Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2205 tal-25 ta’ Settembru 2023 dwar l-iffirmar, u l-applikazzjoni provviżorja, u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-istatus tal-Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2023/2205@2023-09-25/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) Fl-24 ta’ April 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/855, li tistabbilixxi Missjoni ta’ Sħubija ċivili tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova).
(2) Fit-22 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/993, li tniedi l-EUPM Moldova.
(3) Fis-26 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill awtorizza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex jiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Moldova bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus tal-EUPM Moldova.
(4) Ġie nnegozjat ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova abbażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fis-26 ta’ Ġunju 2023.
(5) Jenħtieġ li l-Ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-istatus tal-Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova) (il-Ftehim) jiġi approvat f’isem l-Unjoni.
(6) Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-istatus tal-Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova) (il-Ftehim) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna(i) bis-setgħa li tiffirma l-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.
Artikolu 3 Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 4 Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 19, paragrafu 2, tal-Ftehim.
Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Settembru 2023. Għall-Kunsill Il-President H. Gómez Hernández