Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2009 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2000/7 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2009/10) (2009/391/KE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/o/2009/10@2009-05-07/mt
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, partikolarment l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 105(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-Artikolu 12.1 u l-Artikolu 14.3 flimkien mal-ewwel subinċinż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 18 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,
Billi:
(1) Biex tintlaħaq politika monetarja unika tenħtieġ definizzjoni tal-istrumenti u l-proċeduri li se jintużaw mill-Eurosistema, li tikkonsisti mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-Istati Membri li adottaw l-euro (minn issa ‘l quddiem l-Istati Membri parteċipanti) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), biex b’hekk din il-politika tkun tista’ tiġi implimentata b’mod uniformi fiż-żona tal-euro kollha.
(2) Għandhom isiru emendi għal-Linja Gwida BĊE/2000/7 tal-31 ta’ Awwissu 2000 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema biex jiġi permess l-aċċess għall-operazzjonijiet tas-suq ħieles u l-faċilitajiet permanenti tal-Eurosistema minn istituzzjonijiet ta’ kreditu li, minħabba n-natura istituzzjonali speċifika tagħhom skont id-dritt Komunitarju, huma soġġetti għal skrutinju ta’ standard paragunabbli mas-superviżjoni minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti,
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
Artikolu 1 Emenda għall-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2000/7
Fl-ewwel paragrafu tat-Taqsima 2.1, it-tielet sentenza tat-tieni inċiż hi sostitwita b’dan li ġej: Minħabba n-natura istituzzjonali speċifika tagħhom skont id-dritt Komunitarju, istituzzjonijiet finanzjarjament sodi fit-tifsira tal-Artikolu 101(2) tat-Trattat li huma soġġetti għal skrutinju ta’ standard paragunabbli mas-superviżjoni minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jiġu aċċettati bħala kontropartijiet. Istituzzjonijiet finanzjarjament sodi li huma soġġetti għas-superviżjoni mhux armonizzata minn awtoritajiet nazzjonali ta’ standard paragunabbli mas-superviżjoni armonizzata UE/ŻEE jistgħu jiġu aċċettati wkoll bħala kontropartijiet, eż. friegħi ta’ istituzzjonijiet stabbiliti fiż-żona tal-euro li għandhom is-sede prinċipali tagħhom barra ż-ŻEE.
Artikolu 2 Dħul fis-seħħ
Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2009.
Artikolu 3 Indirizzati u miżuri ta’ implimentazzjoni
1. Din il-Linja Gwida hi indirizzata lill-BĊN tal-Istati Membri parteċipanti.
2. Sal-11 ta’ Mejju 2009, il-BĊN imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jibagħtu lill-BĊE l-miżuri li permezz tagħhom bi ħsiebhom jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida.
Magħmula fi Frankfurt am Main, 7 ta’ Mejju 2009. F’isem il-Kunsill Governattiv tal-BĊE Il-President tal-BĊE Jean-Claude Trichet