Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2377 tat-28 ta’ Settembru 2023 li ma tapprovax iż-żeolit tal-fidda u tar-ram bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 4 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2023/2377@2023-09-28/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b’mod partikolari l-Artikolu 89(1), it-tielet subparagrafu tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi eżistenti li għandhom jiġu evalwati biex possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Dik il-lista tinkludi ż-żeolit tal-fidda u tar-ram (Nru CAS: 130328-19-7) fil-prodotti tat-tip 4.
(2) L-Iżvezja nħatret l-Istat Membru relatur. Iż-żeolit tal-fidda u tar-ram ġie evalwat mill-awtorità kompetenti tal-Iżvezja (l-awtorità kompetenti li tevalwa) għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 4, fid-diżinfettanti taż-żoni tal-ikel u tal-għalf, kif imsemmi fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.
(3) Fit-12 ta’ Ġunju 2017, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni ppreżentat ir-rapport ta’ valutazzjoni dwar l-applikazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tagħha lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi. (ECHA) L-ECHA ddiskutiet ir-rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjonijiet fil-laqgħat tekniċi.
(4) F’konformità mal-Artikolu 75(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali jħejji l-opinjoni tal-ECHA rigward l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi. F’konformita mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1062/2014, li jinqara flimkien mal-Artikolu 75(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali adotta l-opinjoni tal-ECHA fit-3 ta’ Marzu 2021, filwaqt li qies il-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.
(5) Fl-opinjoni tagħha, l-ECHA kkonkludiet li ma ntwerietx biżżejjed effikaċja għall-użu li jikkonsisti mill-inkorporazzjoni tal-prodott bijoċidali rappreżentattiv fil-materjali maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel. Għalhekk, il-prodotti bijoċidali tat-tip 4 tal-prodotti, li fihom iż-żeolit tal-fidda u tar-ram mhumiex mistennija jissodisfaw il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 19(1), il-punt (b)(i) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.
(6) L-ECHA kkonkludiet ukoll li ġew identifikati riskji inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem mill-konsum ta’ ikel li ġie f’kuntatt ma’ polimeri ttrattati, u ma setatx tiġi identifikata miżura ta’ mitigazzjoni tar-riskji biex ittaffi dawk ir-riskji. Għalhekk, il-prodotti bijoċidali tat-tip 4 li fihom iż-żeolit tal-fidda u tar-ram mhumiex mistennija jissodisfaw il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 19(1), il-punt (b)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.
(7) Meta titqies l-opinjoni tal-ECHA, jixraq li ż-żeolit tal-fidda u tar-ram ma jiġix approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 4.
(8) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Iż-żeolit tal-fidda u tar-ram (Nru CAS: 130328-19-7) mhuwiex approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 4.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2023. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen