Gelex

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/314 tal-25 ta’ Ottubru 2022 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta’ ċerti proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju għall-iskambju tal-kollateral (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2022-10-25from 2023-02-14
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2023/314@2022-10-25/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251
  3. (1)
  4. (2)
  5. Artikolu 2 Dħul fis-seħħ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, u b’mod partikolari l-Artikolu 11(15) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 jispeċifika, fost l-oħrajn, il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju, inklużi l-livelli u t-tip ta’ kollateral u arranġamenti ta’ segregazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, li l-kontropartijiet finanzjarji huma meħtieġa li jkollhom għall-iskambju ta’ kollateral, fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (over-the-counter, OTC) tagħhom mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali.

(2) L-Artikolu 36(2), il-punt (a), u l-Artikolu 37(3), il-punt (a), tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jipprevedu data differita tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġini bilaterali għal kuntratti tad-derivattivi OTC li mhumiex ikklirjati minn kontroparti ċentrali u konklużi bejn kontropartijiet li huma parti mill-istess grupp u meta kontroparti waħda tkun stabbilita f’pajjiż terz u l-kontroparti l-oħra tkun stabbilita fl-Unjoni. Dik id-data differita tal-applikazzjoni kienet meħtieġa biex jiġi żgurat li tali kuntratti tad-derivattivi OTC ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti tal-marġini bilaterali qabel l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(3) Sa issa, ġew adottati tmien atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Madankollu, għadhom qed isiru sforzi biex jiġu analizzati ġurisdizzjonijiet rilevanti oħra ta’ pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom jista’ jkun meħtieġ xi att ta’ implimentazzjoni bħal dan. L-applikazzjoni immedjata tar-rekwiżiti tal-marġni bilaterali għall-kuntratti tad-derivattivi OTC li mhumiex ikklirjati minn kontroparti ċentrali u li huma konklużi bejn kontropartijiet li huma parti mill-istess grupp u meta kontroparti waħda tkun stabbilita f’pajjiż terz u l-kontroparti l-oħra tkun stabbilita fl-Unjoni mingħajr l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, ikollha, madankollu, impatti ekonomiċi detrimentali fuq il-kontropartijiet tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġni bilaterali għall-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment tiġi differita ulterjorment.

(4) Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jiġi emendat skont dan.

(5) Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, ASE).

(6) L-emendi tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 huma aġġustamenti limitati tal-qafas regolatorju eżistenti. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat ta’ dawn l-emendi u l-urġenza tal-kwistjoni, ikun sproporzjonat ħafna li l-ASE jwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa jew analiżijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati. L-ASE madankollu talbu wkoll il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(7) Sabiex il-parteċipanti fis-suq jingħataw ċertezza legali malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 huwa emendat kif ġej:

(1) fl-Artikolu 36(2), il-punt (a) jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

(1)

(a) mit-30 ta’ Ġunju 2025 fejn ma tkun ġiet adottata ebda deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-finijiet tal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-Regolament rigward il-pajjiż terz rilevanti;;

(2) fl-Artikolu 37(3), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

(2)

(a) mit-30 ta’ Ġunju 2025 fejn ma tkun ġiet adottata ebda deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-finijiet tal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-Regolament rigward il-pajjiż terz rilevanti;.

Artikolu 2 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2022. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen

Versions

  1. 2022-10-25