Deċiżjoni (UE) 2023/2816 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro u li tħassar id-DeċiżjonI (UE) 2020/136 (BĊE/2020/2) (BĊE/2023/36)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2023/2816@2023-12-07/mt
IL-KUNSILL ĠENERALI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu,
Billi:
(1) L-Artikolu 47 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-Istatut tas-SEBĊ) jistipula illi l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri b’deroga (minn hawn ’il quddiem BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro) m’għandhomx għalfejn iħallsu l-kapital sottoskritt tagħhom sakemm il-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), b’maġġoranza li tirrappreżenta mill-inqas żewġ terzi mill-kapital sottoskritt tal-BĊE u mill-inqas nofs l-azzjonisti, jiddeċiedi li persentaġġ minimu għandu jitħallas bħala kontribut għall-ispejjeż operattivi tal-BĊE.
(2) L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/136 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/2) jipprevedi li kull BĊN li mhuwiex fiż-żona tal-euro għandu jħallas 3,75% tas-sehem tiegħu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE b’ effett mill-1 ta’ Frar 2020.
(3) Id-Deċiżjoni (UE) 2023/2811 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2023/31) tipprovdi għall-aġġustament tal-iskema għas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE (iktar ’il quddiem l-iskema tal-kapital) skont l-Artikolu 29.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u tistabbilixxi b'effett mill-1 ta' Jannar 2024 il-ponderazzjonijiet il-ġodda allokati lil kull BĊN fl-iskema tal-kapital aġġustata (iktar ’il quddiem il-ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital).
(4) L-aġġustament ta' kull ħames snin tal-iskema tal-kapital tal-BĊE jirrikjedi l-adozzjoni ta' deċiżjoni ġdida tal-BĊE li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2020/136 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/2) b'effett mill-1 ta' Jannar 2024 u d-determinazzjoni tal-perċentwal tal-kapital sottoskritt tal-BĊE li l-BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro huma obbligati jħallsu b'effett mill-1 ta' Jannar 2024,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Ammont u forma ta’ kapital sottoskritt u mħallas
Kull BĊN li mhuwiex fiż-żona tal-euro għandu jħallas 3,75 % ta’ sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024. Meta jiġu kkunsidrati l-ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital ġdid stipulat fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2023/2811 (BĊE/2023/31), kull BĊN mhux fiż-żona tal-euro għandu jkollu total tal-kapital sottoskritt u mħallas li huwa l-ammont muri ħdejn ismu fit-tabella li ġejja: BĊN li mhuwiex fiż-żona tal-euro Kapital sottoskritt fl-1 ta' Jannar 2024 (f’EUR) Kapital imħallas fl-1 ta' Jannar 2024 (f’EUR) Българска народна банка (Bulgarian National Bank) 105901044,16 3971289,16 Česká národní banka 212419113,73 7965716,76 Danmarks Nationalbank 192652650,82 7224474,41 Magyar Nemzeti Bank 171240786,83 6421529,51 Narodowy Bank Polski 659979031,02 24749213,66 Banca Naţională a României 312712804,23 11726730,16 Sveriges Riksbank 318699033,14 11951213,74
Artikolu 2 Aġġustament tal-kapital imħallas
1. Billi kull BĊN li mhuwiex fiż-żona tal-euro diġà ħallas 3,75% ta' sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE kif applikabbli fil-31 ta' Diċembru 2023 skont id-Deċiżjoni (UE) 2020/136 (BĊE/2020/2), kull wieħed minnhom għandu jew jittrasferixxi ammont addizzjonali lill-BĊE, jew jirċievi ammont lura mingħand il-BĊE, skont il-każ, sabiex jasal għall-ammonti murija fit-tielet kolonna tat-tabella fl-Artikolu 1.
2. Kull trasferiment bis-saħħa dan l-Artikolu għandu jsir skont id-Deċiżjoni (UE) 2023/2817 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2023/33).
Artikolu 3 Dħul fis-seħħ u revoka
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-1 ta' Jannar 2024.
2. Id-Deċiżjoni (UE) 2020/136 (BĊE/2020/2) hija rrevokata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024.
3. Ir-referenzi għad-Deċiżjoni (UE) 2020/136 (BĊE/2020/2) għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta’ Diċembru 2023. Il-President tal-BĊE Christine Lagarde