Gelex

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/914 tat-8 ta' Ġunju 2015 dwar l-iskema ta' risistemazzjoni Ewropea

In forceVersion 2015-06-08from 2015-07-03
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/oj/L/2015/914@2015-06-08/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari r-raba' sentenza tal-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'sessjoni straordinarja fit-23 ta' April 2015 fakkar is-serjetà tas-sitwazzjoni fil-Mediterran u esprima d-determinazzjoni tiegħu li l-Unjoni għandha timmobilizza l-isforzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex jiġi evitat aktar telf ta' ħajjiet fil-baħar u biex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-emerġenza umanitarja. Il-Kunsill Ewropew impenja ruħu wkoll li jistabbilixxi l-ewwel proġett pilota volontarju dwar ir-risistemazzjoni madwar l-Unjoni, u offra postijiet għal persuni li jikkwalifikaw għall-protezzjoni.

(2) Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015, il-Parlament Ewropew kien talab lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar kontribuzzjonijiet għal programmi ta' risistemazzjoni eżistenti u enfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess sigur u legali għas-sistema tal-ażil tal-Unjoni.

(3) Bħalissa hemm żbilanċ sinifikanti bejn l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-impenn li jirrisistemaw il-persuni. Ħmistax-il Stat Membru biss u tliet Stati Assoċjati għandhom programm ta' risistemazzjoni (u Stat Membru ieħor li ħabbar il-bidu ta' programm ta' risistemazzjoni), tliet Stati Membri u Stat Assoċjat wieħed wettqu risistemazzjoni fuq bażi ad hoc, filwaqt li oħrajn ma jinvolvu ruħhom xejn fir-risistemazzjoni.

(4) Fl-2014, l-għadd ta' applikanti għall-ażil fl-Unjoni laħaq livell massimu ta' 626000, filwaqt li 6380 ċittadin ta' pajjiżi terzi fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali ġew risistemati fl-Unjoni. In-numru ta' refuġjati, persuni li jfittxu l-ażil u persuni spostati internament madwar id-dinja fl-2013 qabeż il-50 miljun ruħ, għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn.

(5) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-10 ta' Ottubru 2014 irrikonoxxew li […] filwaqt li jqisu l-isforzi mwettqa mill-Istati Membri affettwati mill-flussi migratorji, l-Istati Membri kollha għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom għal [risistemazzjoni] b'mod ġust u bbilanċjat.

(6) Fit-13 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni ppreżentat Aġenda Ewropea komprensiva dwar il-Migrazzjoni li, fost oħrajn, tiddefinixxi sett ta' miżuri immedjati b'mod adegwat biex jirrispondu għal din it-traġedja umana fil-Mediterran kollu.

(7) Biex jiġi evitat li persuni spostati fi bżonn ta' protezzjoni jkollhom jirrikorru għal netwerks kriminali ta' kuntrabandisti u traffikanti, l-Aġenda titlob lill-Unjoni Ewropea biex iżżid l-isforzi tagħha fil-qasam tar-risistemazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tagħmel din ir-Rakkomandazzjoni u qed tipproponi skema ta' risistemazzjoni madwar l-UE biex toffri 20000 postijiet abbażi ta' gwida għat-tqassim.

(8) F'każ li l-Istati Assoċjati jiddeċiedu li jipparteċipaw, il-gwida għat-tqassim u l-allokazzjonijiet għal kull Stat Membru u Stat Assoċjat parteċipanti jiġu adattati kif xieraq.

(9) Fid-dawl tad-diskussjonijiet preċedenti waqt laqgħa apposta tal-Forum ta' Risistemazzjoni u Rilokazzjoni fil-25 ta' Novembru 2014, il-gwida għat-tqassim għandha tkun ibbażata fuq (a) id-daqs tal-popolazzjoni (ponderazzjoni ta' 40 %), (b) it-total tal-PDG (ponderazzjoni ta' 40 %), (c) in-numru medju ta' applikazzjonijiet spontanji għall-ażil u l-għadd ta' refuġjati risistemati għal kull miljun abitant tul il-perjodu 2010–2014 (ponderazzjoni ta' 10 %), u (d) ir-rata tal-qgħad (ponderazzjoni ta' 10 %).

(10) Total ta' 20000 persuna għandhom jiġu ammessi fl-Unjoni matul perjodu ta' sentejn ta' implimentazzjoni ta' din l-iskema mill-Istati Membri. Ir-responsabbiltà sabiex jiġu ospitati dawn il-persuni għandha tkun biss f'idejn l-Istati parteċipanti, f'konformità mar-regoli rilevanti tal-Unjoni u internazzjonali. Dan jikkorrispondi mat-talba mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) li ħeġġeġ lill-pajjiżi Ewropej biex jimpenjaw ruħhom aktar biex jirċievu r-refuġjati permezz ta' programmi ta' risistemazzjoni sostenibbli, li japprovaw il-kampanja mmexxija mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u ħames organizzazzjonijiet mhux governattivi.

(11) Biex jiġu identifikati r-reġjuni ta' prijorità, is-sitwazzjoni fil-viċinat u l-flussi migratorji attwali għandhom jiġu kkunsidrati, b'mod partikolari, ir-rabta mal-Programmi ta' Żvilupp u Protezzjoni Reġjonali fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika ta' Fuq u fil-Qarn tal-Afrika.

(12) L-esperjenza u l-għarfien espert tal-UNHCR u korpi rilevanti oħra, inkluż l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, għandhom jintalbu biex jassistu fl-implimentazzjoni ta' skema ta' risistemazzjoni.

(13) Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġu evitati movimenti sekondarji ta' persuni li ġew risistemati mill-Istat ta' risistemazzjoni għal Stati Membri oħra u Stati Assoċjati parteċipanti.

(14) Il-Kummissjoni tipprevedi li tikkontribwixxi għall-iskema billi tagħmel disponibbli ammont addizzjonali ta' EUR 50 miljun, fis-snin 2015 u 2016 skont il-Programm ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni, stabbilit bl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Sabiex isir l-aħjar użu tal-inċentivi finanzjarji, il-Kummissjoni se taġġusta s-somom f'daqqa u l-prijoritajiet dwar ir-risistemazzjoni previsti f'dak il-programm permezz ta' att delegat, skont l-Artikolu 17(4) u (10) tar-Regolament (UE) Nru 516/2014. F'każ li l-Istati Assoċjati jiddeċiedu li jipparteċipaw fl-iskema ta' risistemazzjoni, ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn somom f'daqqa taħt ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 bħala kumpens għat-talbiet tagħhom.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI: Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istat Membru jirrisistema 20000 ruħ fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali abbażi tal-kundizzjonijiet u l-gwida għat-tqassim stipulati f'din ir-Rakkomandazzjoni. Risistemazzjoni tfisser it-trasferiment ta' persuni individwali spostati li b'mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, fuq talba tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, minn pajjiż terz għal Stat Membru u bi ftehim ma' dan tal-aħħar,, bil-għan li jiġu protetti kontra r-refoulement u jiġu ammessi u jingħataw id-dritt li jibqgħu u xi drittijiet oħra paragunabbli għal dawk mogħtija lil benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali. L-Iskema Ewropea ta' risistemazzjoni għandha tkopri l-Istati Membri kollha. L-iskema għandha tikkonsisti minn offerta Ewropea unika ta' 20000 post ta' risistemazzjoni għal persuni biex jiġu risistemati. It-tul ta' żmien tal-iskema għandu jkun ta' sentejn mid-data ta' meta tiġi adottata r-Rakkomandazzjoni. Il-postijiet globali ta' risistemazzjoni offruti għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri skont it-tabella ta' tqassim fl-Anness. F'każ li l-Istati Assoċjati jiddeċiedu li jipparteċipaw fl-iskema, il-gwida għat-tqassim tiġi adattata skont dan. Ir-reġjuni ta' prijorità għar-risistemazzjoni għandom jinkludu l-Afrika ta' Fuq, il-Lvant Nofsani, u l-Qarn tal-Afrika, li jiffokaw fuq il-pajjiżi fejn qed jiġu implimentati l-Programmi Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni. L-Istati Membri u l-Istati Assoċjati parteċipanti għandhom jibqgħu responsabbli għal deċiżjonijiet ta' ammissjoni indidwali, wara kontrolli ta' sigurtà mediċi xierqa, filwaqt li l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati għandu jkun responsabbli għall-valutazzjoni tal-kandidati għar-risistemazzjoni fir-reġjuni ta' prijorità u jissottometti proposti għal risistemazzjoni lejn l-Istati Membri u l-Istati Assoċjati parteċipanti. Meta persuna risistemata tiġi ammessa fit-territorju ta' Stat Membru jew Stat Assoċjat parteċipanti, dak l-Istat għandu jwettaq proċedura formali għall-protezzjoni internazzjonali, inkluż it-teħid ta' marki tas-swaba', b'mod rapidu u skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament u tal-Kunsill, id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, u, mill-20 ta' Lulju 2015 id-Direttivi 2013/32/UE u 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Wara dan il-proċess, meta persuna risistemata tingħata protezzjoni internazzjonali jew status ta' protezzjoni nazzjonali minn Stat Membru, dik il-persuna għandha tibbenefika, fl-Istat Membru ta' risistemazzjoni, mid-drittijiet garantiti lill-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95/UE jew drittijiet simili garantiti mil-liġi nazzjonali. F'dan il-kuntest, il-moviment liberu fl-Unjoni, għandu jiġi ttrattat bl-istess kundizzjonijiet u restrizzjonijiet applikabbli għal ċittadini nazzjonali ta' pajjiż terz residenti legalment fl-Istati Membri. Fil-każ ta' Stati Assoċjati parteċipanti, għandha tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali ekwivalenti. Il-kandidati għal risistemazzjoni għandhom jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, skont l-iskema ta' risistemazzjoni kif ukoll skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali dwar l-ażil, qabel l-ammissjoni tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri jew l-Istati Assoċjati parteċipanti, b'mod partikolari dwar il-konsegwenzi ta' moviment ulterjuri fl-Unjoni u/jew fi Stati assoċjati parteċipanti u l-fatt li huma biss intitolati għad-drittijiet marbuta ma' protezzjoni internazzjonali jew status ta' protezzjoni nazzjonali fl-Istat ta' risistemazzjoni. Persuni risistemati li jidħlu fit-territorju ta' Stat Membru jew ta' Stat Assoċjat parteċipanti li mhuwiex l-Istat ta' risistemazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni, jew sakemm titlesta l-proċedura ta' protezzjoni internazzjonali formali jew wara l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, għandhom jintbagħtu lura lejn l-Istat ta' risistemazzjoni, skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-involviment prattiku tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil fl-implimentazzjoni tal-iskema għandu jkun żgurat, b'mod partikolari, biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri u l-Istati Assoċjati parteċipanti, speċjalment dawk li m'għandhom l-ebda esperjenza preċedenti ma' risistemazzjoni. L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-iskema u jirrapporta regolarment dwar l-implimentazzjoni. L-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jirċievu allokazzjoni finanzjarja proporzjonali għan-numru ta' persuni risistemati fit-territorju tagħhom skont is-somma f'daqqa stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014, kif aġġustat skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru xxx/2015. Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Ġunju 2015. Għall-Kummissjoni Dimitris Avramopoulos Membru tal-Kummissjoni

ANNEX

ANNESS

Stati Membri Tifsira (%) Allokazzjoni L-Awstrija 2,22 444 Il-Belġju 2,45 490 Il-Bulgarija 1,08 216 Il-Kroazja 1,58 315 Ċipru 0,34 69 Ir-Repubblika Ċeka 2,63 525 Id-Danimarka 1,73 345 L-Estonja 1,63 326 Il-Finlandja 1,46 293 Franza 11,87 2375 Il-Ġermanja 15,43 3086 Il-Greċja 1,61 323 L-Ungerija 1,53 307 L-Irlanda 1,36 272 L-Italja 9,94 1989 Il-Latvja 1,10 220 Il-Litwanja 1,03 207 Il-Lussemburgu 0,74 147 Malta 0,60 121 In-Netherlands 3,66 732 Il-Polonja 4,81 962 Il-Portugall 3,52 704 Ir-Rumanija 3,29 657 Is-Slovakkja 1,60 319 Is-Slovenja 1,03 207 Spanja 7,75 1549 L-Iżvezja 2,46 491 Ir-Renju Unit 11,54 2309 Is-soluzzjoni hija bbażata fuq il-kriterji li ġejjin:

(a) Id-daqs tal-popolazzjoni (ċifri tal-2014, ponderazzjoni ta' 40 %). Dan il-kriterju jirrifletti l-kapaċità ta' Stat Membru biex jassorbi ċertu numru ta' refuġjati;

(b) Il-PDG totali (ċifri tal-2013, ponderazzjoni ta' 40 %). Dan il-kriterju jirrifletti l-ġid assolut ta' pajjiż u b'hekk huwa indikattiv għall-kapaċità ta' ekonomija li tassorbi u tintegra r-refuġjati;

(c) L-għadd medju ta' applikazzjonijiet għall-ażil spontanji u l-għadd ta' refuġjati risistemati għal kull 1 miljun abitant tul il-perjodu 2010–2014 (ponderazzjoni ta' 10 %). Dan il-kriterju jirrifletti l-isforzi li saru mill-Istati Membri fil-passat riċenti;

(d) Ir-rata tal-qgħad (ċifri tal-2014, ponderazzjoni ta' 10 %). Dan il-kriterju jirrifletti l-kapaċità li jiġu integrati r-refuġjati.

Versions

  1. 2015-06-08