Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1381 tal-10 ta' Awwissu 2015 dwar il-monitoraġġ tal-arseniku fl-ikel
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/oj/L/2015/1381@2015-08-10/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
(1) L-arseniku jinsab b'mod naturali fl-ambjent u jinsab fil-ħamrija, fl-ilma tal-pjan u fix-xtieli. L-arseniku jinsab f'varjetà wiesgħa ta' komposti tal-arseniku. L-arseniku jinsab fl-ilma, fil-ħamrija u fl-art. Kull xitla u kull annimal jassorbu l-arseniku.
(2) L-effetti negattivi ewlenin irrappurtati li huma assoċjati mal-inġestjoni fit-tul tal-arseniku inorganiku fil-bniedem huma leżjonijiet tal-ġilda, il-kanċer, it-tossiċità tal-iżvilupp, in-newrotossiċità, il-mard kardjovaskulari, il-metaboliżmu tal-glukożju anormali u d-dijabete.
(3) Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) biex tħejji opinjoni xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika b'rabta mal-preżenza tal-arseniku f'oġġetti tal-ikel (inkluż l-ilma tax-xorb).
(4) L-opinjoni xjentifika tal-EFSA rrakkomandat li tiġi ġġenerata dejta dwar l-ispeċjazzjoni għal oġġetti differenti tal-ikel li tappoġġa l-valutazzjoni tal-esponiment djetiku biex il-valutazzjoni tar-riskju tal-arseniku inorganiku tkun irfinuta,
ADOTTAT DAWN IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET: Li l-Istati Membri jimmonitorjaw il-preżenza tal-arseniku fl-ikel matul is-snin 2016, 2017 u 2018. Biex tkun possibbli stima preċiża tal-esponiment, il-monitoraġġ għandu jinkludi varjetà kbira ta' oġġetti tal-ikel li jirreflettu l-abitudnijiet tal-konsum inkluż ikel bħall-qmuħ taċ-ċereali, prodotti bbażati fuq iċ-ċereali (inklużi n-nuħħala u n-nebbieta), il-meraq tal-frott u tal-ħaxix, l-ilma tax-xorb (inkluż l-ilma tal-flixkun), il-kafè, il-weraq niexef tat-te, il-birra, il-ħut u l-frott tal-baħar, il-ħaxix, il-prodotti tal-alka (inkluż il-ħiġiki), il-ħalib, il-prodotti tal-ħalib, l-ikel maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar, l-ikel għal għanijiet mediċi speċjali u supplimenti tal-ikel. Li l-Istati Membri jimxu mal-proċeduri tat-teħid tal-kampjuni kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 sabiex jiżguraw li l-kampjuni huma rappreżentattivi tal-lott li minnu ttieħed il-kampjun. Li l-Istati Membri jwettqu l-analiżi tal-arseniku, preferibbilment billi jiddeterminaw il-kontenut ta' arseniku inorganiku u dak totali u, jekk ikun possibbli, speċi oħra rilevanti ta' arseniku f'konformità mal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jużaw metodu ta' analiżi li ġie muri li jiġġenera riżultati affidabbli. Li fuq bażi regolari l-Istati Membri jagħtu lill-EFSA d-dejta ta' monitoraġġ espressa fuq bażi ta' piż sħiħ bl-informazzjoni u fil-format ta' rappurtar elettroniku kif stabbilit mill-EFSA biex tinġabar f'bażi tad-dejta waħda. Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2015. Għall-Kummissjoni Vytenis Andriukaitis Membru tal-Kummissjoni