Linja Gwida (UE) 2021/2256 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi l-prinċipji tal-Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2021/50) (riformulazzjoni)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/oj/L/2021/2256@2021-11-02/mt
Contents
- Preamble
- KAPITOLU I Dispożizzjonijiet ġenerali
- Artikolu 1 Kamp ta’ applikazzjoni
- Artikolu 2 Definizzjonijiet
- (7) a)
- Artikolu 3 Dispożizzjonijiet nazzjonali konfliġġenti u l-applikabbiltà ta’ oqfsa etiċi differenti
- KAPITOLU II Standards ta’ kondotta etika
- PARTI 1 PRINĊIPJI ĠENERALI
- Artikolu 4 Prinċipji ġenerali
- Artikolu 5 Interazzjonijiet ma’ partijiet esterni
- PARTI 2 PREVENZJONI U ĠESTJONI TA’ KUNFLITTI TA’ INTERESS
- Artikolu 6 Kunflitti ta’ interess
- Artikolu 7 Projbizzjoni li wieħed jirċievi vantaġġi
- PARTI 3 SEGRETEZZA PROFESSJONALI U PREVENZJONI TA’ UŻU ĦAŻIN TA’ INFORMAZZJONI MHUX PUBBLIKA
- Artikolu 8 Segretezza professjonali u projbizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni mhux pubblika
- Artikolu 9 Projbizzjoni ta’ użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika
- Artikolu 10 Prinċipji ġenerali rigward tranżazzjonijiet finanzjarji privati
- Artikolu 11 Restrizzjonijiet speċifiċi fuq tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi
- 2. a)
- i)
- ii)
- iii)
- 3. a)
- KAPITOLU III Kollaborazzjoni u implimentazzjoni tal-Qafas tal-Etika tal-MSU
- Artikolu 12 Funzjonijiet indipendenti ta’ etika u/jew ta’ konformità
- Artikolu 13 Monitoraġġ tal-konformità
- Artikolu 14 Rapportar ta’ nuqqas ta’ konformità u segwitu
- KAPITOLU IV Dispożizzjonijiet finali
- Artikolu 15 Rapportar u valutazzjoni mill-ġdid
- Artikolu 16 Revoka
- Artikolu 17 Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni
- Artikolu 18 Destinatarji
- ANNEX
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 6(7) tiegħu,
Billi:
(1) Għandhom isiru numru ta’ emendi għal-Linja Gwida (UE) 2015/856 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/12). Fl-interessi taċ-ċarezza, jenħtieġ li l-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) tiġi riformulata.
(2) Sabiex iwettqu l-kompiti fdati lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (minn hawn ’il quddiem l-MSU) skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE u l-ANK jaderixxu mal-prinċipji ta’ indipendenza, akkontabilità, trasparenza u jżommu l-ogħla standards ta’ etika u integrità professjonali, inkluż l-ebda tolleranza lejn imġiba mhux xierqa u l-fastidju. Qafas ta’ governanza li jissalvagwardja dawn il-prinċipji u l-istandards huwa element ewlieni fl-iżgurar tal-kredibbiltà tal-MSU u huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja ta’ entitajiet taħt superviżjoni u taċ-ċittadini tal-Unjoni.
(3) B’dan il-ħsieb, fl-2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12), li stabbiliet il-prinċipji ta’ qafas tal-etika komuni għall-MSU (minn hawn ’il quddiem il-Qafas tal-Etika għall-MSU) li jissalvagwardja l-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-MSU kif ukoll il-fiduċja tal-pubbliku fl-integrità u l-imparzjalità tal-membri tal-korpi u tal-membri tal-persunal tal-BĊE u tal-ANK tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-MSU.
(4) Il-Kunsill Governattiv huwa tal-fehma li sabiex jinżammu l-ogħla standards ta’ etika professjonali u integrità, l-istandards minimi komuni eżistenti u r-regoli mmirati lejn il-prevenzjoni ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika tal-MSU, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, jenħtieġ li jiġu żviluppati aktar. Għal dan il-għan, il-Kunsill Governattiv iqis li huwa importanti li l-BĊE u l-ANK jadottaw miżuri mmirati biex jevitaw anki kwalunkwe apparenza ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata, l-użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika jew ta’ kunflitti ta’ interess possibbli. Għalkemm il-BĊE u l-ANK jenħtieġ li jkollhom ċerta latitudni fid-definizzjoni tal-aktar qafas xieraq għal tali miżuri, huwa importanti fl-istess ħin li, bħala minimu jiġi applikat sett ta’ miżuri allinjati, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi għall-membri tal-persunal tal-BĊE u għall-ANK meta jwettqu kompiti tal-MSU – sabiex tiġi protetta b’mod adegwat ir-reputazzjoni tal-MSU. Dawk il-miżuri allinjati jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-membri ta’ korp intern li għandu funzjonijiet amministrattivi u/jew konsultattivi relatati direttament jew indirettament mal-implimentazzjoni tal-kompiti tal-MSU mwettqa mill-ANK.
(5) Sabiex tiġi salvagwardjata aktar il-fiduċja tal-entitajiet taħt superviżjoni u taċ-ċittadini tal-Unjoni li l-membri tal-persunal tal-BĊE u tal-ANK, kif ukoll il-membri tal-korpi tagħhom, iservu b’imparzjalità professjonali sħiħa, jenħtieġ li jiġu evitati perċezzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess. Għal dan il-għan, dawk il-membri tal-persunal u l-membri tal-korpi li għandhom aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq jenħtieġ li jkunu meħtieġa jikkonformaw ma’ regoli u standards speċifiċi meta jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji privati, b’mod partikolari meta dawk it-tranżazzjonijiet jinvolvu entitajiet regolati.
(6) Filwaqt li l-Qafas tal-Etika għall-MSU japplika biss għat-twettiq ta’ kompiti superviżorji, biex jiġu żgurati integrità u standards ta’ governanza tajba koerenti kemm jista’ jkun fost il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) u l-ANK, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/11) li tistabbilixxi l-prinċipji ta’ Qafas tal-Etika tal-Eurosistema (minn hawn ’il quddiem il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema) applikabbli għat-twettiq ta’ kompiti tal-Eurosistema mill-BĊNi.
(7) Il-prinċipji stabbiliti mil-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) ġew issupplimentati mill-prattiki ta’ Implimentazzjoni tal-Qafas tal-Etika għall-MSU (EFSI) approvati mill-Kunsill Governattiv u trasposti f’regoli u prattiki interni adottati mill-BĊE u mill-ANK. Dawn il-prattiki tal-EFSI, inkluż b’mod partikolari l-prattika ta’ Implimentazzjoni Nru 4 dwar il-funzjoni ta’ konformità, jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-Qafas tal-Etika għall-MSU rivedut, b’mod li jissalvagwardja l-prinċipju tal-awtonomija organizzattiva ta’ kull ANK.
(8) Sabiex jiġi żgurat li l-Qafas tal-Etika għall-MSU jkompli jirrifletti standards xierqa u l-aħjar prattiki li jqisu l-aħħar żviluppi fil-komunità superviżorja u fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) tipprevedi rieżami regolari mill-Kunsill Governattiv. Id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE (minn hawn ’il quddiem il-Kodiċi Uniku), kompla jsaħħaħ l-istandards uniformi tal-etika professjonali għall-membri kollha tal-korpi ta’ livell għoli tal-BĊE u s-sostituti tagħhom. F’dan l-isfond, il-Kunsill Governattiv iqis li huwa meħtieġ li l-istandards eżistenti jiġu adattati kif previst fil-Qafas tal-Etika għall-MSU.
(9) Bil-ħsieb li jiġi pprovdut forum interistituzzjonali għall-iskambju dwar kwistjonijiet etiċi u ta’ konformità u dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Linja Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11) u l-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12), il-Kunsill Governattiv stabbilixxa Task Force tal-Uffiċjali tal-Etika u l-Konformità (ECTF). Fid-dawl tas-sinifikanza dejjem tikber ta’ dawn il-kwistjonijiet u l-ħtieġa li tirriżulta li jsir sforz għal standards aktar ambizzjużi fil-livell tal-MSU kif ukoll biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni koerenti tal-Qafas tal-Etika għall-MSU, il-Kunsill Governattiv qies li huwa xieraq li jiġu assenjati responsabbiltajiet imsaħħa lill-ECTF u li dan jiġi ttrasformat f’Konferenza permanenti dwar l-Etika u l-Konformità (ECC). Dawn ir-responsabbiltajiet imsaħħa jenħtieġ li jippermettu lill-MSU jindirizza b’mod adegwat l-isfidi inerenti fin-natura dinamika tal-integrità u l-istandards ta’ governanza tajba.
(10) Sabiex tiġi żgurata l-koerenza ġenerali ta’ dawn l-oqfsa etiċi, il-kunċetti ewlenin li jikkonċernaw il-kunflitti ta’ interess, l-aċċettazzjoni ta’ rigali u ospitalità u l-projbizzjoni tal-użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika kif stabbilit fil-Linji Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11) u (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) jenħtieġ li jiġu żviluppati aktar u allinjati mal-Kodiċi Uniku. B’mod partikolari, l-iskrutinju qabel l-impjieg u r-restrizzjonijiet ta’ wara l-impjieg jenħtieġ li jiġu estiżi lil hinn mill-membri għolja tal-persunal tal-MSU li jirrapportaw direttament lil-livell eżekuttiv sabiex jindirizzaw b’mod effettiv it-tħassib dwar ir-revolving doors bejn is-superviżuri bankarji u s-settur privat, b’mod partikolari l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji.
(11) Għalkemm il-Qafas tal-Etika għall-MSU japplika biss għat-twettiq ta’ kompiti superviżorji, huwa madankollu mixtieq li l-BĊE u l-ANK japplikaw standards ekwivalenti għall-membri tal-korpi tagħhom, il-persunal tagħhom u oħrajn li jwettqu kompiti mhux relatati mal-MSU.
(12) Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol.
(13) Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-Kodiċi Uniku u għal kwalunkwe rekwiżit ta’ kondotta etika stabbilit f’oqsma speċifiċi li jissodisfaw, bħala minimu, il-prinċipji tal-Qafas tal-Etika għall-MSU,
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
KAPITOLU I Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1 Kamp ta’ applikazzjoni
1. Din il-Linja Gwida għandha tapplika għall-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fit-twettiq tal-kompiti superviżorji mogħtija lill-BĊE. F'dan ir-rigward, regoli interni adottati mill-BĊE u mill-ANK fit-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida għandhom japplikaw għall-membri tal-persunal tagħhom u għall-membri tal-korpi tagħhom.
2. Il-BĊE u l-ANK għandhom jimmiraw sabiex, sa fejn ikun legalment fattibbli, jestendu l-obbligi ddefiniti fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida għal persuni involuti fit-twettiq ta’ kompiti superviżorji li ma humiex membri tal-persunal tal-BĊE u tal-ANK.
Artikolu 2 Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida:
(1) awtorità nazzjonali kompetenti tfisser awtorità nazzjonali kompetenti kif definit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Din id-definizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti taħt il-liġi nazzjonali li jassenjaw ċerti kompiti superviżorji lil BĊN li ma jkunx innominat bħala ANK. Referenza għal ANK f’din il-Linja Gwida, f’każ bħal dan, tapplika wkoll għall-BĊN fir-rigward tal-kompiti assenjati lilu mil-liġi nazzjonali;
(2) Qafas tal-Etika għall-MSU tfisser id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida kif implimentati mill-BĊE u kull waħda mill-ANK;
(3) informazzjoni mhux pubblika tfisser informazzjoni, irrispettivament mill-forma tagħha, li tappartjeni għat-twettiq ta’ kompiti superviżorji mogħtija lill-BĊE u lill-ANK u li ma tkunx saret pubblika;
(4) informazzjoni sensittiva għas-suq tfisser informazzjoni ta’ natura preċiża li jekk issir pubblika, x’aktarx ikollha effett sinifikanti fuq il-prezz ta’ assi jew il-prezzijiet fis-swieq finanzjarji;
(5) membru tal-persunal tfisser persuna li għandha relazzjoni ta’ impjieg mal-BĊE jew ma’ ANK għajr jekk dik il-persuna tkun fdata biss b’kompiti li mhumiex relatati mat-twettiq ta’ kompiti superviżorji skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013;
(6) membru ta’ korp tfisser membru ta’ korp deċiżjonali jew korp intern ieħor tal-BĊE jew tal-ANK minbarra membru tal-persunal, ħlief jekk dak il-membru ta’ korp ikun unikament fdat b’kompiti mhux relatati mat-twettiq ta’ kompiti superviżorji skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013;
(7) entità regolata tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(7) a)
istituzzjoni finanzjarja monetarja (MFI) kif iddefinita fil-punt (1)(b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 2021/379 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/2), imma esklużi l-fondi tas-suq monetarju;
b)
istituzzjoniji ta’ kreditu mhux MFI kif iddefinit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2);
c)
kumpanija azzjonarja finanzjarja kif iddefinita fil-punt (20) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
d)
kumpannija holding finanzjarja mħallta li tamministra kif iddefinita fil-punt (15) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
e)
konglomerat finanzjarju kif definit fil-punt (14) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE li huwa soġġett għal superviżjoni supplimentari mill-BĊE skont l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;
(8) kunflitt ta’ interess tfisser sitwazzjoni fejn l-interessi personali jistgħu jinfluwenzaw, jew jistgħu jitqiesu bħala li jinfluwenzaw, it-twettiq imparzjali u oġġettiv tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet;
(9) interess personali tfisser benefiċċju jew benefiċċju potenzjali, ta’ natura finanzjarja jew mhux finanzjarja, għal membru tal-persunal jew membru ta’ korp, inkluż — iżda mhux limitat għal — benefiċċju għal membru dirett tal-familja (li jkun kwalunkwe ġenitur, tifel, ħu jew oħt), konjuġi jew sieħeb/sieħba;
(10) negozjar għal perijodu qasir tfisser ix-xiri u l-bejgħ sussegwenti ta’ strument finanzjarju jew il-bejgħ u x-xiri sussegwenti tal-istess strument finanzjarju fi żmien 90 jum kalendarju;
(11) assi legat tfisser assi pprojbit li ġie akkwistat minn membru ta’ korp jew membru tal-persunal qabel il-projbizzjoni tal-assi jew qabel ma l-projbizzjoni ssir applikabbli għalihom, jew li ġie fil-pussess tagħhom fi żmien aktar tard minħabba ċirkostanzi li fuqhom ma kellhom l-ebda influwenza;
(12) vantaġġ tfisser rigal, ospitalità jew benefiċċju ieħor — kemm jekk finanzjarju, in natura jew ta’ natura oħra — li ma jkunx miftiehem bħala kumpens għal servizzi mogħtija u li r-riċevitur ma jkunx intitolat għalihom mod ieħor.
Artikolu 3 Dispożizzjonijiet nazzjonali konfliġġenti u l-applikabbiltà ta’ oqfsa etiċi differenti
1. Fejn ANK ma tkunx tista’ timplimenta dispożizzjoni ta’ din il-Linja Gwida minħabba liġi nazzjonali applikabbli, hija għandha tinforma lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed u tieħu miżuri raġonevoli għad-dispożizzjoni tagħha biex tegħleb l-ostaklu maħluq minn din il-liġi nazzjonali, sabiex tinkiseb implimentazzjoni armonizzata ta’ din il-Linja Gwida fl-MSU kollu.
2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għal regoli etiċi aktar stretti stabbiliti mill-BĊE jew mill-ANK li huma applikabbli għall-membri tal-persunal tagħhom u għall-membri tal-korpi tagħhom.
KAPITOLU II Standards ta’ kondotta etika
PARTI 1 PRINĊIPJI ĠENERALI
Artikolu 4 Prinċipji ġenerali
1. Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fit-twettiq tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, il-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom josservaw l-ogħla standards ta’ kondotta etika.
2. Meta jikkonformaw mal-obbligu skont il-paragrafu 1, il-BĊE u l-ANK għandhom, b’mod partikolari, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom jaġixxu b’mod onest, indipendenti, imparzjali, b’rispett u diskrezzjoni li jevita kwalunkwe forma ta’ mġiba mhux xierqa jew fastidju, u mingħajr kunsiderazzjoni għall-interess proprju, u b’hekk iżommu u jippromwovu l-fiduċja pubblika fl-MSU.
Artikolu 5 Interazzjonijiet ma’ partijiet esterni
Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom li jiltaqgħu ma’ partijiet esterni – u b’mod partikolari ma’ rappreżentanti mill-industrija tas-servizzi finanzjarji – (a) iżommu n-newtralità u t-trattament ugwali fl-interazzjonijiet tagħhom ma’ dawk il-partijiet esterni; (b) iżommu rekords bażiċi tal-laqgħat; u (c) jevitaw kwalunkwe kondotta li tista’ titqies bħala li tagħti lill-partijiet esterni kwalunkwe vantaġġ, inklużi vantaġġi ta’ natura kummerċjali jew prestiġjuża.
PARTI 2 PREVENZJONI U ĠESTJONI TA’ KUNFLITTI TA’ INTERESS
Artikolu 6 Kunflitti ta’ interess
1. Il-BĊE u l-ANK għandu jkollhom mekkaniżmu fis-seħħ biex jiġġestixxu sitwazzjoni li fiha kandidat li jkun se jinħatar bħala membru tal-persunal ikollu kunflitt ta’ interess li jirriżulta, inter alia, minn attivitajiet okkupazzjonali preċedenti, holdings finanzjarji, attivitajiet privati jew relazzjonijiet personali.
2. Il-BĊE u l-ANK għandhom jadottaw regoli interni li jirrikjedu li l-membri tal-persunal u tal-korpi tagħhom jevitaw matul l-impjieg tagħhom kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interess u biex jirrapportaw tali sitwazzjonijiet. Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta jiġi rrapportat kunflitt ta’ interess, dan ikun irreġistrat kif xieraq u jkun hemm disponibbli u jittieħdu miżuri xierqa biex isolvu jew itaffu dan il-kunflitt ta’ interess, inkluż ir-rilaxx minn dmirijiet relatati mal-kwistjoni rilevanti.
3. Il-BĊE u l-ANK għandu jkollhom mekkaniżmu fis-seħħ biex jivvalutaw u jevitaw kunflitti ta’ interess possibbli li jirriżultaw minn attivitajiet okkupazzjonali ta’ wara l-impjieg imwettqa mill-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom, inklużi rekwiżiti ta’ notifika xierqa u perjodi ta’ preklużjoni.
4. Il-BĊE u l-ANK għandu jkollhom, meta jkun rilevanti, mekkaniżmu fis-seħħ biex jivvalutaw u jevitaw kunflitti potenzjali ta’ interess li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ xogħol li jagħmlu l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom matul il-liv bla ħlas.
Artikolu 7 Projbizzjoni li wieħed jirċievi vantaġġi
1. Il-BĊE u l-ANK għandhom jadottaw regoli interni li jipprojbixxu lill-membri tal-persunal tagħhom u lill-membri tal-korpi tagħhom milli jitolbu, jirċievu jew jaċċettaw wegħda li jirċievu xi vantaġġ, għalihom jew għal kwalunkwe persuna oħra, li jkun b’xi mod marbut mal-qadi tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet uffiċjali tagħhom.
2. Il-BĊE u l-ANK jistgħu jispeċifikaw fir-regoli interni tagħhom eżenzjonijiet mill-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-vantaġġi offruti mill-banek ċentrali, l-ANK, istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji tal-Unjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji tal-gvern, kif ukoll akkademji, u fir-rigward ta’ vantaġġi ta’ valur tas-soltu jew negliġibbli offruti mis-settur privat, dment li fil-każ tal-aħħar dawn il-vantaġġi la jkunu ta’ spiss u lanqas mill-istess sors. Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dawn l-eżenzjonijiet ma jinfluwenzawx u ma jkunux jistgħu jitqiesu bħala li jinfluwenzaw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-persunal tagħhom u tal-membri tal-korpi tagħhom.
PARTI 3 SEGRETEZZA PROFESSJONALI U PREVENZJONI TA’ UŻU ĦAŻIN TA’ INFORMAZZJONI MHUX PUBBLIKA
Artikolu 8 Segretezza professjonali u projbizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni mhux pubblika
B’kont meħud tar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 37 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali applikabbli għalihom u jkunu pprojbiti milli jiżvelaw informazzjoni mhux pubblika lil partijiet terzi sakemm ma jkunux awtorizzati li jiżvelaw tali informazzjoni.
Artikolu 9 Projbizzjoni ta’ użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika
1. Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom ikunu pprojbiti milli jużaw ħażin informazzjoni mhux pubblika.
2. Il-projbizzjoni tal-użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika għandha tkopri, bħala minimu, l-użu ta’ informazzjoni mhux pubblika: (a) għal tranżazzjonijiet finanzjarji privati għan-nom proprju jew għan-nom ta’ partijiet terzi; u (b) sabiex partijiet terzi jingħataw rakkomandazzjonijiet jew jiġu mħajjra biex jaġixxu fuq dik l-informazzjoni mhux pubblika.
Artikolu 10 Prinċipji ġenerali rigward tranżazzjonijiet finanzjarji privati
Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom ikunu meħtieġa — meta jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji privati għan-nom proprju jew għan-nom ta’ kwalunkwe parti terza — jużaw kawtela, iżommu lura u jkollhom orizzont ta’ investiment fuq terminu medju sa twil.
Artikolu 11 Restrizzjonijiet speċifiċi fuq tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi
1. Meta jqisu kunsiderazzjonijiet ta’ effettività, effiċjenza u proporzjonalità, il-BĊE u l-ANK għandhom jadottaw regoli interni applikabbli għall-membri tal-persunal u l-membri tal-korpi li fit-twettiq ta’ kompiti tal-MSU jkollhom aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq, għajr fuq bażi ta’ darba (minn hawn ’il quddiem persuni b’aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq), billi jintroduċu r-restrizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-paragrafu 2 dwar tranżazzjonijiet finanzjarji privati li huma jew li jistgħu jitqiesu li huma relatati mill-qrib mat-twettiq ta’ kompiti tal-MSU (minn hawn ’il quddiem tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi).
2. Ir-regoli interni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:
2. a)
jipprojbixxu tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi fi:
i)
strumenti ta’ ekwità u ta’ dejn maħruġa minn entità regolata;
ii)
derivattivi relatati ma’ strumenti ta’ ekwità u ta’ dejn maħruġa minn entità regolata;
iii)
unitajiet ta’ skemi ta’ investiment kollettiv li għandhom politika ta’ investiment iddikjarata mmirata esklussivament lejn entitajiet regolati; u
b)
jirrestrinġu tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi oħrajn skont il-ħtieġa; u
c)
jirrestrinġu n-negozjar għal perijodu qasir.
3. Filwaqt li jqisu kunsiderazzjonijiet ta’ effettività, effiċjenza u proporzjonalità, ir-regoli interni adottati skont il-paragrafu 2(b) u (c) jistgħu jikkonsistu f’waħda jew aktar mir-restrizzjonijiet li ġejjin fuq it-tranżazzjoni rilevanti:
3. a)
projbizzjoni;
b)
rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel;
c)
rekwiżit ta’ rapportar ex ante jew ex post;
d)
perijodu ta’ embargo li fih ma għandhiex titwettaq tali tranżazzjoni.
4. Fir-regoli interni tagħhom, il-BĊE u l-ANK: (i) għandhom jipprovdu li persuni b’aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq jirrapportaw l-assi legati tagħhom kull meta ż-żamma ta’ dawn l-assi toħloq kunflitt ta’ interess mal-involviment tagħhom f’kompiti tal-MSU; u (ii) għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu biex jiżguraw li l-kunflitti ta’ interess li jirriżultaw minn assi legati jiġu solvuti f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, fosthom li jista’ jintalab li l-assi legati li joħolqu kwalunkwe kunflitt ta’ interess jinbiegħu f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. Il-BĊE u l-ANK jistgħu jipprovdu fir-regoli interni tagħhom li l-assi legati li ma joħolqux kunflitti ta’ interess jistgħu jinżammu.
5. Il-BĊE u l-ANK għandhom jispeċifikaw fir-regoli interni tagħhom il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji li taħthom il-persuni li jafdaw il-ġestjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati tagħhom lil terza persuna indipendenti skont ftehim ta’ ġestjoni tal-assi bil-miktub ikunu eżentati mir-restrizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’dan l-Artikolu.
6. Il-BĊE u l-ANK jistgħu jadottaw regoli interni li japplikaw restrizzjonijiet kif stabbilit f’dan l-Artikolu għall-membri tal-persunal tagħhom u għall-membri tal-korpi tagħhom għajr persuni b’aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq.
7. Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jaġġustaw ir-regoli interni tagħhom li jimponu restrizzjonijiet speċifiċi fuq tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi kif imsemmi fil-paragrafu 2 biex jirriflettu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.
KAPITOLU III Kollaborazzjoni u implimentazzjoni tal-Qafas tal-Etika tal-MSU
Artikolu 12 Funzjonijiet indipendenti ta’ etika u/jew ta’ konformità
1. Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkollhom funzjoni ddedikata għall-etika u/jew il-konformità — li għandha tkun funzjoni ewlenija ta’ ġestjoni tar-riskju — biex tappoġġa lill-korpi deċiżjonali tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-Etika għall-MSU. Il-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità għandu jkollha l-pożizzjoni, l-awtorità u l-indipendenza xierqa meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha. Din għandha tirrapporta direttament — ġerarkikament jew funzjonalment — lill-ogħla livell ta’ ġestjoni fi ħdan il-BĊE jew l-ANK rilevanti, kif applikabbli. Għandha tingħata riżorsi adegwati biex twettaq il-kompiti tagħha, u biex iżomm ruħha aġġornata dwar l-iżviluppi pertinenti u biex iżżomm l-għarfien espert tagħha attwali.
2. Ir-responsabbiltajiet tal-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità fir-rigward tal-Qafas tal-Etika għall-MSU għandhom jinkludu: (a) l-għoti ta’ pariri u gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Qafas tal-Etika għall-MSU; (b) iż-żieda tal-għarfien u t-twettiq ta’ taħriġ obbligatorju; (c) l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji ta’ konformità; (d) il-monitoraġġ u l-verifika tal-konformità; (e) ir-rapportar ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità; (f) l-abbozzar, jew il-kontribut għall-abbozzar, tar-regoli u l-prattiki interni tal-BĊE jew l-ANK rilevanti, skont kif applikabbli; u (g) it-tħejjija tar-rapport annwali mill-BĊE jew mill-ANK rilevanti, skont kif applikabbli u kif imsemmi fl-Artikolu 15(1).
3. Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità tagħhom tkun involuta, kif xieraq u fil-ħin, fi kwistjonijiet li jista’ jkollhom impatt fuq il-Qafas tal-Etika għall-MSU.
4. Il-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità tal-BĊE u tal-ANK għandha tittratta l-informazzjoni miksuba fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħha bl-akbar kunfidenzjalità u għandha tipproċessa u żżomm kwalunkwe data personali skont ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.
5. F’każijiet fejn il-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità tal-banek ċentrali tal-Eurosistema twettaq kompiti u dmirijiet oħra, il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe kompitu u dmir bħal dan ikunu kompatibbli mal-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità nnifisha jew il-kompiti u d-dmirijiet tat-taqsima organizzattiva li magħha hija marbuta l-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità mil-lat organizzattiv.
Artikolu 13 Monitoraġġ tal-konformità
1. Il-BĊE u l-ANK għandu jkollhom stabbiliti mekkaniżmi biex jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida. Il-monitoraġġ għandu jinkludi, b’mod partikolari, il-konformità mar-regoli interni li jimplimentaw ir-restrizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi kif previst fl-Artikolu 11 u, kontrolli ta’ konformità regolari u/jew ad hoc skont il-ħtieġa.
2. Il-monitoraġġ tal-konformità għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli interni li jippermettu investigazzjonijiet interni jekk membru tal-persunal tagħhom jew membru ta’ korp tagħhom ikun issuspettat li kiser ir-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida.
Artikolu 14 Rapportar ta’ nuqqas ta’ konformità u segwitu
1. Il-BĊE u l-ANK għandhom jadottaw regoli interni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta kif ukoll proċeduri interni għar-rapportar ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida. Dawn ir-regoli u proċeduri interni għandhom jinkludu miżuri biex jiżguraw il-protezzjoni xierqa ta’ persuni li jirrapportaw każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.
2. Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jkun hemm segwitu għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, fosthom, kif ikun xieraq, l-impożizzjoni ta’ miżuri dixxiplinari proporzjonati skont ir-regoli u l-proċeduri dixxiplinari applikabbli.
3. Il-BĊE u l-ANK għandhom jirrapportaw kwalunkwe inċident kbir relatat man-nuqqas ta’ konformità mar-regoli interni tagħhom li jimplimentaw din il-Linja Gwida mingħajr dewmien żejjed permezz tal-Kumitat tal-Iżvilupp Organizzattiv u l-Bord Superviżorju lill-Kunsill Governattiv f’konformità mal-proċeduri interni applikabbli, u jinformaw lill-Kumitat tal-Awditjar u lill-ECC b’mod parallel.
KAPITOLU IV Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 15 Rapportar u valutazzjoni mill-ġdid
1. Il-BĊE u l-ANK għandhom jibagħtu lill-ECC ir-rapport annwali tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-Linja Gwida bil-ħsieb li jiskambjaw informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-Linja Gwida u jippreparaw rieżamijiet futuri u/jew jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ approċċi komuni, kif imsemmi fl-Artikolu 12(2).
2. Il-Kunsill Governattiv għandu jirrieżamina din il-Linja Gwida mill-inqas kull tliet snin sa mhux aktar tard mid-data li fiha r-regoli u l-miżuri li jimplimentaw il-Linja Gwida kellhom jiġu applikati kif definit fl-Artikolu 17(2) jew fuq ir-rakkomandazzjoni tal-ECC.
Artikolu 16 Revoka
1. Il-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) hija b'dan imħassra.
2. Ir-referenzi għal-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din il-Linja Gwida u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness għal din il-Linja Gwida.
Artikolu 17 Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni
1. Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-ANK.
2. Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw u jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida u japplikaw ir-regoli u l-miżuri li jimplimentaw il-Linja Gwida mill-1 ta’ Ġunju 2023. L-ANK għandhom jinfurmaw lill-BĊE dwar kwalunkwe ostakolu għall-implimentazzjoni ta’ din il-Linja Gwida u għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma’ dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2023.
Artikolu 18 Destinatarji
Din il-linja ta’ gwida hija indirizzata lill-BĊE u lill-ANK.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Novembru 2021. Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE Il-President tal-BĊE Christine Lagarde
ANNEX
ANNESS Tabella ta’ korrelazzjoni
Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) Din il-Linja Gwida Artikolu 1 Artikolu 2 Artikolu 2 Artikolu 1 Artikolu 3 / Artikolu 4 / Artikolu 5 Artikolu 13 Artikolu 6 Artikolu 14 Artikolu 7 Artikolu 9 Artikolu 8 Artikolu 11 Artikolu 9 Artikolu 6 Artikolu 10 Artikolu 7 Artikolu 11 Artikolu 17 Artikolu 12 Artikolu 15 Artikolu 13 Artikolu 18