Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/391/PESK tas-7 ta’ Ġunju 2007 li temenda l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/960/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/oj/L/2007/391@2007-06-07/mt
Contents
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
Billi:
(1) Fl-10 ta’ Diċembru 2002 il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK, konsegwentement għar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 733 (1992), 1356 (2001) u 1425 (2002), relatati ma’ embargo fuq l-armi kontra s-Somalja.
(2) Fl-20 ta’ Frar 2007, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta l-UNSCR 1744 (2007) li introduċiet eżenzjonijiet addizzjonali mill-miżuri restrittivi imposti mill-paragrafu 5 ta’ l-UNSCR 733 (1992) u elaborat ulterjorment fil-paragrafi 1 u 2 ta’ l-UNSCR 1425 (2007) għall-forniment ta’ armi u tagħmir militari u taħriġ u assistenza teknika maħsuba biss għall-appoġġ ta’ jew l-użu mill-missjoni kif stipulat fil-paragrafu 4 ta’ l-UNSCR 1744 (2007).
(3) Il-miżuri restrittivi imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK għandhom għalhekk jiġu modifikati sabiex jingħata effett lill-UNSCR 1744 (2007).
(4) Hija meħtieġa azzjoni mill-Komunità sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,
ADOTTA DIN IL-POSIZZJONI KOMUNI:
Artikolu 1 Il-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK għandu jiġi sostitwit bil-paragrafu li ġej:
Artikolu 1
3. Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw:
3.
(a) għall-forniment jew bejgħ ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha u għall-għoti dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja jew oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari maħsuba biss għall-appoġġ tal-missjoni jew għall-użu mill-missjoni kif stipulat fil-paragrafu 4 ta’ l-UNSCR 1744 (2007);
(b) għall-forniment jew bejgħ ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha u għall-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika maħsuba biss għall-iskop li jgħin l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà, konsistenti mal-proċess politiku mniżżel fil-paragrafu 1, 2, u 3 ta’ l-UNSCR 1744 (2007) u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 11 ta’ l-UNSCR 751 (1992) fi żmien ħamest ijiem ta’ ħidma mir-riċeviment tan-notifika rilevanti;
(c) għall-fornimenti ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, jew ta’ materjal maħsub għal programmi, ta’ żvilupp ta’ istituzzjonijiet, mwettqa mill-Unjoni, mill-Komunità jew mill-Istati Membri, anke fil-qasam tas-sigurtà, fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta’ Paċi u Rikonċiljazzjoni, kif ġie approvat minn qabel mill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 11 ta’ l-UNSCR 751 (1992), u lanqas għandhom japplikaw għal ħwejjeġ protettivi, inkluż ġkieket tal-flak u elmi militari, esportati b’mod temporanju lejn is-Somalja minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, minn rappreżentanti tal-media u minn ħaddiema umanitarji u fuq l-iżvilupp u minn persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss.
Artikolu 2 Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tibda jkollha effett fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.
Artikolu 3 Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, 7 ta’ Ġunju 2007. Għall-Kunsill Il-President M. Glos