Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2853 tat-12 ta’ Diċembru 2023 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra

In forceVersion 2023-12-12
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/decision/2023/2853@2023-12-12/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Fit-12 ta’ Ġunju 2002, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni għal Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) mal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku.

(2) In-negozjati bejn l-Unjoni u l-Istati Sħab tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) (ir-Repubblika tal-Burundi, ir-Repubblika tal-Kenja, ir-Repubblika tar-Rwanda, ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija u r-Repubblika tal-Uganda) għal FSE bejn l-UE u l-EAC ġew konklużi fl-14 ta’ Ottubru 2014 u l-FSE bejn l-UE u l-EAC ġie inizjalat fis-16 ta’ Ottubru 2014.

(3) Ir-Repubblika tal-Kenja (Kenja) iffirmat u rratifikat l-FSE bejn l-UE u l-EAC fl-1 u fit-28 ta’ Settembru 2016, rispettivament. Biex l-FSE bejn l-UE u l-EAC jidħol fis-seħħ, il-membri kollha tal-EAC jeħtieġ li jiffirmawh u jirratifikawh. Sa din id-data, il-firma u r-ratifika tal-membri l-oħra tal-EAC għadhom pendenti, u b’hekk jipprevjeni li l-FSE bejn l-UE u l-EAC jidħol fis-seħħ.

(4) Fid-19 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill aġġorna d-direttivi ta’ negozjar tal-Kummissjoni tal-2002 billi inkluda l-konklużjoni ta’ kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-FSE.

(5) Fis-27 ta’ Frar 2021, is-Summit tal-EAC awtorizza lill-membri individwali tal-EAC biex jipproċedu bl-implimentazzjoni bilaterali tal-FSE bejn l-UE u l-EAC skont il-prinċipju ta’ ġeometrija varjabbli. Fl-4 ta’ Mejju 2021, il-Kenja nnotifikat lill-Kummissjoni bit-talba tagħha biex timxi ’l quddiem f’dak is-sens.

(6) Fis-17 ta’ Frar 2022, l-Unjoni u l-Kenja iffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta fil-marġini tas-Summit bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana fejn qablu li javvanzaw in-negozjati dwar FSE bejn l-Unjoni u l-Kenja (il-Ftehim), li għandu jibqa’ miftuħ għall-adeżjoni minn Stati bi Sħab oħra tal-EAC.

(7) Fl-24 ta’ Mejju 2023, in-negozjati għall-Ftehim ġew konklużi b’suċċess.

(8) Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra (il-Ftehim), huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3 Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2023. Għall-Kunsill Il-President P. Navarro Ríos

Versions

  1. 2023-12-12