Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/231 tat-2 ta’ Frar 2023 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati Ukreni mħarrġa mill-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna

In forceVersion 2023-02-02
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2023/231@2023-02-02/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u tul ta’ żmien
  3. 3.
  4. Artikolu 2 Arranġamenti finanzjarji
  5. Artikolu 3 Arranġamenti mal-benefiċjarju
  6. 2.
  7. Artikolu 4 Implimentazzjoni
  8. Artikolu 5 Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
  9. Artikolu 6 Rapportar
  10. Artikolu 7 Sospensjoni u terminazzjoni
  11. Artikolu 8 Dħul fis-seħħ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni skont il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2), il-punt (b)(i), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2) L-approfondiment tad-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża huwa wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna. Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u l-allinjament mal-PESK bejn l-Unjoni u l-Ukrajna kienet waħda mill-eżiti tat-22 summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna tas-6 ta’ Ottubru 2020, li ssaħħet aktar fit-23 summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li sar fi Kiev fit-12 ta’ Ottubru 2021.

(3) L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-2014 ’l hawn eskalat b’mod drammatiku fi Frar 2022 bl-invażjoni mhux provokata tal-Ukrajna. Il-Forzi Armati Ukreni (UAF) ikomplu jiddefendu l-integrità territorjali tal-Ukrajna u jipproteġu ċ-ċivili tagħha bir-riżorsi limitati disponibbli.

(4) Fit-30 ta’ Settembru 2022, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Ministru għad-Difiża tal-Ukrajna laqgħu b’mod konġunt l-appoġġ tal-Unjoni għall-UAF u talbu lill-Unjoni tniedi Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UAF.

(5) Fis-17 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968 dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna. Kif enfasizzat f’dik id-Deċiżjoni, il-Missjoni hija parti mill-Approċċ Integrat tal-UE fl-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna, li jinkludi miżuri ta’ assistenza b’appoġġ għall-UAF.

(6) EUMAM Ukraine ser tiġi fdata bl-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza. Hija għandha tkun responsabbli għar-rimborż ta’ kits ta’ taħriġ personali u kwalunkwe tagħmir u provvisti oħra mhux imfassla biex iwasslu forza letali pprovduti mill-Istati Membri biex jappoġġaw l-attivitajiet ta’ taħriġ. Ser tkun meħtieġa koordinazzjoni mill-qrib bejn il-Persunal Militari tal-UE, EUMAM Ukraine u kwartieri ġenerali oħra tal-Missjoni, kif ukoll bejn l-Istati Membri involuti fl-attivitajiet ta’ taħriġ.

(7) F’konformità mal-Artikolu 11(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968, il-kits ta’ taħriġ personali ma għandhomx jibqgħu jitqiesu bħala spejjeż komuni ladarba jiġu pprovduti taħt miżura ta’ assistenza tal-EPF.

(8) Il-miżura ta’ assistenza għandha tiġi implimentata b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari l-konformità mal-pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK, u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt il-EPF.

(9) Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u tul ta’ żmien

1. Miżura ta’ assistenza li tibbenifika minnha l-Ukrajna (il-benefiċjarju) li tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-miżura ta’ assistenza) hija b’dan stabbilita.

2. L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati Ukreni (UAF) mill-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine), sabiex il-UAF ikunu jistgħu jiddefendu l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna kif ukoll jipproteġu l-popolazzjoni ċivili kontra l-aggressjoni militari li għaddejja.

3. Sabiex jinkiseb l-objettiv stipulat fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja l-forniment mill-Istati Membri ta’:

3.

(a) tagħmir u provvisti mhux imfassla biex iwasslu forza letali, kif meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti operazzjonali tal-EUMAM Ukraine u kif mitlub mill-Ukrajna; u

(b) servizzi, inkluż it-trasport, il-kustodja, il-manutenzjoni u t-tiswija tal-oġġetti taħt il-punt (a) magħmula disponibbli mill-Istati Membri, għat-taħriġ taħt EUMAM Ukraine.

4. Mat-tlestija tat-taħriġ jew meta EUMAM tiġi tterminata, il-kustodja tat-tagħmir u provvisti mhux imfassla biex iwasslu forza letali, li ġew ipprovduti taħt din il-miżura ta’ assistenza, għandha tiġi ttrasferita lura lill-benefiċjarju. Abbażi tal-ħtiġijiet tal-Ukrajna, l-oġġetti fil-kits personali jistgħu jiġu ttrasferiti lura lill-benefiċjarju ladarba jkunu ntużaw fit-taħriġ.

5. It-tul ta’ żmien tal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ 24 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jew sal-iskadenza tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-EUMAM Ukraine, skont liema tiġi l-ewwel.

Artikolu 2 Arranġamenti finanzjarji

1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 45000000.

2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa għal operazzjonijiet iffinanzjat fl-ambitu l-EPF.

3. F’konformità mal-Artikolu 29(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-amministratur għall-operazzjonijiet jista’ jagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, sa EUR 45000000. Il-fondi li għalihom għamel sejħa l-amministratur għall-operazzjonijiet għandhom jintużaw biss biex titħallas in-nefqa fil-limiti approvati mill-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 fil-baġit emendatorju relatat li tikkorrispondi għall-miżura ta’ assistenza.

4. In-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun eliġibbli mid-data tat-tnedija tal-EUMAM Ukraine. In-nefqa relatata ma’ kits ta’ taħriġ personali għandha tkun eliġibbli taħt din il-miżura ta’ assistenza mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3 Arranġamenti mal-benefiċjarju

1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli’) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.

2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

2.

(a) il-konformità tal-unitajiet tal-UAF appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b) l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-iskopijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

(c) il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe ass iprovdut taħt il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu;

(d) li kwalunkwe ass provduti taħt il-miżura ta’ assistenza ma jintilifx, jew jiġi ttrasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati fl-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu.

3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 4 Implimentazzjoni

1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa fl-ambitu tal-EPF, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza fl-ambitu tal-EPF.

2. L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3), relatati mar-rimborż u l-monitoraġġ tat-tagħmir u l-provvisti mhux imfassla biex iwasslu forza letali, ipprovduti mill-Istati Membri, għandhom jiġu implimentati minn EUMAM Ukraine.

Artikolu 5 Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja r-rispett mill-benefiċjarju għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3. Dan il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien dwar il-kuntest u r-riskji ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3, u għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-UAF appoġġati mill-miżura ta’ assistenza.

2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir għandu jiġi organizzat b’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta’ assistenza, biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza ikkontribwietx biex jintlaħaq l-objettiv iddikjarat fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 6 Rapportar

Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, kull sitt xhur ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-operazzjonijiet, bl-appoġġ tal-Kmandant tal-Missjoni, għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 7 Sospensjoni u terminazzjoni

1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda wkoll li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.

Artikolu 8 Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2023. Għall-Kunsill Il-President J. Roswall

Versions

  1. 2023-02-02