Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixi l-miżuri meħtieġa għall-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali parteċipanti (BĊE/2006/22) (2007/43/KE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/d/2006/22-01@2006-12-15/mt
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b'mod partikolari l-Artikolu 28.3,
Billi:
(1) Id-Deċiżjoni BĊE/2004/6 tat-22 ta' April 2004, li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali parteċipanti ddeterminat kif u safejn il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) ta' l-Istati Membri li adottaw l-euro (minn issa 'l quddiem il-BĊNi parteċipanti) kellhom l-obbligu li jħallsu l-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fl-1 ta' Mejju 2004.
(2) Minħabba s-sħubija tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea u minħabba li l-BĊNi rispettivi tagħhom se jissieħbu fis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) fl-1 ta' Jannar 2007, id-Deċiżjoni BĊE/2006/21 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-ishma ta' persentaġġ tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew tistabbilixxi b'effett mill-1 ta' Jannar 2007, l-ippeżar il-ġdid assenjat lil kull BĊN li se jkun membru tas-SEBĊ fl-1 ta' Jannar 2007, fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital imkabbar tal-BĊE (minn issa 'l quddiem l-ippeżar ta' l-iskema kapitali u l-iskema kapitali rispettivament).
(3) Il-kapital sottoskritt tal-BĊE se jkun EUR 5760652402,58 b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.
(4) L-iskema kapitali mkabbra teħtieġ l-adozzjoni ta' deċiżjoni ġdida tal-BĊE li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2004/6 b'effett mill-1 ta' Jannar 2007, u li tiddetermina kif u safejn il-BĊNi parteċipanti huma obbligati biex iħallsu l-kapital tal-BĊE b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.
(5) Skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/495/KE tal-11 ta' Lulju 2006, skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovenja tal-valuta waħda fl-1 ta' Jannar 2007, id-deroga favur is-Slovenja msemmija fl-Artikolu 4 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni 2003 hija abrogata b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.
(6) Skond id-Deċiżjoni BĊE/2006/30 tat-30 ta' Diċembru 2006 tal-ħlas tal-kapital tal-Banka Slovenije, it-trasferiment ta' l-assi barranin tar-riżerva u l-kontribuzzjoni għar-riżervi u l-qagħdiet tal-Bank Ċentrali Ewropew il-Banka Slovenije huwa obbligat iħallas il-kumplament tas-sehem tiegħu tas-sottoskrizzjoni tiegħu fil-kapital tal-BĊE b'effett mill-1 ta' Jannar 2007, wara li jqis l-iskema kapitali mkabbra,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1 Daqs u forma tal-kapital imħallas
Kull BĊN parteċipanti għandu jħallas is-sottoskrizzjoni tiegħu għall-kapital tal-BĊE kollha kemm hi b'effett mill-1 ta' Jannar 2007. Wara li jitqies l-ippeżar ta' l-iskema kapitali deskritt fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2006/21 kull BĊN parteċipanti għandu jħallas b'effett mill-1 ta' Jannar 2007, l-ammont muri ħdejn ismu fit-tabella li ġejja: BĊN parteċipanti (EUR) Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique 142334199,56 Deutsche Bundesbank 1182149240,19 Bank of Greece 104659532,85 Banco de España 434917735,09 Banque de France 828813864,42 Central Bank and Financial Services Authority of Ireland 51183396,60 Banca d'Italia 721792464,09 Banque centrale du Luxembourg 9073027,53 De Nederlandsche Bank 224302522,60 Oesterreichische Nationalbank 116128991,78 Banco de Portugal 98720300,22 Banka Slovenije 18399523,77 Suomen Pankki 71708601,11
Artikolu 2 Aġġustament tal-kapital imħallas
1. Minħabba li kull BĊN parteċipanti, bl-eċċezzjoni tal-Banka Slovenije, diġà ħallas is-sehem sħiħ tiegħu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE kif applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2006, skond id-Deċiżjoni BĊE/2004/6, kull wieħed minnhom, bl-eċċezzjoni tal-Banka Slovenije, għandu jittrasferixxi ammont addizzjonali lill-BĊE, jew jirċievi ammont lura mill-BĊE, kif jixraq, sabiex jasal għall-ammonti murija fit-tabella fl-Artikolu 1. Il-ħlas tal-kapital mill-Banka Slovenije huwa rregolat bid-Deċiżjoni BĊE/2006/30.
2. It-trasferimenti kollha skond dan l-Artikolu għandhom ikunu magħmula skond id-Deċiżjoni BĊE/2006/23 tal-15 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għat-trasferimenti ta' l-ishma kapitali tal-Bank Ċentrali Ewropew bejn il-banek ċentrali nazzjonali u għall-aġġustament tal-kapital imħallas.
Artikolu 3 Dispożizzjonijiet finali
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007.
2. Id-Deċiżjoni BĊE/2004/6 qed tiġi hawnhekk abrogata b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.
3. Ir-referenzi għad-Deċiżjoni BĊE/2004/6 għandhom jiġu interpretati bħala referenzi magħmulin għal din id-Deċiżjoni.
Magħmula fi Frankfurt am Main, il-15 ta' Diċembru 2006. Il-President tal-BĊE Jean-Claude Trichet