Gelex

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1144 tat-30 ta’ Lulju 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

Version 2020-07-30
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/oj/L/2020/1144@2020-07-30/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX
  3. ANNESS I

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77 (2) (b) u (e) u l-Artikolu 292, l-ewwel u t-tieni sentenza tiegħu,

Billi:

(1) Fit-30 ta' Ġunju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta' tali restrizzjoni (Rakkomandazzjoni tal-Kunsill). Fis-16 ta' Lulju 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1052 tas-16 ta' Lulju 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni.

(2) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tipprevedi li jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE mill-1 ta' Lulju 2020 b'mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Jenħtieġ li l-lista tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I tkun riveduta kull ġimagħtejn u, jekk meħtieġ, aġġornata mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE wara valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-metodoloġija, il-kriterji u l-informazzjoni msemmija fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(3) Minn dak iż-żmien 'l hawn saru diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE, dwar ir-rieżami tal-lista ta' pajjiżi terzi stabbilita fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u fl-applikazzjoni tal-kriterji u l-metodoloġija stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Bħala riżultat ta' dawn id-diskussjonijiet, il-lista ta' pajjiżi terzi stabbilita fl-Anness I jenħtieġ li tiġi emendata. B’mod partikolari, l-Alġerija jenħtieġ li titħassar mil-lista.

(4) Il-kontrolli fuq il-fruntieri mhumiex biss fl-interess tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, iżda tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fil-fruntieri interni. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri meħuda fil-fruntieri esterni jkunu kkoordinati sabiex jiżguraw żona Schengen li tiffunzjona tajjeb. Għal dak il-għan, mill-31 ta' Lulju 2020, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jneħħu r-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b'mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill kif emendat b'din ir-Rakkomandazzjoni.

(5) F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Peress li din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, jenħtieġ li d-Danimarka, f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur, wara li l-Kunsill ikun ħa deċiżjoni dwar din ir-Rakkomandazzjoni, jekk hijiex ser timplimentaha.

(6) Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE; Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(7) Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE.

(8) Fir-rigward tal-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE.

(9) Fir-rigward tal-Liechtenstein, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI: Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912, kif emendata bir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1052, dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta' tali restrizzjoni hija emendata kif ġej:

(1) L-ewwel paragrafu tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huwa sostitwit b'dan li ġej: Mill-31ta' Lulju 2020, l-Istati Membri għandhom ineħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b'mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I.

(2) L-Anness I għar-Rakkomandazzjoni huwa sostitwit b'dan li ġej:

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2020. Għall-Kunsill Il-President M.Roth

ANNEX

ANNESS I

Pajjiżi terzi li r-residenti tagħhom ma għandhomx jiġu affettwati minn restrizzjoni temporanja fil-fruntieri esterni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE

1. AWSTRALJA

2. KANADA

3. GEORGIA

4. ĠAPPUN

5. MAROKK

6. NEW ZEALAND

7. RWANDA

8. KOREA T’ISFEL

9. TAJLANDJA

10. TUNEŻIJA

11. URUGWAJ

12. ĊINA

Versions

  1. 2020-07-30