Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2014 dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tat-2 u 3-monokloropropan- 1,2-dijol (2 u 3-MCPD), it-2- u 3-MCPD esteri tal-aċidi grassi u esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol fl-ikel (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2014/661/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/oj/L/2014/661@2014-09-10/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
(1) it-3-monokloropropan-1,2-dijol (3-MCPD) huwa kontaminant fl-ipproċessar tal-ikel ikklassifikat bħala karċinoġenu possibbli għall-bniedem li għalih ġiet stabbilita doża tollerabbli ta' kuljum (TDI) ta' 2 μg/kg b.w. Ġie stabbilit livell massimu ta' 20 μg/kg għall-proteina veġetali idrolizzata (HVP) u għaz-zalza tas-sojja bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 għal prodotti likwidi li fihom 40 % ta' materja niexfa, li jikkorrispondi għal massimu ta' 50 μg/kg f'materja niexfa.
(2) L-esteri tal-2 — u 3-monokloropropan- 1,2-dijol (MCPD) u l-esteri tal-gliċidol huma kontaminanti importanti fiż-żjut ipproċessati tal-ikel użati bħala ikel jew ingredjenti tal-ikel. Il-Bord dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) qabel mal-istima ta' rilaxx ta' 100 % tat-3-MCPD mill-esteri tiegħu fil-bnedmin.
(3) L-esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol (GE) huma kontaminanti li jiġu ġġenerati matul l-istadju ta' deodorizzazzjoni fil-proċess tar-raffinar taż-żejt tal-ikel. Ir-rilevanza tossikoloġika tal-esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol għadha ma ġietx kompletament iċċarata. Il-gliċidol innifsu huwa kkategorizzat bħala li huwa x'aktarx karċinoġenu għall-bniedem. L-aktar studji xjentifiċi reċenti jindikaw rilaxx (kważi) sħiħ ta' gliċidol mill-esteri tal-aċidi grassi ġewwa t-tubi diġestivi tal-bniedem.
(4) Fl-20 ta' Settembru 2013, l-EFSA ppubblikat rapport xjentifiku dwar l-analiżi ta' okkorrenza tat-3-monokloropropan- 1,2-dijol (3-MCPD) fl-ikel fl-Ewropa fis-snin 2009-2011 u valutazzjoni tal-espożizzjoni preliminari.
(5) Jeħtieġ iktar dejta dwar l-okkorrenza tal-preżenza tal-esteri tal-aċidi grassi MCPD u l-esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol biex tista' ssir valutazzjoni aktar preċiża tal-espożizzjoni.
(6) Għalhekk huwa xieraq li jkun irrakkomandat il-monitoraġġ tal-preżenza ta' MCPD, tal-esteri MCPD u l-esteri tal-gliċidol fiż-żjut u x-xaħmijiet veġetali, l-ikel li ġej minnhom u l-ikel li fih żjut u xaħmijiet veġetali.
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI: L-Istati Membri, bl-involviment attiv tal-operaturi kummerċjali tal-għalf u l-ikel, għandhom iwettqu monitoraġġ għall-preżenza tat-2 u 3-MCPD, it-2 u 3-MCPD esteri tal-aċidi grassi u l-esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol fl-ikel, u partikolarment fi:
(a) żjut u xaħmijiet veġetali u prodotti derivati bħal marġerina u prodotti simili,
(b) ikel għal użu ta' nutriment partikolari kif iddefinit fid-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u intiż għat-trabi u għat-tfal żgħar, inkluż formuli għat-trabi u dawk ta' prosegwiment (follow on) kif iddefinit fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE u ikel tad-dieta għal raġunijiet mediċi speċjali kif iddefinit fid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/21/KE intiż għat-trabi,
(c) prodotti fini tal-forn, ħobż u bziezen,
(d) laħam fil-bott (iffumigat) u ħut fil-bott (iffumigat),
(e) snakks abbażi tal-patata jew taċ-ċereali, prodotti oħra abbażi ta' patata moqlija,
(f) ikel li fih żejt veġetali u ikel ippreparat/prodott bi żjut veġetali.
Huwa magħruf li l-analiżi tat-2 u 3-MCPD, 2 u 3-MCPD esteri tal-aċidi grassi u l-esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol fl-ikel imsemmija fil-punti (b) sa (f) hija diffiċli ħafna u l-ebda metodi ta' analiżi vvalidati minn studju kollaborattiv ma huma disponibbli għalissa. Għalhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari fl-analiżi tal-ikel imsemmija fil-punti (b) sa (f) sabiex ikun żgurat li d-dejta ġġenerata hija affidabbli. Għalhekk, l-Istati Membri li bi ħsiebhom janalizzaw il-preżenza tat-2 u 3-MCPD, it-2 u 3-MCPD esteri tal-aċidi grassi u l-esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol fl-ikel imsemmija fil-punti (b) sa (f) jistgħu jitolbu, jekk ikun xieraq u meħtieġ, l-assistenza teknika tal-Istitut għall-Materjali u l-Kejl ta' Referenza (IRMM), Standards ta' Unità għall-Bijoxjenza tal-Ikel taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-kampjuni huma rappreżentattivi tal-lott ikkampjunat, l-Istati Membri għandhom isegwu l-proċeduri stabbiliti fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007. Sabiex jiġi ddeterminat l-MCPD u l-gliċidol maqugħda mal-esteri, huwa rrakkomandat li jintużaw il-metodi standard tal-American Oil Chemists Society. Dawn il-metodi huma metodi ta' Gasskromatografija-Spettrometrija tal-Massa (GC-MS) ivvalidati minn studju kollaborattiv għal żjut u xaħmijiet veġetali u huma disponibbli fuq www.aocs.org. Il-Limitu ta' Kwantifikazzjoni (LOQ) m'għandux ikun ogħla minn 100 μg/kg għall-analiżi ta' MCPD u l-gliċidol maqugħda mal-esteri tal-aċidi grassi fi żjut u xaħmijiet tal-ikel. Għal ikel ieħor li fih aktar minn 10 % xaħam, l-LOQ preferibbilment ma għandux ikun ogħla meta jkun relatat mal-kontenut ta' xaħam tal-ikel, jiġifieri l-LOQ għall-analiżi tal-esteri tal-aċidi grassi ta' MCPD u l-gliċidol f'ikel li jkun fih 20 % xaħam m'għandux ikun ogħla minn 20 μg/kg abbażi tal-piż komplessiv. Għal ikel li għandu inqas minn 10 % ta' xaħam, l-LOQ ma għandux ikun ogħla minn 10 μg/kg abbażi tal-piż komplessiv. Il-laboratorji għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri ta' kontroll tal-kwalità biex matul l-analiżi tiġi evitata t-trasformazzjoni tal-esteri tal-gliċidol f'esteri MCPD u viċi versa. Barra minn hekk, jeħtieġ speċifikazzjoni mhux ambigwa tal-kwantità mkejla u rapporti separati tat-2- u 3- MCPD preżenti fi stat liberu fil-matriċi analizzata mill-esteri tal-aċidi grassi 2- u 3-MCPD, minħabba li t-tnejn jitkejlu bħala 3-MCPD. Il-kwantitajiet li ġejjin li jridu jitkejlu għandhom jiġu rrappurtati separatament:
2-MCPD
3-MCPD
esteri 2-MCPD
esteri 3-MCPD
esteri tal-gliċidol.
Ma hemm l-ebda evidenza għalissa tal-preżenza ta' gliċidol fi stat liberu fl-ikel imsemmi fil-Punt (1). Madankollu f'każ fejn jiġi analizzat il-gliċidol fi stat liberu, dan għandu jiġi rrappurtat b'mod separat. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati analitiċi jiġu pprovduti fuq bażi regolari (kull sitt xhur) lill-EFSA fil-format tal-preżentazzjoni tad-dejta tal-EFSA f'konformità mar-rekwiżiti tal-EFSA's Guidance on Standard Sample Description (SSD) for Food and Feed u r-rekwiżiti addizzjonali speċifiċi ta' rappurtar tal-EFSA. Se jkun disponibbli format issemplifikat b'inqas oqsma obbligatorji li jridu jimtlew biex tkun żgurata preżentazzjoni massima tad-dejta ta' monitoraġġ disponibbli u utli. Se tiġi elaborata nota ta' gwida sabiex tkun żgurata applikazzjoni uniformi ta' din ir-Rakkomandazzjoni u jkun żgurat rapportar komparabbli tar-riżultati. Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Settembru 2014. Għall-Kummissjoni Tonio Borg Membru tal-Kummissjoni