jirtiraw, l-inizjattiva inizjali f’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/788.
(4) Fis-17 ta’ Lulju 2023, il-grupp ta’ organizzaturi reġa’ ppreżenta l-inizjattiva.
(5) L-objettivi tal-inizjattiva emendata ġew espressi mill-organizzaturi kif ġej: biex l-UE tieħu azzjonijiet addizzjonali b’appoġġ għar-refuġjati Ukreni. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi leġiżlazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 167 tat-TFUE, li tiffoka fuq id-diversità nazzjonali u reġjonali u l-wirt kulturali. L-inizjattiva għandha l-għan li timla l-lakuni kulturali u tagħti s-setgħa lill-wirt kulturali u lingwistiku Ukren fil-komunità tal-UE, li trawwem sens ta’ appartenenza u li tippromwovi l-integrazzjoni għar-refuġjati Ukreni. Nistgħu naħdmu lejn Ewropa aktar inklużiva u armonjuża billi nirrikonoxxu u nħaddnu d-diversità lingwistika u l-identitajiet kulturali, billi nistabbilixxu struttura pan-Ewropea ta’ ċentri ta’ integrazzjoni.
(6) L-inizjattiva tinkludi anness emendat li jipprovdi dettalji ulterjuri dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva. Dan jirreferi għall-ħarsien tal-kultura, il-lingwa, it-tradizzjonijiet u l-wirt tar-refuġjati Ukreni u l-formulazzjoni ta’ strateġija leġiżlattiva għall-protezzjoni tal-lingwa Ukrena bħala lingwa futura tal-UE. F’dan il-kuntest, l-anness isemmi l-istatus tal-Ukrajna bħala kandidat għas-sħubija mal-Unjoni fost ir-raġunijiet għall-integrazzjoni sħiħa taċ-ċittadini Ukreni fil-komunità Ewropea. L-inizjattiva emendata, għalhekk, għandha l-għan li tħares u tiżviluppa l-kultura, l-edukazzjoni, il-lingwa u t-tradizzjonijiet Ukreni fil-pajjiżi tal-UE fuq il-bażi tal-Artikolu 167(2), (3), u (4) TFUE. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-organizzaturi jipproponu l-istabbiliment ta’ ċentri ta’ informazzjoni fl-Istati Membri b’popolazzjoni ta’ refuġjati Ukreni ta’ mhux inqas minn 10000 persuna, b’appoġġ finanzjarju u taħt l-awspiċi tal-istrutturi tal-Unjoni Ewropea.
(7) Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri mitluba mill-inizjattiva jistgħu, fil-prinċipju, jiġu proposti skont l-Artikolu 79(4) tat-TFUE, li jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu u jappoġġaw l-azzjoni tal-Istati Membri bl-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fit-territorji tagħhom iżda bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri. Dment li l-inizjattiva tkun limitata għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tar-refuġjati Ukreni fl-Istati Membri kkonċernati, l-Artikolu 79(4) tat-TFUE jkun bażi ġuridika xierqa. Tali integrazzjoni tista’ timplika l-kisba tal-għarfien tal-lingwi nazzjonali u tas-soċjetà tal-Istati Membri kkonċernati bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn ir-refuġjati Ukreni u ċ-ċittadini tal-Unjoni, u li jiġu mħeġġa l-interazzjoni u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet soċjali bejniethom.
(8) Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Artikolu 78(2), il-punt (c) tat-TFUE, li permezz tiegħu jistgħu jiġu adottati miżuri leġiżlattivi għal sistema komuni ta’ protezzjoni temporanja, fil-każ ta’ dħul massiv, għal persuni maqlugħa minn pajjiżhom, jista’ jikkostitwixxi bażi ġuridika addizzjonali, dment li l-inizjattiva tkun limitata għar-refuġjati Ukreni li jibbenefikaw biss minn protezzjoni temporanja u li l-kamp ta’ applikazzjoni temporali tal-inizjattiva mbagħad ikun limitat għat-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja.
(9) Barra minn hekk, fir-rigward tal-miżuri speċifiċi proposti mill-inizjattiva emendata biex jitħarsu l-kultura, il-lingwa, it-tradizzjonijiet u l-wirt tal-poplu Ukren, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 167 tat-TFUE, sabiex ittejjeb l-għarfien u t-tixrid tal-kultura tal-popli Ewropej u tissalvagwardja l-wirt kulturali. Madankollu, skont l-Artikolu 167(5) TFUE, kwalunkwe azzjoni mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ikollha tkun limitata għall-proposta ta’ miżuri ta’ inċentiv.
(10) Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-ebda waħda mill-partijiet tal-inizjattiva emendata ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.
(11) Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati jew le.
(12) Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament.
(13) L-inizjattiva emendata la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
(14) Għalhekk, jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata Il-ħarsien u l-iżvilupp tal-kultura, l-edukazzjoni, il-lingwa u t-tradizzjonijiet Ukreni fl-Istati tal-UE tiġi rreġistrata.
(15) Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati, ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva emendata, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva emendata jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata Il-ħarsien u l-iżvilupp tal-kultura, l-edukazzjoni, il-lingwa u t-tradizzjonijiet Ukreni fl-Istati tal-UE għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Il-ħarsien u l-iżvilupp tal-kultura, l-edukazzjoni, il-lingwa u t-tradizzjonijiet fl-Istati tal-UE, rappreżentata mis-Sur Konstantins ČERŅENOKS u s-Sur Dmitrijs SARAFANOVS li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Awwissu 2023. Għall-Kummissjoni Věra Jourová Viċi President