Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2008 li tikkonċerna n-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ Beauveria brongniartii u permanganat tal-potassju fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 5106) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2008/768/KE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/oj/L/2008/768@2008-09-30/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,
Billi:
(1) L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jipprevedi li Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux elenkati fl-Anness I ta’ din id-Direttiva li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika, filwaqt li dawn is-sustanzi qed jiġu eżaminati b’mod gradwali fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.
(2) Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1112/2002 u (KE) Nru 2229/2004 jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE.
(3) Il-Beauveria brongniartii u l-permanganat tal-potassju huma sustanzi speċifikati fil-programm tar-raba’ stadju.
(4) L-uniċi notifikanti għal Beauveria brongniartii u permanganat tal-potassju għarrfu lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Settembru 2007 u fit-22 ta’ Frar 2008 rispettivament, li ma baqgħux jixtiequ jieħdu sehem fil-programm ta’ ħidma għal dawn is-sustanzi attivi, u għalhekk mhux se jintbagħat aktar tagħrif. Minħabba f’hekk, dawn is-sustanzi attivi ma għandhomx jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.
(5) Għas-sustanzi attivi li għalihom hemm biss perjodu qasir ta’ notifika bil-quddiem għall-irtirar ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi, huwa raġonevoli li jingħata perjodu fuq ir-riħ għar-rimi, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar sabiex il-ħażniet eżistenti jkunu jistgħu jintużaw f’mhux iktar minn staġun wieħed ieħor ta’ koltivazzjoni. F’każijiet fejn ikun stipulat perjodu itwal ta’ notifika bil-quddiem, dan il-perjodu jkun jista’ jitqassar biex jiskadi fl-aħħar tal-istaġun tal-koltivazzjoni.
(6) Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal dawn is-sustanzi attivi skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE fid-dawl ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.
(7) Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Is-sustanzi attivi elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni ma għandhomx jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.
Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
Artikolu 2
(a) l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi elenkati fl-Anness I, jiġu ritirati sat-30 ta’ Marzu 2009;
(b) l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi attivi mhi se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3 Kull perjodu fuq ir-riħ mogħti mill-Istati Membri skond l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard mit-30 ta’ Marzu 2010.
Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 30 ta’ Settembru 2008. Għall-Kummissjoni Androulla Vassiliou Membru tal-Kummissjoni