Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2091 tat-28 ta’ Settembru 2023 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ kunsinni ta’ tuberi tas-Solanum tuberosum L. għat-tħawwil (patata taż-żrigħ), għall-użu tagħhom fl-Irlanda ta’ Fuq, u għall-forma mudell tat-tikketta fitosanitarja għall-patata taż-żrigħ (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2023/2091@2023-09-28/mt
Contents
- Preamble
- Artikolu 1 Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
- Artikolu 2 Rekwiżiti għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ kunsinni ta’ patata taż-żrigħ, u għall-użu tagħhom fl-Irlanda ta’ Fuq
- (b)
- (c)
- Artikolu 3 Rekwiżiti tat-tikketta fitosanitarja u forma mudell tat-tikketta fitosanitarja
- 1.
- Artikolu 4 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
- ANNEX
- grp_1 A.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2023 dwar regoli speċifiċi relatati mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ ċerti kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut, pjanti għat-tħawwil, patata taż-żrigħ, makkinarju u ċertu vetturi mħaddma għal skopijiet agrikoli jew ta’ forestrija, kif ukoll movimenti mhux kummerċjali ta’ ċerti annimali tad-dar lejn l-Irlanda ta’ Fuq, u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament (UE) 2023/1231 jistabbilixxi regoli speċifiċi relatati, fost l-oħrajn, mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ kunsinni ta’ tuberi tas-Solanum tuberosum L. għat-tħawwil (patata taż-żrigħ) għat-tqegħid fis-suq.
(2) B’mod partikolari, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2023/1231 jipprevedi li d-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ kunsinni ta’ patata taż-żrigħ għat-tqegħid fis-suq irid ikun soġġett għal regoli speċifiċi u għal rekwiżit ta’ tikketta fitosanitarja, soġġett għall-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet, inklużi garanziji bil-miktub li jridu jiġu pprovduti mir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 11(1), il-punt (f), ta’ dak ir-Regolament.
(3) Il-garanziji bil-miktub għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ proċess ta’ reġistrazzjoni u awtorizzazzjoni tal-operaturi professjonisti, inklużi proċeduri uffiċjali biex tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament (UE) 2023/1231 u jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità, u li l-kontrolli uffiċjali fuq il-kunsinni tal-patata taż-żrigħ fil-Faċilitajiet għall-Ispezzjonar Sanitarju u Fitosanitarju (SPS) tal-ewwel wasla fl-Irlanda ta’ Fuq li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament jitwettqu f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jitwettqu kontrolli uffiċjali u miżuri ta’ sorveljanza li jkopru l-movimenti ta’ dawk il-kunsinni mill-Faċilitajiet għall-Ispezzjonar SPS tal-ewwel wasla fl-Irlanda ta’ Fuq lejn il-post tad-destinazzjoni tagħhom fl-Irlanda ta’ Fuq biex jiġi żgurat li dawk il-kunsinni sussegwentement ma jiġux trasferiti lejn Stat Membru.
(4) Ir-Renju Unit, fl-ittri tiegħu tal-4, il-11 u l-15 ta’ Settembru 2023, jiddikjara li l-proċess ta’ awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni ta’ operaturi professjonisti f’partijiet tar-Renju Unit għajr l-Irlanda ta’ Fuq u fl-Irlanda ta’ Fuq huwa fis-seħħ, u l-proċeduri uffiċjali biex tiġi żgurata l-konformità minn dawk l-operaturi mar-Regolament (UE) 2023/1231 u biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità se jiġu adottati u implimentati sal-1 ta’ Ottubru 2023.
(5) Ir-Renju Unit, fl-ittri tiegħu tal-4, il-11 u l-15 ta’ Settembru 2023, jiddikjara wkoll li l-Faċilitajiet għall-Ispezzjonar SPS tal-ewwel wasla fl-Irlanda ta’ Fuq se jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2023/1231 sal-1 ta’ Ottubru 2023, u li se jitwettqu kontrolli uffiċjali fuq dawn il-kunsinni fil-Faċilitajiet għall-Ispezzjonar SPS f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625.
(6) Ir-Renju Unit, fl-ittri tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2023 jiddikjara wkoll li, mill-1 ta’ Ottubru 2023, se jitwettqu kontrolli uffiċjali u miżuri ta’ sorveljanza li jkopru l-movimenti ta’ dawk il-kunsinni mill-Faċilitajiet għall-Ispezzjonar SPS tal-ewwel wasla fl-Irlanda ta’ Fuq lejn il-post tad-destinazzjoni tagħhom fl-Irlanda ta’ Fuq.
(7) F’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2023/1231, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu kontroll tal-Kummissjoni fl-Irlanda ta’ Fuq mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2023 fuq il-verifika tal-konformità tal-Faċilitajiet għall-Ispezzjonar SPS fl-Irlanda ta’ Fuq mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2023/1231. Ir-rapport tal-15 ta’ Settembru 2023, imfassal b’segwitu għall-kontroll tal-Kummissjoni, jikkonkludi li l-Faċilitajiet għall-Ispezzjonar SPS tal-Port ta’ Belfast, tal-Port ta’ Larne, u tal-Port ta’ Warrenpoint huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2023/1231.
(8) Peress li r-Renju Unit ipprovda l-garanziji bil-miktub meħtieġa mill-Artikolu 11(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2023/1231 fl-ittri tiegħu tal-4, il-11 u l-15 ta’ Settembru 2023, huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-rekwiżiti għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ kunsinni ta’ patata taż-żrigħ u għall-użu tagħhom fl-Irlanda ta’ Fuq, u dwar il-forma mudell tat-tikketta fitosanitarja meħtieġa biex takkumpanja dawk il-kunsinni, kif imsemmi fl-Artikolu 11(3) ta’ dak ir-Regolament.
(9) Sabiex jiġi żgurat il-livell massimu possibbli tas-saħħa tal-pjanti fil-gżira tal-Irlanda, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar it-tikketta fitosanitarja għal kull kunsinna ta’ patata taż-żrigħ, ir-reġistrazzjoni u l-ispezzjoni tas-siti tal-produzzjoni tal-patata taż-żrigħ fl-Irlanda ta’ Fuq, l-ispezzjoni tal-patata taż-żrigħ u tas-siti tal-produzzjoni tagħha f’partijiet tar-Renju Unit għajr l-Irlanda ta’ Fuq, u r-rappurtar annwali tal-kwantitajiet ta’ patata taż-żrigħ introdotti fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit.
(10) Jenħtieġ li t-tikketta fitosanitarja li tintuża għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq u għall-użu fl-Irlanda ta’ Fuq tal-patata taż-żrigħ tindika l-elementi kollha meħtieġa għall-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tagħha. B’mod partikolari, it-tikketta fitosanitarja jenħtieġ li tindika l-isem botaniku tal-patata taż-żrigħ, in-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur professjonist ikkonċernat, u l-kodiċi tat-traċċabbiltà tal-patata taż-żrigħ. Jenħtieġ li fit-tikketta fitosanitarja tiġi inkluża wkoll referenza għal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni.
(11) Il-format tat-tikketta fitosanitarja jenħtieġ li jiġi standardizzat biex tiġi żgurata l-viżibbiltà tagħha u biex issir distinta minn tikketti oħra li jistgħu jakkumpanjaw l-oġġetti kkonċernati. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u tingħata informazzjoni xierqa lill-produtturi u lill-utenti, jenħtieġ li t-tikketta fitosanitarja jkun fiha l-indikazzjonijiet NI plant health label u for use in the United Kingdom only.
(12) Fl-interess taċ-ċertezza legali u biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn għall-kummerċ, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.
(13) Il-garanziji bil-miktub ipprovduti mir-Renju Unit jiddikjaraw li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 11(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2023/1231 se jiġu ssodisfati mill-1 ta’ Ottubru 2023. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika minn dik id-data biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn għall-kummerċ.
(14) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar ir-rekwiżiti għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ kunsinni ta’ patata taż-żrigħ u għall-użu tagħhom fl-Irlanda ta’ Fuq, u dwar il-forma mudell tat-tikketta fitosanitarja meħtieġa biex takkumpanja dawk il-kunsinni, kif imsemmi fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2023/1231.
Artikolu 2 Rekwiżiti għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ kunsinni ta’ patata taż-żrigħ, u għall-użu tagħhom fl-Irlanda ta’ Fuq
Id-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ kunsinni ta’ patata taż-żrigħ, u l-użu tagħhom fl-Irlanda ta’ Fuq, għandhom ikunu soġġetti għall-konformità mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:
(a) il-patata taż-żrigħ hija maħsuba għal operaturi professjonisti rreġistrati fl-Irlanda ta’ Fuq;
(b) il-patata taż-żrigħ toriġina minn partijiet tar-Renju Unit għajr l-Irlanda ta’ Fuq, f’siti tal-produzzjoni li jkunu ġew spezzjonati uffiċjalment u li nstabu li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Unjoni li jikkonċernaw:
(b)
(i) il-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, il-pesti ta’ kwarantina f’żona protetta u l-pesti rregolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni (RNQPs), imsemmija fl-Artikoli 5(2), 32(1) u 37(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(ii) il-pesti soġġetti għall-miżuri tal-Unjoni stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottati skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031;
(c) il-patata taż-żrigħ ġiet spezzjonata uffiċjalment f’partijiet tar-Renju Unit għajr l-Irlanda ta’ Fuq, fis-siti tal-produzzjoni jew fil-faċilitajiet tal-imballaġġ, u nstabet li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Unjoni li jikkonċernaw:
(c)
(i) il-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, il-pesti ta’ kwarantina f’żona protetta u l-RNQPs imsemmija fl-Artikoli 5(2), 32(1) u 37(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031;
(ii) il-pesti soġġetti għall-miżuri tal-Unjoni stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottati skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031;
(d) wara d-dħul tagħha fl-Irlanda ta’ Fuq, il-patata taż-żrigħ għandha titkabbar biss f’siti tal-produzzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq, li huma rreġistrati għal dan l-għan mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit;
(e) wara d-dħul tagħha fl-Irlanda ta’ Fuq, il-patata taż-żrigħ, kif ukoll il-pjanti mkabbra minnha, għandha tkun soġġetta għal spezzjonijiet uffiċjali annwali fis-siti tal-produzzjoni tagħha fl-Irlanda ta’ Fuq biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar il-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, il-pesti ta’ kwarantina f’żona protetta u l-RNQPs imsemmija fl-Artikoli 5(2), 32(1) u 37(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031, u l-pesti soġġetti għall-miżuri tal-Unjoni stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottati skont l-Artikolu 30(1) ta’ dak ir-Regolament;
(f) il-kwantitajiet ta’ patata taż-żrigħ li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit u r-riżultati tal-ispezzjonijiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (e) għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni mir-Renju Unit sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena fir-rigward tal-entrati bejn l-1 ta’ Mejju tas-sena n-1 u t-30 ta’ April tas-sena n;
(g) id-dħul tal-kunsinni fl-Irlanda ta’ Fuq għandu jikkonforma mar-regoli applikabbli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/625.
Artikolu 3 Rekwiżiti tat-tikketta fitosanitarja u forma mudell tat-tikketta fitosanitarja
1. It-tikketta fitosanitarja għall-kunsinni tal-patata taż-żrigħ imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2023/1231 għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:
1.
(a) fil-parti ta’ fuq tat-tikketta fitosanitarja, il-kliem NI plant health label;
(b) l-ittra A., segwita bl-isem botaniku tal-patata taż-żrigħ;
(c) l-ittra B., segwita bin-numru ta’ reġistrazzjoni tal-operatur professjonist;
(d) l-ittra A., segwita bil-kodiċi ta’ traċċabbiltà tal-patata taż-żrigħ;
(e) l-ittra D., segwita bi:
(e)
(i) kodiċi QR li jirreferi għal paġna fuq is-siti web uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit, rilevanti għall-operatur professjonist li jirċievi l-kunsinni tal-patata taż-żrigħ u li jinforma lil dak l-operatur professjonist dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni b’referenza espliċita għar-Regolament (UE) 2023/1231 u għal dan ir-Regolament; jew
(ii) l-indikazzjoni complies with Article 11 of Regulation (EU) 2023/1231;
(f) fil-Parti ta’ isfel tat-tikketta fitosanitarja, il-kliem for use in the United Kingdom only.
2. It-tikketta fitosanitarja għall-kunsinni tal-patata taż-żrigħ għandha tikkonforma mal-forma mudell stabbilita fl-Anness.
Artikolu 4 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2023. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen
ANNEX
(bandiera tar-Renju Unit) NI plant health label For use in the United Kingdom only
ANNESS Forma mudell tat-tikketta fitosanitarja għall-kunsinni ta’ patata taż-żrigħ imsemmija fl-Artikolu 3
grp_1 A.
xxx
B.
xxx
C.
xxx
D.
xxx