Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/384 tal-20 ta’ Frar 2023 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tal-Ġordan
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2023/384@2023-02-20/mt
Contents
- Preamble
- Artikolu 1 Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u tul ta’ żmien
- 3.
- Artikolu 2 Arranġamenti finanzjarji
- Artikolu 3 Arranġamenti mal-benefiċjarju
- 2.
- Artikolu 4 Implimentazzjoni
- Artikolu 5 Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
- 2.
- Artikolu 6 Rappurtar
- Artikolu 7 Sospensjoni u terminazzjoni
- Artikolu 8 Dħul fis-seħħ
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.
(2) F’Ġunju 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) pparteċipa fl-14-il Kunsill UE-Ġordan li matulu ġew adottati l-Prijoritajiet il-ġodda tas-Sħubija. Permezz ta’ dawn il-Prijoritajiet tas-Sħubija, l-Unjoni u l-Ġordan ikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jkomplu jappoġġaw il-kooperazzjoni tagħhom dwar il-paċi u s-sigurtà fil-Ġordan, u li jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni dwar l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali, inkluż dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.
(3) Fl-14 ta’ Novembru 2022, ir-Rappreżentant Għoli rċieva talba biex l-Unjoni tappoġġa lill-Forzi Armati tal-Ġordan (JAF) billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet militari, b’mod partikolari fis-servizzi mediċi militari, il-brigati ta’ inġinier kif ukoll l-unitajiet operattivi inkarigati mis-sigurtà tal-fruntieri tal-Ġordan.
(4) Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK, u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat fl-ambitu tal-EPF.
(5) Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u tul ta’ żmien
1. Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza li jibbenifika minnha r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (il-benefiċjarju), li għandha tiġi ffinanzjata fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-miżura ta’ assistenza).
2. L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Forzi Armati tal-Ġordan (JAF) sabiex tiġi żgurata s-sigurta’ u s-stabbilta nazzjonali tal-Ġordan permezz tat-tisħiħ tas-servizzi mediċi militari, il-brigati ta’ inġinier u l-unitajiet operattivi tiegħu inkarigati mis-sigurtà tal-fruntieri tiegħu, u b’hekk tiġi protetta aħjar il-popolazzjoni ċivili fi żmien ta’ kriżi u f’emerġenzi.
3. Biex jinkiseb l-għan stipulat fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin mhux imfassla biex jipprovdu forza letali.
3.
(a) sptar mobbli mgħammar kompletament (Rwol 1) biex jikkura s-suldati midruba, flimkien ma’ ambulanzi mgħammra bis-sħiħ b’kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika;
(b) unitajiet tal-inġinerija fuq il-post mgħammra biex jappoġġaw aħjar l-unitajiet skjerati, b’mod partikolari tul il-fruntieri;
(c) tagħmir tattiku (Sistemi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAS) u sistemi ta’ Difiża kontra Vetturi tal-Ajru mingħajr Bdot Abbord (C-UAV)), kif ukoll appoġġ għall-JAF biex tiġi żviluppata kapaċità ta’ difiża mingħajr bdot abbord.
4. It-tul ta’ żmien tal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ 36 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt iffirmat mill-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, li jaġixxi bħala uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 32(2), il-punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, inkluż fil-kuntest tal-arranġamenti amministrattivi skont l-Artikolu 37 tal-istess Deċiżjoni.
Artikolu 2 Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri l-infiq relatat mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 7000000.
2. L-infiq kollu għandu jiġi ġestit f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF.
Artikolu 3 Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
2.
(a) il-konformità tal-unitajiet tal-JAF appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;
(b) l-użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe ass provdut taħt il-miżura ta’ assistenza għall-iskopijiet li għalihom ikun ġie pprovdut;
(c) il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe ass provdut taħt il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tiegħu u d-disponibbiltà operazzjonali tiegħu matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu;
(d) li kwalunkwe ass provdut taħt il-miżura ta’ assistenza ma jintilifx, jew jiġu ttrasferit mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu.
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.
Artikolu 4 Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, inkluż permezz ta’ arranġamenti amministrattivi skont l-Artikolu 37 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
Artikolu 5 Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja r-rispett mill-benefiċjarju għall-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3. Dan il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien dwar il-kuntest u r-riskji ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-JAF appoġġati mill-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
2.
(a) verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF iridu jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;
(b) rappurtar, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-attivitajiet imwettqa bit-tagħmir ipprovdut mill-miżura ta’ assistenza u dwar l-inventarju tal-oġġetti inkwistjoni sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);
(c) spezzjonijiet fuq il-post, fejn il-benefiċjarju għandu jiffaċilita u jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli, fuq talba, biex iwettaq kontroll fuq il-post.
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta’ assistenza biex jiġi vvalutat jekk il-miżura ta’ assistenza tkunx ikkontribwiet biex jintlaħaq l-objettiv kif iddikjarat fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6 Rappurtar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq, f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-subkuntratturi involuti.
Artikolu 7 Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda wkoll li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8 Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2023. Għall-Kunsill Il-President J. Borrell Fontelles